Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-irkupru tal-Ewropa se jfalli mingħajr politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u sħubija reali fost l-atturi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali  

Koalizzjoni minn madwar l-UE twissi lill-Istati Membri li l-kompromess dwar il-baġit tal-UE u l-Pjan ta’ Rkupru jrid jippreserva l-investiment fir-reġjuni u l-bliet

Il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 qed timmina l-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tikseb tranżizzjoni aktar ekoloġika, inklużiva u intelliġenti lejn futur aktar sostenibbli. Din hija r-raġuni għaliex il-#CohesionAlliance – koalizzjoni minn madwar l-UE li tiġbor fiha ’l fuq minn 12 000 firmatarju – tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–27 b’saħħtu u l-pjani ta’ rkupru. Il-QFP u l-pjani ta’ rkupru jridu jappoġġjaw il-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bħala objettiv ewlieni għall-politiki u l-investimenti kollha tagħha. Dawn it-talbiet ġew inklużi f’ dikjarazzjoni mogħtija lill-Kummissarju tal-UE għall-Koeżjoni, Elisa Ferreira, u l-President tar-REGI, Younous Omarjee, waqt vidjokonferenza fl-14 ta’ Lulju, tlett ijiem qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li s-solidarjetà, ir-responsabbiltà u l-koeżjoni issa huma meħtieġa aktar minn qatt qabel biex jiġi żgurat li fl-Unjoni Ewropea ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il- #CohesionAlliance tappella għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha, effettiva u flessibbli bbażata fuq perspettivi fit-tul u l-prinċipji ta’ sħubija li jinvolvu l-gvernijiet lokali u reġjonali fil-miżuri kollha ta’ rkupru. Dan se jgħin biex l-ekonomija tingħata spinta u tinbena mill-ġdid, biex titrawwem is-sostenibbiltà u biex tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

Il-proposti mressqa mill-Kummissjoni u mill-President Michel jimxu fid-direzzjoni t-tajba. Inħeġġu lill-Istati Membri biex issa jaġixxu b’mod magħqud u jħaffu jadottaw baġit adegwat tal-UE għall-2021-2027 u pjan sod ta’ rkupru biex jgħin lill-komunitajiet tagħna jegħlbu l-kriżi, jsiru aktar reżiljenti, sostenibbli u inklużivi. Dan huwa fl-interess dirett tal-pajjiżi kollha tal-UE, inklużi dawk li jitolbu kapaċità ta’ investiment aktar dgħajfa għall-Unjoni tagħna iżda huma l-benefiċjarji ewlenin tas-suq uniku” , qal Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, filwaqt li żied jgħid: “Il-Kumitat jingħaqad mal-atturi kollha tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali biex jopponi ċ-ċentralizzazzjoni, it-tnaqqis baġitarju u l-iskadenzi ta’ implimentazzjoni mhux sostenibbli li jimminaw l-impatt tal-investiment tal-UE. Iż-żieda fil-koeżjoni u r-reżiljenza permezz tal-mobilizzazzjoni tal-politiki u l-għodod kollha tal-UE hija l-uniku mod biex iċ-ċittadini jitqiegħdu l-ewwel u biex jiġi appoġġjat l-irkupru fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura ”.

Il-presidenti tal-organizzazzjoni msieħba fundatriċi tal-#CohesionAlliance għaddew id-dikjarazzjoni mġedda lill-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, u l-president tal-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew, Younous Omarjee.

Elisa Ferreira , Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, qalet: “ Il-previżjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni li nħarġu l-ġimgħa l-oħra jindikaw riċessjoni aktar profonda milli kien mistenni, b’effetti devastanti, u diverġenzi u inugwaljanza usa’ . Din hija r-raġuni għaliex neħtieġu politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u rkupru ġust u koeżiv. Wieħed jista’ jilmaħ id-DNA tal-Koeżjoni fil-proposti kollha ta’ rkupru tal-Kummissjoni: il-provvediment ġeneruż għall-politika ta’ koeżjoni u l-metodu ta’ koeżjoni fil-fond ta’ rkupru u postijiet oħrajn. Jien iġġilidt, u se nkompli niġġieled għal dan. Qed nistrieħu fuqkom għal-lobbjar fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħkom. Iż-żmien huwa qasir, irridu naġixxu malajr biex inwasslu l-messaġġ, biex inħejju l-pjani u l-programmi tagħna u biex niżguraw li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura ”.

