Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea jingħaqdu flimkien biex jaċċelleraw il-modifika retroattiva tal-bini pubbliku u privat fil-komunitajiet lokali u reġjonali fl-UE
Ir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE hija essenzjali biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050 u biex tingħata spinta lill-impjieg fl-irkupru ta’ wara l-COVID-19. Minkejja li 75% tal-bini eżistenti fl-UE huwa meqjus bħala ineffiċjenti fl-enerġija, bħalissa 1% biss jgħaddi minn rinnovazzjoni kull sena. Il-bini jirrappreżenta 40% tal-konsum tal-enerġija tal-Ewropa u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Huwa stmat li l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tista’ toħloq 160 000 impjieg addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni sal-2030. Il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 amplifikat il-ħtieġa li ntejbu l-bini tagħna u neqirdu l-faqar enerġetiku, li għadu jolqot madwar 40 miljun ċittadin fl-UE.
F’sessjoni intitolata Il-Finanzjament tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni , rappreżentanti tal-UE, mexxejja lokali u reġjonali, u esperti minn madwar l-UE ddiskutew l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-bliet u r-reġjuni biex titħaffef il-modifika retroattiva tal-istokkijiet tal-bini. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għar-rinnovazzjonijiet tal-bini, bħal ostakli strutturali u amministrattivi, nuqqas ta’ investimenti, fallimenti tas-suq, ostakli regolatorji u nuqqas ta’ għarfien espert.
Waqt li fetaħ id-dibattitu, Juan Espadas (ES/PSE) , Sindku ta’ Sivilja u President tal- Kummissjoni ENVE tal-KtR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali , qal: “ Illum nafu li parti kbira mill-ġlieda kontra l-kriżi klimatika għandha tkun ikkonċentrata fuq it-tiswija tal-istokk tal-bini tagħna. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, bħala pilastru kruċjali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tirrappreżenta l-okkażjoni f’waqtha biex il-bini pubbliku tagħna, bħall-iskejjel u l-isptarijiet, l-akkomodazzjoni soċjali, u d-djar tagħna jsiru aktar sostenibbli, ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-finanzjament ta’ din ir-rivoluzzjoni urbana wiesgħa huwa indispensabbli għas-suċċess tagħha, iżda mhijiex biss kwistjoni ta’ fondi. Jeħtieġ li nżommu l-għanijiet klimatiċi u soċjali flimkien, biex niżguraw li l-ebda persuna jew territorju ma jitħallew jibqgħu lura.”
L-eks President tar-Reġjun tat-Toskana (2010-2020), Enrico Rossi (IT/PSE) , , relatur tal-KtR dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni ( skeda informattiva tal-Opinoni ) u Membru tal-Kunsill Komunali ta’ Signa (Firenze), qal: “ 17 % tal-Ewropej jgħixu fi djar iffullati żżejjed u hemm mill-inqas 34 miljun ċittadin li jbatu mill-faqar enerġetiku. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni trid iżżid is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali u tiġġieled il-faqar billi żżid l-investimenti fl-akkomodazzjoni pubblika u soċjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-effetti tal-kriżi tas-saħħa fuq l-ekonomija huma estremament serji. It-tisħiħ tal-investiment pubbliku fis-settur tal-kostruzzjoni għandu rwol ewlieni x’jaqdi biex jakkumpanja l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.”
L-abbozz ta’ Opinjoni tal-KtR dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandu jiġi adottat fil- laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni ENVE fl-1 ta’ Frar , u t-test finali huwa skedat għall-adozzjoni matul is-sessjoni plenarja f’Marzu 2021.
Vlasta Krmelj (SI/PPE) , Sindku ta’ Selnica ob Dravi, Viċi President tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Finanzjament u l-Investimenti tal- FEDARENE u d-direttur ta’ ENERGAP enfasizzat li “ l-aġenziji tal-enerġija fl-Ewropa jinsabu lesti biex jittraduċu l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni fi programmi konkreti li jingranaw investimenti massivi. Huma faċilitaturi tas-suq b’mandati pubbliċi, li jipprovdu assistenza teknika lill-muniċipalitajiet, ir-reġjuni, il-kumpaniji u ċ-ċittadini, li għandhom il-kapaċità li jlaqqgħu flimkien il-partijiet interessati u l-livelli ta’ governanza. Huma għandhom il-kompetenza u l-għarfien espert għall-bini, it-teknoloġija, il-ktajjen tal-valur kif ukoll esperjenza fl-istrutturar ta’ mudelli ta’ finanzjament b’diversi flussi ta’ finanzjament.”
