Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja lokali jingħaqdu mal-Presidenza Slovena, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ rkupru tal-UE  

L-ewwel Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza Reġjonali ressaq proposti dwar kif tista’ tittejjeb il-governanza u jiġi evitat it-trikkib mal-politika ta’ koeżjoni

Il-mexxejja reġjonali u lokali ltaqgħu f’Lipica (SI) fl-24 ta’ Settembru biex jiddiskutu kif jistgħu jwettqu investimenti ta’ rkupru fil-ħin fuq il-post u jevitaw dewmien u trikkib fost il-politiki tal-UE. Il-Kummissarju għall-Ekonomija, Paolo Gentiloni, u l-Ministru għall-Finanzi Sloven, Andrej Šircelj, kif ukoll membri ewlenin tal-Parlament Ewropew, enfasizzaw li huwa biss permezz ta’ ħidma mar-reġjuni u l-bliet li l-pjani ta’ rkupru nazzjonali jistgħu jirnexxu.

Huwa u jiftaħ il-Forum ta’ Livell Għoli, organizzat b’mod konġunt mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-Presidenza Slovena tal-Kunsill tal-UE, il-President tal-KtR, Apostolos Tzitzikostas , qal: “ Ir-riżorsi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bdew jaslu għand l-Istati Membri. Issa huwa d-dmir tagħna lkoll li nħaddmu kull euro tal-flus tal-kontribwenti investiti għall-irkupru tagħna. Neħtieġu sħubija reali bejn l-atturi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali minkejja li r-regolamenti mhumiex ċari biżżejjed dwar l-involviment tar-reġjuni u l-bliet. Il-Kumitat qed jissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-Faċilità fil-prattika u l-koordinazzjoni tagħha mal-politika ta’ koeżjoni. L-aspettattivi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna ma jistgħux jiġu injorati b’deċiżjonijiet minn fuq għal isfel.

Andrej Šircelj , Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika tas-Slovenja, qal: “ Nemmen li nistgħu niksbu riżultati tajbin jekk nimplimentaw b’suċċess il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-aħjar riżultati se jinkisbu biss permezz ta’ kooperazzjoni inklużiva. Din il-kriżi għallmitna kif nikkooperaw fi żminijiet diffiċli – fil-livelli lokali, reġjonali u internazzjonali. Issa, irridu nimmaġinaw dak li nistgħu niksbu b’kooperazzjoni fi żminijiet promettenti u nagħmlu pass f’dik id-direzzjoni.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ekonomija, Paolo Gentiloni , enfasizza “ l-impenn kostruttiv ” tal-KtR “ fit-tiswir tat-tfassil finali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ” u l-importanza vitali ta’ sħubija b’saħħitha fost il-livelli differenti ta’ gvernijiet fil-fażi li jmiss. “ Aktar minn żewġ terzi tal-pjani nazzjonali kollha għall-irkupru u r-reżiljenza diġà mxew ’il quddiem għall-fażi ta’ implimentazzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu kruċjali biex dawn il-pjani jsiru realtà u ser inkomplu nħeġġu lill-Istati Membri biex jinvolvuhom b’mod effettiv ” huwa qal. “ Il-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jikkomplementaw u mhux jissostitwixxu lil xulxin: l-addizzjonalità u l-assorbiment huma l-kliem ewlieni hawnhekk ”.

Id-diskussjoni tal-Forum ser tikkontribwixxi għall-Opinjoni tal-KtR dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, immexxija minn Rob Jonkman (NL/KRE) u skedata li tiġi adottata mill-Kummissjoni għall-Politiki Ekonomiċi (ECON) fid-29 ta’ Settembru. Il-Kumitat ipprovda l-ewwel valutazzjoni tat-tħejjija tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru u ser jippreżenta s-sejbiet tiegħu dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-komunitajiet reġjonali u lokali fil-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE 2021, li għandu jiġi ppreżentat fit-12 ta’ Ottubru matul id-19-il edizzjoni tal- Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet .

Tista’ terġa’ ssegwi l-ftuħ u l-ewwel panel ta’ diskussjoni tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza hawnhekk .