Younous Omarjee , President tal-Kumitat REGI għall-Parlament Ewropew qal: “ Il-kriżi ħolqot tfixkil fl-Ewropa. Għalhekk huma essenzjali pjan ta’ rkupru u baġit ambizzjuż. L-irkupru fuq medda qasira ta’ żmien għandu jkun komplementari għat-twettiq tal-għanijiet fit-tul, b’mod partikolari l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Nappellaw lill-Kunsill biex ikun magħqud fl-appoġġ ta’ baġit b’saħħtu. Huwa essenzjali wkoll li l-pjan ta’ rkupru jkun direttament aċċessibbli għar-reġjuni u jkun jista’ jiġi kkontrollat b’mod demokratiku. Dawn huma t-talbiet tal-Parlament Ewropew ”.

Kull min jemmen f’politika ta’ koeżjoni b’saħħitha tal-UE huwa mistieden jingħaqad mal-#CohesionAlliance billi jiffirma d-dikjarazzjoni l-ġdida. It-12 000 firmatarju tad-dikjarazzjoni inizjali huma mistednin jaffermaw mill-ġdid l-impenn politiku tagħhom billi jqajmu kuxjenza dwar ir-rwol vitali tal-politika ta’ koeżjoni u l-ħtieġa għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha fil-Pjan ta’ Rkupru u l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE.

Interventi matul il-konferenza (b’mod alfabetiku): Tista’ terġa’ tara l-avveniment hawnhekk .

  • Ann-Sofi Backgren , President tal- Assoċjazzjoni ta' Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej  (AEBR), u membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Ostrobothnia, enfasizzat il-ħtieġa ta’ Politika ta’ Koeżjoni aktar b’saħħitha fi ħdan il-Fond ta’ Rkupru u l-QFP il-ġdid, filwaqt li jitqiesu t-territorji Ewropej li qed jiffaċċjaw diffikultajiet speċifiċi bħall-fruntieri, reġjuni muntanjużi, reġjuni periferiċi, gżejjer u reġjuni marittimi oħrajn; restrizzjonijiet addizzjonali bħad-densità baxxa tal-popolazzjoni u/jew popolazzjoni ixjeħ, l-eżodu ta’ mħuħ, in-nuqqas ta’ infrastruttura u s-servizzi pubbliċi; u naturalment l-isfidi ġenerali, jiġifieri t-tibdil fil-klima u t-tibdil demografiku, it-tranżizzjoni lejn approċċi ta’ żvilupp u sorsi tal-enerġija aktar sostenibbli, diġitalizzazzjoni ottimali, u r-reżiljenza għat-theddid globali bħall-COVID-19. Ħafna reġjuni tal-fruntiera jikkondividu ħafna minn dawn iċ-ċirkostanzi, u hemm diffikultajiet ulterjuri relatati mal-ħtieġa dejjem tikber biex jiġu kkoordinati r-regolamenti nazzjonali diversi li jistgħu jidħlu f’kunflitt bejniethom fil-fruntieri nazzjonali.

  • Ilaria Bugetti , Kunsillier tar-Reġjun tat-Toskana u kelliema għall-iżvilupp territorjali tal- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) dwar il-Koeżjoni, qalet: “ Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, bħala strument ta’ solidarjetà, mhux se tkun kruċjali biss għall-irkupru, iżda wkoll biex inħejju għall-ġejjieni . Din se tappoġġja perspettiva ta’ żvilupp fuq perjodu ta’ żmien itwal: se tgħin biex is-soċjetajiet tagħna jsiru aktar reżiljenti u jikkontribwixxu biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ”.

  • Isabelle Boudineau , President tal- Kummissjoni għall-Politika ta' Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE (COTER) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Viċi President tar-Reġjun ta’ Nouvelle-Aquitaine fi Franza, qalet: “ L-UE teħtieġ baġit b’saħħtu flimkien ma’ pjan ta’ rkupru ambizzjuż biex tħejji l-ġejjieni . It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali huma ta’ importanza kbira jekk irridu nibnu soċjetà Ewropea sostenibbli u koeżiva. Ma nistgħux nissagrifikaw l-għanijiet fit-tul tagħna għall-miżuri ta’ emerġenza. Is-solidarjetà hija l-unika għażla. Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ gvern tagħna għandhom responsabbiltà kbira fis-17 u t-18 ta’ Lulju. Aħna, fil-livell lokali u reġjonali, neħtieġu riżultati fl-immedjat u l-UE trid turi li tista’ tiksibhom. Il-proġett Ewropew jinsab f’riskju u ma nistgħux niddiżappuntaw mill-ġdid liċ-ċittadini Ewropej .

