Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ‎ jniedu kooperazzjoni biex il-Patt Ekoloġiku jitwettaq lokalment  

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ħadu l-impenn għal fażi ġdida ta’ kooperazzjoni biex jitħaffef it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa. Matul dibattitu ma’ Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Patt Ekoloġiku Ewropew appella lill-gvernijiet lokali u reġjonali biex jieħdu s-sjieda u jsawru l-Patt Ekoloġiku fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom. Il-membri tal-KtR laqgħu l-kooperazzjoni, filwaqt li appoġġjaw il-Patt Ekoloġiku bħala l-mezz ewlieni tal-UE biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku ekoloġiku u inklużiv fir-reġjuni, il-bliet u l-irħula kollha.

Il-kooperazzjoni l-ġdida għandha l-għan li tagħti lill-gvernijiet lokali u reġjonali l-appoġġ u l-għarfien li jeħtieġu biex japplikaw b’mod aktar effettiv għall-fondi għall-irkupru nazzjonali u dawk tal-UE biex il-Patt Ekoloġiku jsir reali f’kull komunità, speċifikament biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini, jiġi żviluppat trasport sostenibbli u jitħarsu l-ħabitats naturali. Iż-żewġ istituzzjonijiet se jaħdmu flimkien biex jagħtu s-setgħa u jimmobilizzaw il-gvernijiet lokali u reġjonali fl-Ewropa, filwaqt li jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali biex iqiegħdu l-Patt Ekoloġiku fil-qalba tal-pjani ta’ investiment nazzjonali tagħhom.

Apostolos Tzitzikostas , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “ Mhux se nħallu l-pandemija xxekkel l-impenn li ħadna biex inħarsu l-ambjent tagħna. Neħtieġu rkupru ekoloġiku, ġust u reżiljenti għar-reġjuni u l-bliet kollha, urbani u rurali, sinjuri u foqra. Irridu naġixxu flimkien issa, filwaqt li nħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika billi nwettqu proġetti konkreti fil-livell lokali. Il-kooperazzjoni l-ġdida tagħna mal-Kummissjoni Ewropea hija punt ta’ bidla fis-sħubija tagħna. Din se tagħti s-setgħa, tappoġġja u timmobilizza l-gvernijiet lokali u reġjonali biex iwettqu l-Patt Ekoloġiku fit-toroq tagħna u biex iwettqu l-wegħdiet li għamilna liċ-ċittadini u lil uliedna.”

Waqt li kien qed jitkellem fil-plenarja, Frans Timmermans , il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, qal: “ L-azzjoni dwar il-klima tibda fit-toroq tal-bliet u l-viċinati tagħna . Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni se jaħdmu flimkien fuq il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, it-trasport nadif u l-bliet ekoloġiċi. Il-Kumitat għandu jkollu siġġu fil-Bord Politiku tal-Patt tas-Sindki u jkun parti ewlenija tal-Patt Klimatiku tagħna li se jitnieda din is-sena, fejn il-membri tiegħu jsiru Ambaxxaturi għall-Klima. Ejjew nibdew il-ħidma fuq l-azzjoni klimatika fir-reġjuni tagħna li jistgħu jnebbħu l-bqija tad-dinja.”

Reċentement, il-KtR nieda l-grupp ta’ ħidma dwar Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali biex jiżgura li l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir sostenibbli u l-pjani ta’ rkupru tal-COVID-19 jissarrfu f’finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni.

Ġabra tal-aħjar 200 prattika mill-membri tal-KtR ingħatat lill-Viċi President Frans Timmermans, li turi kif il-bliet u r-reġjuni diġà qed iwettqu t-tranżizzjoni fuq il-post permezz ta’ proġetti konkreti b’rabta mal-effiċjenza enerġetika, it-trasport b’emissjonijiet baxxi, il-ġestjoni sostenibbli tal-ikel u l-infrastruttura ekoloġika.

Id-dibattitu dwar il-Patt Ekoloġiku sar matul il-140 sessjoni plenarja tal-KtR u l- Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet , fejn saret ukoll il-preżentazzjoni tal-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali , flimkien ma’ dibattiti mal-President Ursula Von der Leyen u l-Kanċillier Angela Merkel.

L-Assemblea ddiskutiet serje ta’ proposti dwar suġġetti ewlenin tal-Patt Ekoloġiku :

Patt Klimatiku : Is-Sindku ta’ Varsavja, Rafał Trzaskowski (PL/PPE) ippreżenta l-Opinjoni tiegħu dwar Il-Patt Klimatiku Ewropew . Is-Sindku Trzaskowski stqarr: “ Ninsabu impenjati bis-sħiħ fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku . Irridu nimplimentaw miri ambizzjużi u realistiċi biex naqdu lill-komunitajiet tagħna u noħolqu impjiegi ġodda. Il-Patt Klimatiku għandu jkun ibbażat fuq żewġ pilastri. L-ewwel pilastru – kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE dwar proġetti konkreti bħar-rinnovazzjoni tal-bini. It-tieni pilastru – il-Patt Klimatiku għandu jkun umbrella għas-sħubijiet klimatiċi lokali fl-UE kollha biex dawn jitgħallmu mingħand xulxin. Bħala Sindku ta’ Varsavja, naf sa liema punt tnaqqsu l-baġits tagħna b’riżultat tal-pandemija. Għalhekk huwa kruċjali li jkollna aċċess dirett għall-fondi tal-UE biex nimplimentaw politiki sostenibbli.”

