Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-Ewropa teħtieġ politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha, moderna u semplifikata biex tiġġieled l-inugwaljanzi li qed jikbru  

Il-mexxejja lokali jwissu kontra r-riskju li jintilfu r-riżorsi disponibbli u jappellaw għal azzjoni rapida għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

B’sett ta’ Opinjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fakkar fir-rwol ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE filwaqt li tgħin lill-Unjoni tikseb tranżizzjoni ġusta, titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili u tissaħħaħ l-indipendenza mill-enerġija. Il-gwerra li tinsab għaddejja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija enfasizzaw saħansitra aktar il-ħtieġa għal koeżjoni b’saħħitha fl-Ewropa, filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li hemm bżonn ta' azzjonijiet urġenti fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali biex tiġi żgurata l-koeżjoni diġitali bejn it-territorji.

Il-politika ta’ koeżjoni wriet b’suċċess il-flessibbiltà u l-effettività tagħha biex toffri appoġġ fi kriżijiet mhux previsti, bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra li għaddejja kontra l-Ukrajna. Madankollu, huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tinżamm bħala l-għodda ewlenija ta’ investiment tal-UE bl-għan li tindirizza l-inugwaljanzi fl-Ewropa u d-distakk diġitali li qed jikber permezz ta’ pjani ta’ investiment pluriennali stabbli u prevedibbli. Dan ir-rwol strateġiku fit-tul tal-politika ta’ koeżjoni għandu jinżamm, sabiex tkun tista’ tikkontribwixxi għal aktar solidarjetà fl-UE. Għal dan l-għan, il-KtR jappoġġja wkoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”, li huwa konformi mal-kunċett ta’ “koeżjoni bħala valur fundamentali” difiż mill-Kumitat, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-KtR fid-definizzjoni tiegħu. Dawn kienu l-messaġġi mwassla mill-mexxejja lokali u reġjonali matul is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru tal-KtR, li saret matul l-20 edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet.

Il-membri tal-KtR enfasizzaw l-approċċ uniku tal-politika ta’ koeżjoni, ibbażat fuq analiżi tal-ħtiġijiet territorjali stabbilita fil-livell reġjonali u lokali li ssegwi proċess kompletament parteċipattiv u demokratiku, għall-kuntrarju tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru appoġġjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li fil-biċċa l-kbira tfasslu mingħajr l-involviment tar-reġjuni, kif enfasizzat mill-KtR fir-Rapport Annwali tal-UE dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet, ippubblikat fil-11 ta’ Ottubru. Barra minn hekk, il-mexxejja lokali u reġjonali wissew kontra r-riskju ta’ duplikazzjoni jew esklużjoni fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu reali għall-koordinazzjoni u l-konnessjoni bejn il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-politika ta’ koeżjoni.

Barra minn hekk, il-KtR jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw koeżjoni diġitali sħiħa fl-Ewropa sabiex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi bejn it-territorji. Il-Kumitat iwissi li d-distakk diġitali li qed jikber jista’ jżid l-inugwaljanzi soċjali u territorjali minħabba li għandu impatt fuq is-servizzi pprovduti fil-livell lokali, bħall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa elettronika u r-riżorsi edukattivi, jew jipprevjeni lil ħafna ċittadini milli jaċċessaw servizzi fundamentali, pereżempju l-ħlas mhux bi flus kontanti jew il-vot elettroniku. Barra minn hekk, koeżjoni diġitali akbar tkun għodda biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis demografiku fiż-żoni interni, rurali u muntanjużi.

Is-suċċess ta’ tranżizzjoni ambjentali ġusta għar-reġjuni kollha fl-Ewropa se jkun kruċjali wkoll biex tiġi evitata żieda fl-inugwaljanzi bejn il-komunitajiet. Il-gwerra offensiva mnedija mir-Russja fi Frar 2022 għamlet it-tranżizzjoni ġusta aktar diffiċli u fl-istess ħin aktar urġenti, u għalhekk l-ippjanar tal-programmi tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) ta’ EUR 19,3 biljun jeħtieġ li jiżdied sabiex il-finanzjament jiġi mobilizzat fil-ħin. Il-finanzjament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sar disponibbli fi żmien sena, indikaw il-mexxejja lokali, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ilhom jaħdmu fuq il-JTF għal kważi tliet snin. Jekk il-programm JTF ma jibdiex jiffunzjona fl-2022, hemm riskju li tintilef l-allokazzjoni annwali totali ta’ 25 % tal-fondi disponibbli.