Mikel Irujo (ES/AE) , Direttur Ġenerali għall-Azzjoni Esterna tal-Gvern ta’ Navarra, iddikjara: “ L-esperjenza tagħna fis-sħubija tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Aġenda Urbana hija pożittiva ħafna. Uħud mill-miżuri li ressaqna ġew ikkunsidrati fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, bħall-ħtieġa li jinħoloq “punt uniku ta’ servizz” biex iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jipparteċipaw b’mod attiv fit-tranżizzjoni enerġetika sostenibbli.”
Il-kelliema mistiedna inkludew membru tal- kabinett ta’ Kadri Simson, Kummissarju tal-UE għall-Enerġija u rappreżentanti minn DĠ ENER , DĠ REGIO u EASME , fost oħrajn. Ir-rappreżentant tal- BEI fakkar li l-investimenti pubbliċi mhumiex biżżejjed biex ineħħu d-diskrepanza eżistenti fl-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija. Il-ġimgħa li għaddiet, il-KtR u l-BEI ġeddew il-kooperazzjoni tagħhom bi Pjan ta’ Azzjoni konġunt għall-2021 .
L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jistabbilixxu strateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul bħala parti integrali mill- Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tagħhom. Is-suċċess tal-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni jiddependi ħafna mill-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali: ta’ spiss ikunu s-sidien jew jimmaniġġjaw stokkijiet kbar tal-bini u jkunu responsabbli għal terz tal-infiq pubbliku u żewġ terzi tal-investimenti pubbliċi fl-UE. Sfortunatament, konsultazzjoni reċenti (Jannar 2021) mill-KtR u s- CEMR tindika li “bosta gvernijiet tal-UE qed jeskludu r-reġjuni u l-bliet mit-tħejjija tal-pjani ta’ rkupru mill-COVID-19.” .
Sfond:
Il-finanzjament tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni huwa avveniment tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali. Bħala parti mill-prijorità tal-KtR li “nibnu komunitajiet reżiljenti” , il- Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali huwa inizjattiva li għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li kemm l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-pjani ta’ rkupru mill-COVID-19 jissarrfu f’finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni u proġetti tanġibbli għal kull territorju. Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tnieda fil-15 ta’ Ġunju 2020 bil-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma speċifiku magħmul minn 13-il membru . Sabiex tiġi ispirata u aċċellerata l-azzjoni, il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali jinkludi mappa online b’200 prattika tajba.
Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tnediet fl-14 ta’ Ottubru 2020 permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja” . Hija pilastru ewlieni tal- pjan direzzjonali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew .
Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għar-rinnovazzjonijiet tal-bini. Il-Grupp ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza fl-Enerġija ( EEFIG ) identifika sitt tipi ta’ ostakli: ostakli strutturali, ostakli għall-informazzjoni, fallimenti tas-suq, nuqqas ta’ għarfien espert, kombinazzjoni ta’ fatturi li jagħmluha diffiċli biex il-proġetti jiġu aggregati u/jew jitwettqu approċċi distrettwali aktar effiċjenti, u ostakli regolatorji. Dawn l-ostakli kollha jaffettwaw direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jxekklu l-kapaċità tagħhom li jinvestu aktar fi proġetti effiċjenti fl-enerġija.
Flimkien mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet, ir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE hija prijorità ewlenija tal- Patt Ekoloġiku . Mhux biss minħabba l-kapaċità potenzjali tagħha li tnaqqas kemm l-użu tal-enerġija kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO 2 , iżda wkoll bħala xprun għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Is-settur tal-kostruzzjoni huwa l-akbar ġeneratur ta’ impjiegi għal kull miljun euro investit ( IEA 2020 ).
Din il-ġimgħa il- Grupp PSE tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jospita sensiela ta’ avvenimenti bit-titlu “Akkomodazzjoni għal Kulħadd: Wasal iż-żmien li l-Ewropa tagħti r-riżultati” .
Persuna ta’ kuntatt:
David Crous
david.crous@cor.europa.eu
+32 (0) 470 88 10 37