Bliet sostenibbli: Juan Espadas (ES/PSE), Sindku ta’ Sevilja, President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali, ippreżenta l-Opinjoni tiegħu dwar It-tiġdid tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli . Is-sindku Espadas qal: “ Sal-2050, sa 68 % tal-popolazzjoni tad-dinja se tkun qed tgħix f’żoni urbani, għalhekk il-bliet jistgħu u jridu jkunu l-ixpruni biex jibnu futur sostenibbli . Nappellaw lill-Presidenza Ġermaniża tal-UE biex tagħmel il-Karta mġedda ta’ Leipzig vinkolanti fil-livell Ewropew biex flimkien mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u Aġenda Urbana aktar b’saħħitha, din issir il-pjan direzzjonali ewlieni tal-bliet tagħna biex jinħoloq il-benesseri għal kulħadd .”

Bijodiversità : Ir-relatur Roby Biwer (LU/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, ippreżenta l-Opinjoni tal-KtR dwar Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 fis-COP 15 tal-KDB tan-NU u fl-istrateġija li jmiss tal-UE . Ir-relatur Biwer qal: " Qed nibagħtu sejħa ta’ twissija biex inreġġgħu lura t-tendanza f’dak li jirrigwarda t-telfien tal-bijodiversità u tal-ekosistemi. Neħtieġu li l-livelli kollha ta’ gvern jappoġġaw dan l-isforz u jagħmluh pilastru ewlieni tal-irkupru tagħna. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jkun l-għodda ewlenija tagħna biex nibnu futur sostenibbli biex inħarsu l-pjaneta tagħna, inwaqqfu l-kriżi klimatika u nipprevjenu tifqigħat ta’ mard fil-ġejjieni. Wasal il-waqt li naġixxu. Issa!"

Ekonomija ċirkolari: Relatur Tjisse Stelpstra (NL/KRE), Ministru Reġjonali tal-Provinċja ta’ Drenthe, ippreżenta l-Opinjoni tal-KtR dwar Il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari (CEAP) . Ir-relatur Stelpstra qal: “ Il-COVID 19 ħarġet fid-dieher id-dipendenza u l-vulnerabbiltà tagħna stess . Għalhekk, din hija sejħa ta’ twissija biex kulħadd javvanza lejn is-sostenibbiltà. Is-CEAP il-ġdid huwa relatat direttament mat-tnaqqis tas-CO2 li tant neħtieġu. Hemm bżonn ta’ għanijiet konkreti u għandhom jinkisbu standards ġodda permezz tal-innovazzjoni. Meta nistgħu nagħmlu aħjar, irridu nagħmlu aħjar!”

Informazzjoni addizzjonali

L-aħħar darba li l-Viċi President Timmermans indirizza lill-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni kien f’ Diċembru 2019 meta l-KtR adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku . Rakkomandazzjoni ewlenija tal-KtR kienet li l-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiżdied għal mill-inqas 55 % u llum din ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali huwa inizjattiva ġdida tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni li għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li kemm l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-pjani ta’ rkupru tal-COVID-19 jissarrfu f’finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni u proġetti tanġibbli għal kull territorju. “Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali” tnieda fil-15 ta’ Ġunju 2020 bil-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma speċifiku magħmul minn 13-il membru . Aqra l-istqarrija għall-istampa hawnhekk.

Tista’ tiskopri l-ewwel 200 mill-aħjar prattiki tal-Patt Ekoloġiku tal-KtR fil- mappa online tagħna.

Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali (#EURegionalBarometer) nebbaħ riżoluzzjoni dwar “L-awtoritajiet lokali u reġjonali li qed jiffaċċjaw il-COVID-19 u l-bini tal-irkupru” li t-329 membru tal-KtR se jadottaw fit-13 ta’ Ottubru ( l-abbozz huwa disponibbli hawnhekk ). Id-diskors tal-ftuħ tal-President Tzitzikostas jinsab disponibbli fuq il- paġna tal-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Sejbiet tal-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali ( aqra l-istqarrija għall-istampa tagħna hawnhekk )

Kunatt: David Crous // david.crous@cor.europa.eu // +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CP90-REACTION-SOTEU.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-LOCALLY.ASPX

State of the EU: involving the local and regional level will make Europe stronger, fairer and more democratic
State of the EU: involving the local and regional level will make Europe stronger, fairer and more democratic
13.09.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-FUNDING-ALERT-AUGUST-2023.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-LOCALLY.ASPX

Green Deal Funding Alert - August 2023
Green Deal Funding Alert - August 2023
31.08.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/REFORM-EU-ELECTRICITY-MARKET-BOOSTING-ENERGY-TRANSITION.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-LOCALLY.ASPX

Reform of the EU electricity market: Local action for boosting the energy transition
Reform of the EU electricity market: Local action for boosting the energy transition
06.07.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/REDUCE-POLLUTION-SAVE-LIVES-ENVIRONMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-LOCALLY.ASPX

Ambitious targets to reduce pollution will save lives and environment but regions and cities need support to deliver
Ambitious targets to reduce pollution will save lives and environment but regions and cities need support to deliver
06.07.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/FLEXIBILITY-AND-BETTER-COORDINATION-AROUND-GREEN-DEAL-INITIATIVES.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-LOCALLY.ASPX

Cities and regions need flexibility and better coordination around Green Deal initiatives
Cities and regions need flexibility and better coordination around Green Deal initiatives
06.07.2023