Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Gdańsk /ir-reġjun ta’ Pomorskie (il-Polonja), Gothenburg (l-Iżvezja) u r-reġjun ta’ Navarra (Spain) jirbħu l-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew għall-2020  

It-tikketta tal-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) li tingħata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) tippremja lil reġjuni bl-aktar viżjoni intraprenditorjali kredibbli u progressiva. Din is-sena l-belt ta’ Gdańsk f’kooperazzjoni mar-reġjun ta’ Pomorskie, ir-reġjun tan-negozju ta’ Gothenburg u r-reġjun ta’ Navarra ntagħżlu bħala rebbieħa għall-istrateġiji eċċellenti u l-impenn tagħhom biex jagħtu spinta lill-intraprenditorija fi ħdan it-territorji tagħhom.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Karl-Heinz Lambertz , feraħ lir-rebbieħa u qal li, "Il-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew ta’ din is-sena jagħti prova li meta l-komunità tan-negozju titħalla tiffjorixxi, ir-reġjuni u l-bliet jkunu jistgħu joħolqu l-impjiegi u huma n-nisġa soċjali tal-Ewropa. Ir-rebbieħa jservu ta’ ispirazzjoni għalina lkoll u juru li permezz tal-kooperazzjoni, il-ħsieb innovattiv u l-introduzzjoni tal-kondizzjonijiet adatti fil-livell lokali, huma l-ixpruni tat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa.”

"Sa mit-tnedija tal-inizjattiva tal-EER rebbaħna lil sebgħa u għoxrin territorju minn ħmistax-il pajjiż tal-UE – fosthom reġjuni ikbar u iżgħar, metropolitani u rurali, dawk aktar żviluppati u dawk li qegħdin fil-proċess li jilħquhom, territorji b’pożizzjoni ċentrali u oħrajn aktar remoti u periferiċi. Kollha kemm huma diġà wrewna li r-reġjuni u l-bliet jaqdu rwol ewlieni biex jagħtu spinta lill-intraprenditorija u ’l-innovazzjoni u biex joħolqu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea" , qal l-Ewwel Viċi President tal-KtR Markku Markkula fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji.

Il-belt ta’ Gdańsk/ir-reġjun ta’ Pomorskie, il-Polonja

L-applikazzjoni konġunta tal-belt ta’ Gdańsk u r-reġjun ta’ Pomorskie hija bbażata fuq sett koerenti ta’ attivitajiet li jippromovu t-tkabbir. It-tibdil demografiku u popolazzjoni li qed tixjieħ huma sfida għar-reġjun, kif ukoll għal territorji oħrajn fil-Polonja. L-istrateġija tal-EER ta’ Gdańsk /Pomorskie hija bbażata fuq ir-reklutaġġ u l-iżvilupp ta’ riżorsi umani mgħammra bil-ħiliet u l-investiment fl-intraprenditorija. Ir-reġjun intgħażel abbażi tas-sett impressjonanti tiegħu ta’ azzjonijiet immirati maħsubin biex jattiraw, jiżviluppaw u jżommu t-talenti, irawmu negozji ġodda u SMEs innovattivi, u jipprovdu edukazzjoni dwar in-negozju liż-żgħażagħ.

“Il-motto ta’ libertà, solidarjetà, ugwaljanza u aċċess miftuħ, jirrappreżenta ħafna aktar minn ideali ambizzjużi - huwa ibbażat fuq attivitajiet konkreti ta’ promozzjoni għat-tkabbir. Ir-reġjun ta’ Gdańsk u Pomorskie jappoġġja l-istadji kollha fl-iżvilupp tal-intraprenditorija: mill-edukazzjoni, sat-tisħiħ tal-fażijiet li jwasslu għall-intraprenditorija, l-għajnuna biex jiffurmaw negozji ġodda u l-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ negozju, filwaqt li jsaħħaħ il-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-kumpaniji u jħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-espansjoni lejn swieq ġodda barranin, li lkoll huma elementi essenzjali tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Intraprenditorija għall-2020”, qalu Alan Aleksandrowicz , Viċi Sindku tal-belt ta’ Gdańsk, u Mieczysław Struk , Marixxal tal-provinċja ta’ Pomorskie.

