Ukoll fuq l-aġenda ta’ #CoRplenary tat-12 u t-13 ta’ Lulju: il-prijoritajiet tal-Presidenza Estonjana, ir-reviżjoni tal-Orizzont 2020, ir-riforma tal-PAK, it-tnedija tal-inizjattiva tal-UE dwar xarabanks nodfa u l-“Pakkett tax-Xitwa ” tal-UE dwar l-enerġija Fit-12 ta’ Lulju, wara li mexxa l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) għal sentejn u nofs, Markku Markkula (FI/PPE) huwa mistenni li jgħaddi l-Presidenza lil Karl-Heinz Lambertz (BE/PSE). Il-membri tal-KtR ser jiltaqgħu wkoll fi Brussell biex jiddiskutu politiki ewlenin tal-UE, bħalma huma l-Politika Agrikola Komuni wara l-2020, u “l-Pakkett tax-Xitwa” reċenti tal-UE dwar l-enerġija. Il-Kummissarju Moedas ser imexxi diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm ta’ riċerka l-Orizzont 2020 u l-Kummissarju għat-Trasport Bulc ser tissieħeb mal-membri tal-KtR biex flimkien jiddiskutu l-futur ta’ mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. L-azzjoni globali għas-sostenibbiltà ser tkun ukoll fuq quddiem nett tal-aġenda b’ideat dwar kif il-bliet u r-reġjuni jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni b’rabta mal-edizzjoni tal-2018 tar -Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) ser issir fit-12 ta’ Lulju, u matulha ser jiġu ċċelebrati t-tliet rebbieħa ġodda ta’ dis-sena.
Il-prijoritajiet tal-Presidenza Estonjana tal-UE
Matti Maasikas , Viċi Ministru Estonjan għall Affarijiet tal-UE, huwa mistenni li jippreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill Ewropew – li bdiet fl-1 ta’ Lulju – li jinkludu bosta oqsma ta’ prijorità għar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa.
Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2020
Ir-rakkomandazzjonijiet għar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2020 ġew abbozzati minn Guillaume Cros (FR/PSE) u, flimkien mal-pożizzjoni tiegħu dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-UE adottata f’Mejju, il-KtR ser juri kif l-akbar żewġ partiti baġitarji tal-UE jistgħu jissawru mill-ġdid fil-futur. Czesław Adam Siekierski, President tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew, ser jingħaqad fid-dibattitu.
Orizzont 2020: il-futur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa
Fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal- Orizzont 2020, il-KtR ser jenfasizza l-importanza ċentrali tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq il-prospetti fit-tul tal-ekonomija Ewropea. Carlos Moedas, Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, ser jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet tal-KtR, li tħejjew minn Christophe Clergeau (FR/PSE).
It-trasport fl-Ewropa: it-tnedija tal-inizjattiva fil-livell tal-UE għal xarabanks nodfa
Violeta Bulc, Kummissarju tal-UE, ser tiddiskuti l-isfidi tat-trasport mal-membri tal-KtR wara l-adozzjoni ta’ Opinjoni dwar “Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi”, immexxija minn József Ribányi (HU/PPE). Wara d-dibattitu, il-Kummissarju għat-Trasport ser tingħaqad mal-President il-ġdid tal-KtR sabiex iniedu pjattaforma fil-livell tal-UE għal xarabanks ekoloġiċi għar-reġjuni u l-bliet bil-għan li jiġu mobilizzati mill-inqas 2,000 xarabank b’emissjonijiet żero sa tmiem l-2019. Il-ħtieġa li jittaffa t-tibdil fil-klima ser tagħmel ukoll parti minn diskussjonijiet intensivi meta l-KtR jiddibattita t-tliet opinjonijiet tiegħu dwar il-Pakkett tax-Xitwa tal-UE dwar l-enerġija: enerġija nadifa, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
Żvilupp: 600 mexxej lokali u reġjonali minn madwar id-dinja ser jiltaqgħu fi Brussell
In-Nazzjonijiet Uniti, permezz tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli adottati fl-2015, stabbilixxiet għanijiet għal kull pajjiż fid-dinja. F’Opinjoni tal-KtR intitolata “Azzjoni Ewropea għas-sostenibilità”, Franco Iacop (IT/PSE) jindirizza l-isfidi diretti u indiretti li n-NU stabbilixxiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej. Il-fokus Ewropew tal-Opinjoni tiegħu ser jiġi kkomplementat fl-10 u l-11 ta’ Lulju minn laqgħa fuq skala wiesgħa tal-politiċi lokali u reġjonali minn madwar id-dinja kollha taħt it-titlu “Reġjuni u Bliet għall-Iżvilupp” – "Assises de la coopération décentralisée", koorganizzata mill-KtR u l-Kummissjoni Ewropea.
Bħala parti mill-isforz biex jiġu appoġġjati l-bliet fil-Libja, il-KtR ser jadotta wkoll rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġu ġestiti l-flussi migratorji u jissalvaw il-ħajjiet tul ir-rotta migratorja tal-Mediterran Ċentrali. Ir-relatur huwa Hans Janssen (NL/PPE).
Fl-4 p.m. tat-12 ta’ Lulju, hija ppjanata konferenza stampa mal-President il-ġdid tal-KtR
Opinjonijiet oħrajn li għandhom jiġu adottati:
• Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, relatur: Ulrike Hiller (DE/PSE)
• Il-klassifikazzjoni u t-tipoloġiji territorjali, relatur: Mieczysław Struk (PL/PPE)
• Proġetti bejn il-persuni u proġetti fuq skala żgħira fil-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, relatur: Pavel Branda (CZ/KRE)
• Spinta lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-Ewropa, relatur: Tadeusz Truskolaski (PL/AE)
• Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs, relatur: Christian Buchmann (AT/PPE)
• Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-enerġija nadifa, relatur: Bruno Hranić (HR/PPE)
• Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, relatur: Michiel Rijsberman (NL/ALDE)
• Il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (u s-swieq tal-elettriku), relatur: Daiva Matonienė (LT/KRE)
• Governanza internazzjonali tal-oċeani, relatur: Anthony Gerard Buchanan (UK/AE)
Informazzjoni prattika:
Fejn: Bini Paul Henri Spaak – Parlament Ewropew, Emiċiklu , 60 rue Wiertz, B - 1047 Brussell
Meta: 12 ta’ Lulju, 3 p.m, - 9 p,m,; 13 ta’ Lulju, 9 a.m. - 1 p.m,
• L-aġenda u d-dokumenti tal-plenarja.
• Tista’ ssegwi xandira diretta tal-plenarja fuq is-sit web tal-KtR.
• Programm tal-midja tal-plenarja.
Segwina: @EU_CoR, #CoRplenary
Kuntatt: PresseCdr@cor.europa.eu