Nathalie Sarrabezolles (FR/PSE), relatur dwar it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni, qalet: “Illum, aktar minn qatt qabel, għandna bżonn il-politika tal-koeżjoni, x’aktarx biex intaffu l-effetti tal-kriżijiet li ninsabu għaddejjin minnhom, iżda fuq kollox biex innaqqsu l-inugwaljanzi ġewwa l-kontinent tagħna. Tabilħaqq, ir-Rapport dwar il-Koeżjoni juri li xi reġjuni għadhom lura fl-iżvilupp. Ejjew nibnu fuq is-soluzzjonijiet tal-futur biex jerġa’ jinbeda l-proċess ta’ konverġenza fl-Ewropa.

Gaetano Armao (IT/PPE), relatur dwar il-koeżjoni diġitali, qal: “Il-koeżjoni diġitali trid tiġi introdotta bħala dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tradizzjonali tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fit-Trattat tal-UE. Dan huwa essenzjali peress li ċ-ċittadini li għandhom il-ħiliet diġitali u l-konnettività jistgħu joffru valur sinifikanti lill-komunitajiet tagħhom. Id-distakk diġitali mhuwiex rikonoxxut formalment bħala theddida għall-koeżjoni tal-UE. Hemm bżonn dibattitu pubbliku dwar kif inxejnu d-distakk fl-innovazzjoni u dak diġitali, u dan għandu jiffoka fuq il-kisba ta’ fehim ċar tal-kunċett ta’ “Koeżjoni Diġitali”, li jitlob ir-rikonoxximent tar-rwol essenzjali li t-teknoloġija għandha f’ħajjitna, u jirrikjedi l-integrazzjoni tal-objettivi ta’ koeżjoni (stabbiliti fit-Trattat tal-UE) fid-drittijiet, il-prinċipji u l-politiki diġitali tal-Unjoni.”

Sari Rautio (FI/PPE), relatur tal-Opinjoni dwar “Tranżizzjoni ġusta u sostenibbli fil-kuntest tar-reġjuni intensivi fl-enerġija u fil-faħam”, qalet: “Bil-gwerra fl-Ewropa it-tranżizzjoni ġusta saret aktar urġenti. Naħseb li t-tranżizzjoni kruċjali lejn soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju għandha tiffoka fuq il-ħtiġijiet differenti taċ-ċittadini, u toħloq impjiegi u ħiliet ġodda. Is-settur tal-enerġija, l-industriji, is-settur tal-manifattura u l-SMEs qed jitħabtu, u għalhekk huwa importanti li jiġu appoġġjati l-ambizzjonijiet tal-industrija biex issir newtrali f’termini ta’ karbonju. Il-JTF jista’ jkollu rwol biex jintlaħaq dan l-għan. It-tfittxija għall-aktar mezzi effettivi fil-livell reġjonali tista’ tirnexxi biss meta r-reġjuni u l-bliet jiġu involuti ġenwinament fl-istadji kollha tal-ippjanar u l-implimentazzjoni. U fl-istess ħin – irridu naraw li l-magna tibda taħdem!

Sfond:

It-8 Rapport dwar il-Koeżjoni ġie ppubblikat fid-9 ta’ Frar mill-Kummissjoni Ewropea. Dan juri kemm xejriet pożittivi kif ukoll negattivi fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali tal-UE: ir-reġjuni inqas żviluppati qed ilaħħqu mad-distakk, iżda ħafna reġjuni fi tranżizzjoni nqabdu f’nassa ta’ żvilupp. Barra minn hekk, id-distakk dejjem jikber fl-innovazzjoni se jagħmilha aktar diffiċli għaż-żewġ tipi ta’ reġjuni biex ilaħħqu. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni ftit ġimgħat ilu.

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM) ġie stabbilit bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tingħata għajnuna lir-reġjuni l-aktar milqutin mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Dan jinkludi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), li se jinvesti madwar EUR 19-il biljun fil-perjodu 2021-2027 f’dawn it-territorji. L-allokazzjoni tal-JTF għall-Istati Membri tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk.

Flimkien mal-assoċjazzjonijiet Ewropej ewlenin tal-bliet u r-reġjuni, il-KtR huwa msieħeb fundatur tal-#CohesionAlliance, biex jafferma l-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u objettiv ewlieni għall-politiki u l-investiment kollha tagħha. Aktar informazzjoni hawnhekk.

Persuna ta' kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 (0) 470 89 53 82

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Ikkondividi :