Ir-reġjun tan-negozju ta’ Gothenburg, l-Iżvezja

Ir-reġjun ta’ Gothenburg huwa wieħed mir-reġjuni metropolitani tal-Ewropa bl-akbar rati ta’ tkabbir bis-saħħa tal-iżvilupp urban u l-investimenti infrastrutturali ġganteski. L-enfasi tal-istrateġija tal-EER ta’ Gothenburg huwa biex ittejjeb il-klima tan-negozju u toħloq kundizzjonijiet aħjar biex jiffjorixxu l-SMEs. Għal dan il-għan l-istrateġija tinkludi sitt oqsma strateġiċi: provvista tal-ħiliet, il-ħila li tattira, infrastruttura u aċċessibilità, il-livell ta’ tħejjija taż-żona, il-klima tan-negozju u l-kapaċità innovattiva.

"Il-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew għall-2020 jagħmilna tabilħaqq kburin. Ir-reġjun tan-negozju ta’ Gothenburg għandu waħda mill-aqwa strateġiji Ewropej għall-intraprenditorija! It-teżor prinċipali, madankollu, hija l-kapaċità tar-reġjun biex ikun progressiv u jisma’ lill-komunità intraprenditorjali, biex jindirizzaw l-isfidi flimkien b’mhux inqas minn 35 parti interessata, u biex jaġixxu flimkien sabiex jiksbu u jżommu klima tan-negozju favorevoli. Din il-ħila prezzjuża ta’ kooperazzjoni se twassal għal 120 000 post tax-xogħol ġodda sal-2035. B’dan il-premju sinifikanti li jnebbaħna u jħeġġiġna, se nibqgħu nħaddnu waħda mill-aħjar strateġiji Ewropej għall-intraprenditorija” , qal Axel Josefsson , President tal-assoċjazzjoni reġjonali tal-awtoritajiet lokali ta’ Gothenburg u President tal-bord eżekuttiv tal-kunsill tal-belt ta’ Gothenburg.

Ir-reġjun ta’ Navarra, komunità awtonoma ta’ Spanja

Ir-reġjun ta’ Navarra huwa reġjun pijunier biex jappoġġja l-intraprenditorija fi Spanja, u għandu l-għan li jtejjeb ir-rata tal-attività intraprenditorjali fil-popolazzjoni lokali. Attwalment ir-reġjun qed jiżviluppa l-pjan intraprenditorjali tiegħu għall-2020-2022 li jistabbilixxi azzjonijiet immirati li huma meħtieġa jissoktaw fit-triq biex jissaħħu l-indikaturi tar-rata ta’ sopravivenza tal-intrapriżi, it-tkabbir annwali u r-rata tal-attività intraprenditorjali. "L-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti – Navarra S3” tar-reġjun , tinkludi pilastri ewlenin bħalma huma l-promozzjoni tal-intraprenditorija, it-tnaqqis tal-piż regolatorju, l-aċċess għall-finanzi u s-swieq, u l-internazzjonalizzazzjoni.

"Il-Gvern ta’ Navarra huwa impenjat favur Navarra b'koeżjoni soċjali u territorjali, miftuħa u interkonnessa, magħmulha minn persuni kreattivi u intraprenditorjali impenjati f’ekonomija moderna u kompetittiva, li tiddefendi l-kwalitajiet pożittivi industrijali tagħha, l-impenn tagħha favur l-ambjent, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, f’ambjent ta’ trasparenza u fiduċja, sabiex issir livell ta’ referenza għall-iżvilupp sostenibbli" , qal Manu Ayerdi , Viċi President tal-Gvern ta’ Navarra.

Il-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew għall-2020

Il-premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) huwa proġett li kull sena jidentifika u jippremja lil tliet territorji tal-UE li juru strateġija ta' politika intraprenditorjali mill-aqwa u innovattiva, irrispettivament mid-daqs, ġid jew kompetenzi tagħhom. It-territorji bil-pjan l-iżjed kredibbli, promettenti u li jħares 'il quddiem jingħataw it-tikketta "Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” (EER) għas-sena ta’ wara.

Il-ġurija tal-EER - magħmulha minn membri tal-KtR, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, imsieħba soċjali u assoċjazzjonijiet territorjali - se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali rebbieħa matul l-2020 bil-għan li r-rebbieħa jingħataw perspettiva oġġettiva minn barra tal-politiki tagħhom u ħarsa lejn il-progress li jkun intlaħaq matul dik is-sena. Ir-rebbieħa tal-EER 2020 jistgħu jikkondividu u jiddiskutu r-riżultati u l-kisbiet ewlenin tagħhom ma’ awtoritajiet lokali u reġjonali oħrajn bħala parti min-netwerk tal-EER.

Ir-ritratti tal-avveniment huma disponibbli fuq flickr.

Kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 2 282 2366

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Denise Schmidt

Tel. +32 2 282 2273

denise.schmidt@cor.europa.eu

Ikkondividi :