Il-Forum ta’ Livell Għoli sar fl-okkażjoni ta’ laqgħa esterna tal-Bureau tal-KtR f’Lipica, is-Slovenja. Qabel il-Bureau, il- Programm Politiċi Eletti Żgħażagħ tal-KtR organizza avveniment dwar il-politika ta’ koeżjoni fejn membri tal-KtR, is-Segretarju tal-Istat Sloven għall-Iżvilupp u l-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea, Monika Kirbiš Rojs, rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea u kelliema prominenti oħra, ingħaqdu ma’ mexxejja lokali żgħażagħ mill-UE kollha.

Tista’ terġa’ tara l-avveniment tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ intitolat “ Il-Koeżjoni bħala valur – Il-benefiċċji u l-ispejjeż għaż-żgħażagħ tat-tranżizzjoni lejn dinja ta’ wara l-Covid-19 hawnhekk .

ILĦNA MILL-FORUM TA’ LIVELL GĦOLI
DWAR L-IRKUPRU U R-REŻILJENZA REĠJONALI

(skont l-ordni tal-interventi):

Aleksander Jevšek (SI/PSE), Viċi President tad-Delegazzjoni Slovena tal-KtR u Sindku tal-Muniċiplaità ta’ Murska Sobota, qal: “ L-użu effiċjenti ta’ kull euro mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiddependi fil-biċċa l-kbira mis-sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi li ġejjin kemm mill-istrumenti ta’ rkupru kif ukoll mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, il-gvernijiet nazzjonali jeħtiġilhom jisimgħu lill-bliet u r-reġjuni u jafdaw li dawn il-flus jintefqu b’mod trasparenti”.

Michael Murphy (IE/PPE), Sindku ta’ Clonmel u President tal-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika tal-KtR (ECON), qal: “ L-isfidi li qed niffaċċjaw m’għandhomx approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”, iżda jvarjaw fin-natura u l-intensità tagħhom fir-reġjuni, il-bliet, l-irħula u ż-żoni rurali Ewropej. Neħtieġu soluzzjonijiet imfassla apposta, implimentati flimkien mal-livell lokali. Approċċ minn fuq għal isfel għall-irkupru jkun ifisser li l-investimenti u r-riformi jistgħu sempliċiment ma jirriflettux ir-realtà tal-opportunitajiet u l-isfidi fil-prattika”.

Rob Jonkman (NL/KRE), relatur tal-KtR dwar L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, qal: “L-irkupru tal-Ewropa, it-tranżizzjoni diġitali u dik sostenibbli jiddependu mill-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu involuti strutturalment fl-implimentazzjoni tal-pjani ta’ rkupru. Peress li l-involviment ivarja fost l-Istati Membri, jeħtiġilna naqsmu l-esperjenzi tagħna u nitgħallmu minn xulxin ”.

Alexandra Geese (DE/ĦODOR), Membru tal-Parlament Ewropew u rapporteur dwar l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, qalet: Tranżizzjoni soċjalment inklużiva, ekoloġika u diġitali tippreżenta sfidi multidimensjonali li jistgħu jiġu indirizzati biss bi rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali . L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-opportunità li joħolqu għarfien imfassal apposta: jitlob lill-esperti jistabbilixxu strateġiji u pjani direzzjonali mfassla apposta, jorganizzaw seminars u workshops jew jitgħallmu mill-aħjar prattiki ta’ xulxin. L-itrekkjar klimatiku, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u s-soluzzjonijiet b’sors miftuħ għall-promozzjoni ta’ amministrazzjonijiet diġitalizzati u aċċessibbli ħafna huma biss ftit eżempji tal-ħafna soluzzjonijiet imfassla apposta li jista’ jiffaċilita l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku”.

María Del Valle Miguelez Santiago , Viċi President tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi ( CPMR ) u Ministru Reġjonali għall-Intrapriża, l-Impjiegi, u l-Universitajiet, u l-Kelliema għar-Reġjun ta’ Murcia, qalet: “ Ir-reġjuni huma atturi ewlenin fit-twettiq tal-prijoritajiet klimatiċi u diġitali tal-UE u l-kompetenzi tagħhom huma relatati ma’ diversi objettivi tal-pjani ta’ rkupru. Peress li jifhmu sew il-ħtiġijiet ta’ investiment fil-livell territorjali, ir-reġjuni jistħoqqilhom rwol fi ħdan il-fora tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi rilevanti biex jiddefinixxu u jimplimentaw il-finanzjament ta’ rkupru. Huwa għal din ir-raġuni li fix-xhur li ġejjin nistgħu nipprovdu valur miżjud għal użu effiċjenti tal-fondi Ewropej u nilħqu l-miri mixtieqa”.

