Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Patt Ekoloġiku: il-bliet u r-reġjuni lesti biex jilħqu l-għanijiet  
Fis-COP25 f’Madrid, il-Membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jilqgħu l-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku u jfakkru li l-bliet u r-reġjuni huma kruċjali biex tintlaħaq in-newtralità klimatika tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-komunikazzjoni u l-iskeda ta’ żmien għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-titjib tal-miri tal-enerġija u tal-klima flimkien ma’ leġislazzjoni u strateġiji ġodda għall-adattament tal-klima, il-kwalità tal-arja u l-protezzjoni tal-bijodiversità huma fost il-miżuri futuri. Filwaqt li n-negozjati tas-COP25 dwar ir-regoli internazzjonali tas-suq tal-karbonju jinsabu weqfin, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti lokali u reġjonali tistieden lill-Partijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi biex irawmu l-kooperazzjoni mal-bliet u l-gvernijiet reġjonali bħala l-uniku mod biex titwettaq azzjoni klimatika effettiva u jitreġġa’ lura t-tisħin globali.

Il-Membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li attendew l-aħħar ġimgħa tat-taħdidiet tas-COP25 dwar il-klima, kellhom ukoll laqgħa ta’ ħidma dwar il-komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku. Il-membri fakkru li l-bliet u r-reġjuni diġà huma aktar ambizzjużi mill-gvernijiet nazzjonali u jtennu l-impenn tagħhom li jimplimentaw l-isforzi kollha biex titwassal it-tranżizzjoni newtrali għall-klima fil-livell lokali.

Il-membri jilqgħu l-komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku peress li tistabbilixxi aġenda ambizzjuża u komprensiva ħafna. Il-membri jaqblu li dan iqarribna lejn sett ta’ politiki integrati li jħarsu ’l quddiem u li jgħaqqdu l-Patt Ekoloġiku mal-mekkaniżmi ekonomiċi u finanzjarji ewlenin li jirregolaw l-UE.

Markku Markkula, l-ewwel Viċi President u l-kap tad-delegazzjoni tal-KtR fis-COP25, qal: “ Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tkompli tmexxi l-ġlieda kontra t-tisħin globali. Il-komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku ġiet f’waqtha peress li deħlin fil-fażi finali tan-negozjati għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-KtR itenni l-impenji tiegħu li jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku, filwaqt li jiżgura li l-bliet u r-reġjuni jiġu integrati b'mod sħiħ u ħadd ma jitħalla jibqa' lura.

Il-komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku tippreżenta pjan direzzjonali inizjali tal-politiki u l-miżuri ewlenin meħtieġa biex tinkiseb it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn in-newtralità klimatika sal-2050.

Fis-COP25, il-membri jikkondividu r-rieda li jinvolvu lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-bosta ħidmiet leġislattivi futuri. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-mobbiltà, l-ekonomija ċirkolari, il-foresti u l-ekonomija blu.

Il-KtR jilqa’ l-prospett li jiżdiedu l-miri tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal 50 % u l-ħidma għall-ilħuq ta’ 55 %. Madankollu, jiddispjaċih li ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ għanijiet aktar ambizzjużi fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

Il-KtR jilqa’ l-miżuri previsti biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, b’mod partikolari l-iskemi ta’ finanzjament imħabbra għar-rinnovazzjoni tal-unitajiet domestiċi privati kif ukoll l-inizjattiva “mewġa ta’ rinnovazzjoni” għas-settur tal-bini kollu kemm hu.

Il-KtR huwa lest li jikkoopera sabiex jibni l-Patt Klimatiku tal-Kummissjoni “flimkien maċ-ċittadini, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi l-korpi konsultattivi tal-UE”. Jilqa’ wkoll ir-referenza li saret fir-rigward tar-reġjuni li qed jiffaċċjaw l-akbar sfidi.

B’mod partikolari, il-KtR jilqa’ l-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, inkluż Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għal reġjuni u setturi b'użu intensiv tal-karbonju. Madankollu, jenfasizza l-ħtieġa għal riżorsi addizzjonali għall-2021–2027 ’il hinn mill-fondi ta’ koeżjoni.

Dwar it-trasport, il-KtR itenni l-appell tiegħu għal implimentazzjoni usa’ tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-ħtieġa li l-utenti jiġu pprovduti b’soluzzjonijiet ta’ mobbiltà alternattivi li jkunu aktar affordabbli, aċċessibbli, nodfa u aħjar għas-saħħa. Il-KtR ifakkar li l-bliet u r-reġjuni huma importanti ħafna biex isseħħ tranżizzjoni sħiħa lejn mobbiltà nadifa.

Filwaqt li l-membri jilqgħu l-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku bħala l-istrateġija ta’ tkabbir biex l-ekonomija tal-UE ssir newtrali fil-karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ miri kwantifikati dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Il-Patt Ekoloġiku għandu jkun l-ixprun li jwassal għal produzzjoni agrikola u konsum aktar sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. Il-KtR itenni l-appell tiegħu għal tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura u għall-irduppjar taż-żoni tal-biedja organika fl-Istati Membri meta mqabbla mal-2017.

Il-membri jilqgħu l-proposta ta’ “Liġi Ewropea dwar il-Klima”, ippjanata għal Marzu 2020, biex jistabbilixxu l-għan tan-newtralità klimatika għall-2050. Il-Kumitat huwa lest jikkontribwixxi għat-tneħħija tal-inkonsistenzi leġislattivi eżistenti, abbażi tal-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u t-tfassil tal-politika tal-UE.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt Ekoloġiku, adottata fil-5 ta’ Diċembru, il-KtR ippropona li jniedi forum tal-bliet u r-reġjuni, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex tkun segwita l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku.

Sfond

Hawnhekk tista’ taqra l-istqarrija għall-istampa tar-riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku adottata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fis-sessjoni plenarja tal-5 ta’ Diċembru 2019.

Kuntatt: david.crous@cor.europa.eu / +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :