9-10 ta’ Novembru 2020, Pariġi
Fid-9 u l-10 ta’ Novembru 2020, Mission Opérationnelle Transfrontalière (MOT) qed tospita l-ewwel edizzjoni ta’ BORDERS FORUM u l-10 laqgħa annwali tal-Pjattaforma tar-REKT f’kooperazzjoni mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea f’Pariġi. L-avveniment se jlaqqa’ rappreżentanti għolja mil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, fosthom il-Kummissarju Elisa Ferreira, il-President tal-KtR Apostolos Tzitzikostas u ministri minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Ungerija, il-Lussemburgu u l-Polonja. L-avveniment huwa organizzat taħt il-patroċinju għoli tal-President ta’ Franza, is-Sur Emmanuel Macron.
Il-kriżi tal-COVID-19 reġgħet daħlet il-kwistjoni tal-fruntieri fil-qalba tad-dibattitu politiku fil-mument li l-fruntieri interni ingħalqu ħesrem minħabba l-pandemija. Dan kellu effetti kbar fuq ir-reġjuni tal-fruntiera peress li t-territorji transkonfinali jirrappreżentaw madwar 40 % tal-Ewropa, u aktar minn 2 miljun Ewropew ta’ kuljum jaqsmu fruntiera biex imorru għax-xogħol.
L-għan tal-Borders Forum huwa li joħloq spazju għal diskussjoni u bord ta’ diskussjoni estensiv fil-livell politiku sabiex jenfasizza l-ħtiġijiet tat-territorji transkonfinali. Huwa se jlaqqa’ flimkien atturi lokali, nazzjonali u Ewropej involuti fil-kooperazzjoni transkonfinali, u se jafferma mill-ġdid l-ambizzjoni kondiviża tagħhom u posthom fid-dibattitu politiku, kif ukoll jikkonsolida l-Alleanza Ewropea taċ-ċittadini transkonfinali.
L-avveniment se jseħħ fi żmien fejn l-Ewropa qed tiċċelebra t-30 anniversarju tal-programmi ta’ kooperazzjoni Interreg*, l-10 snin tal-Pjattaforma REKT**, u l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Aachen, ftehim bilaterali bejn Franza u l-Ġermanja dwar il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni aktar mill-qrib.
Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit web: www.bordersforum.eu
Nota lill-edituri:
* Interreg huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Unjoni Ewropea li jappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali permezz ta’ finanzjament ta’ proġetti. L-għan tiegħu huwa li jiġu indirizzati b’mod konġunt sfidi komuni u li jinstabu soluzzjonijiet kondiviżi f’oqsma bħal fost oħrajn is-saħħa, l-ambjent, ir-riċerka, l-edukazzjoni, it-trasport, u l-enerġija sostenibbli.
** Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali huma strument legali maħsub biex jiffaċilita u jippromovi l-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali. Huwa jippermetti lill-entitajiet minn Stati Membri jingħaqdu taħt entità ġdida b’personalità legali sħiħa.
Persuna ta’ kuntatt:
Carmen Schmidle
Tel. +32 (0)2 282 2366
Mowbajl: +32 (0)494 735787
carmen.schmidle@cor.europa.eu