  • Paula Fernández , Ministru Reġjonali tal-Presidenza, l-Intern, il-Ġustizzja u l-Azzjoni Barranija, għall-gvern Spanjol tar-reġjun ta’ Cantabria u membru tal- Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi (CPMR), qalet: “ Irridu li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE jkollu dimensjoni territorjali b’saħħitha. Ninsabu mħassba dwar in-nuqqas ta’ involviment possibbli tal-awtoritajiet reġjonali fil-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jekk mhux se jitqiesu l-ħtiġijiet territorjali speċifiċi u l-parteċipazzjoni tagħna fl-elaborazzjoni tal-pjani nazzjonali ma tkunx garantita, il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza jirriskja li jkollu anqas impatt milli mistenni. Fil-fatt, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-ħtiġijiet tal-investiment aħjar minn kulħadd u jistgħu jagħtu kontribut kruċjali għat-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u s-sjieda politika tal-Istrument ta’ Rkupru fl-intier tiegħu. Huwa essenzjali wkoll li l-fondi ta’ rkupru jkunu komplementari u kkoordinati tajjeb mal-fondi strutturali u jżommu l-koeżjoni territorjali bħala waħda mill-objettivi ewlenin tagħhom ”.

  • Jean-Claude Marcourt , il-President tal-Parlament ta’ Wallonia u l-President tal-grupp ta’ ħidma dwar l-investimenti pubbliċi tal- Konferenza tal-Assembleji Leġislattivi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (CALRE), qal: “ L-isfida tal-baġit 2021–2027 hija essenzjali, b’mod partikolari, għall-ħruġ ta’ bonds Ewropej, l-amplifikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku u s-solidarjetà ġenwina fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, b’appoġġ partikolari għal dawk l-aktar milquta mill-kriżi tas-saħħa, iżda wkoll mill-kriżi ekonomika u soċjali .

  • Begoña Villacís , Viċi Sindku ta’ Madrid u Membru ta’ EUROCITIES , qal: “ għandna l-opportunità li nfasslu mill-ġdid il-ġejjieni tal-bliet tagħna billi niżguraw li l-benesseri u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini jitpoġġew fuq quddiem nett u fiċ-ċentru. Huwa fil-bliet fejn jinsabu dawn l-isfidi kollha, u fejn diġà qed isiru sforzi. Iżda l-irkupru fuq perjodu twil mill-COVID-19 se jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-livelli kollha ta’ gvern, bl-użu ta’ għodod diġà disponibbli bħall-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-identifikazzjoni ta’ modi ġodda għall-iżvilupp ta’ politiki pubbliċi, skont il-ħtiġijiet taċ-ċittadini ”.

Sfond:

F’Ottubru 2017, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni nieda l-#CohesionAlliance fi sħubija mal-assoċjazzjonijiet ewlenin tar-reġjuni u l-bliet – l- Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej (AEBR), l- Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), il- Konferenza tal-Assembleji Leġislattivi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (CALRE), il- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), il- Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa u EUROCITIES  – biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol vitali tal-politika ta’ koeżjoni. Sa mit-tnedija tagħha, id-dikjarazzjoni tal-Alleanza ġiet iffirmata minn iktar minn 12 000 firmatarju, 121 reġjun, 135 belt u kontea, 50 assoċjazzjoni tal-gvernijiet reġjonali u lokali, 40 Membru tal-Parlament Ewropew u 35 assoċjazzjoni settorjali tal-UE.

Ikkuntattja lis-segretarjat:

CohesionAlliance@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-POLICIES-FOR-SUSTAINABLE-FOOD-SYSTEMS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-RECOVERY-WILL-FAIL-WITHOUT-STRONG-COHESION.ASPX

Local and regional leaders want a stronger role and more coherence in EU policies for sustainable food systems
Local and regional leaders want a stronger role and more coherence in EU policies for sustainable food systems
25.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPEAN-POLICIES-FIGHT-SOCIAL-TERRITORIAL-DISPARITIES-PROMOTE-COHESION.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-RECOVERY-WILL-FAIL-WITHOUT-STRONG-COHESION.ASPX

All European policies must fight social and territorial disparities and promote cohesion
All European policies must fight social and territorial disparities and promote cohesion
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/BETTER-PREPARE-FUTURE-CRISES-EXTREME-EVENTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-RECOVERY-WILL-FAIL-WITHOUT-STRONG-COHESION.ASPX

Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/HIGH-LEVEL-GROUP-ON-THE-FUTURE-OF-COHESION-POLICY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-RECOVERY-WILL-FAIL-WITHOUT-STRONG-COHESION.ASPX

President Cordeiro brings the voice of EU regions and cities in the High-Level Group on the Future of Cohesion Policy
President Cordeiro brings the voice of EU regions and cities in the High-Level Group on the Future of Cohesion Policy
23.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/INTERVIEW-PRESIDENT-CORDEIRO-COHESION-ALLIANCE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-RECOVERY-WILL-FAIL-WITHOUT-STRONG-COHESION.ASPX

Interview with the CoR President Vasco Alves Cordeiro
Interview with the CoR President Vasco Alves Cordeiro
03.05.2023