Hanna Zdanowska (PL/PPE), Membru tal-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali, qalet: “ 75 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu fi bliet li huma l-produtturi ewlenin tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Iżda huma wkoll iċ-ċentri u s-sorsi ta’ azzjoni u innovazzjoni kemm fl-oqsma tal-mitigazzjoni kif ukoll tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Forum globali dwar l-azzjoni klimatika li qed isir fi Glasgow jirrappreżenta opportunità importanti għall-mexxejja lokali u reġjonali biex juru x’jistgħu jagħmlu l-bliet u r-reġjuni, u x’diġà qed jagħmlu biex jilħqu n-newtralità klimatika”.

Zvone Černač , Ministru Sloven għall-Iżvilupp u l-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea, qal: “ Huwa objettiv essenzjali u fl-istess ħin ta’ sfida li, minn naħa, jiġi stabbilit qafas li jiżgura sinerġiji bejn mekkaniżmi għal perjodu qasir u twil ta’ żmien u, mill-oħra, jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ implimentazzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni flimkien mal-gvernijiet nazzjonali”.

Isabelle Boudineau (FR/PSE), President tal-Kummissjoni tal-KtR għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit (COTER), qalet: “ L-Ewropa għamlet sforz bla preċedent biex tillimita l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija. Iżda l-flus mhux kollox. Ejja ma ninsewx il-metodu: is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli wrew is-siwi tagħhom bil-politika ta’ koeżjoni. Ir-rinazzjonalizzazzjoni tal-politiki Ewropej permezz tal-Pjan ta’ Rkupru mhijiex is-soluzzjoni. Ejja nafdaw lir-reġjuni biex jipproteġu liċ-ċittadini u lill-SMEs”.

Juraj Droba (SK/KRE), relatur tal-KtR dwar L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operazzjonali għall-perjodu 2021-2027, qal: “ Is-sħubija, flimkien mas-sussidjarjetà, hija l-aktar prinċipju importanti mill-perspettiva tal-bliet u r-reġjuni u rridu niżguraw li tiġi implimentata bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid”.

Ulrika Landergren (SV/Renew Europe), President tal-Kummissjoni tal-KtR għar-Riżorsi Naturali (NAT), qalet: “ Għal bosta snin rajna differenza dejjem tikber bejn l-attenzjoni mogħtija u l-fondi disponibbli għaż-żoni urbani u għaż-żoni rurali. Sfortunatament, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-viżjoni fit-tul tagħha għall-iżvilupp rurali biss wara li ġew stabbiliti l-programmi ta’ finanzjament sal-2027. Il-KtR ser jappoġġja lill-Kummissjoni f’din il-viżjoni iżda ma nistgħux nistennew sal-2028! Irridu nagħlqu d-distakk bejn iż-żoni rurali u dawk urbani minnufih”.

Eddy van Hijum (NL/PPE), relatur tal-KtR dwar Strateġija għall-SMEs, qal: “ Aħna bħala awtoritajiet lokali u reġjonali nistgħu nkunu msieħba tal-Kummissjoni Ewropea peress li qegħdin f’kuntatt mal-SMEs tagħna u ma’ entitajiet lokali bħall-kmamar tal-kummerċ . Jekk irridu niksbu l-għanijiet li ġew stabbiliti u noħorġu aktar b’saħħitna wara l-COVID-19, jeħtieġ li nkunu msieħba f’din it-tranżizzjoni. Mill-iżgħar SMEs fir-reġjuni ta’ oriġini tagħna sal-Kummissjoni, ilkoll għandna rwol x’naqdu biex it-tranżizzjonijiet iseħħu ”.

Persuna ta' kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 (0)470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Ikkondividi :