Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Jeħtieġ li l-UE tiġġieled id-diżinformazzjoni fil-livell lokali u reġjonali  
Il-politiċi lokali u reġjonali jesprimu l-frustrazzjoni permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u jitolbu li l-UE tgħin lis-soċjetà ċivili u lill-gvern lokali biex jidentifikaw id-diżinformazzjoni.

L-Unjoni Ewropea għandha “b’mod urġenti” tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-isforzi biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, qal il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’rapport adottat fil-5 ta’ Diċembru. L-Assemblea tal-UE għall-politiċi lokali u reġjonali ħeġġet ukoll lill-UE biex teżerċita aktar pressjoni fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali ħalli jirreaġixxu aktar malajr, b’mod effettiv u xieraq fir-rigward tad-diżinformazzjoni.

Il-mexxejja lokali u reġjonali fasslu r-rakkomandazzjonijiet dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-diżinformazzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess u għalhekk il-proposti ma jiffurmawx parti mill-proċess ta’ rieżami formali tal-UE. Madankollu, id-deċiżjoni unilaterali tagħhom li jagħtu l-kontribut tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet, tenfasizza l-importanza li huma jattribwixxu għall-lokalizzazzjoni tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, filwaqt li jagħmlu aktar pressjoni fuq is-settur privat, u jinvestu aktar sforzi u riżorsi biex jivverifikaw il-fatti u jaħdmu mas-soċjetà ċivili.

Ir- rakkomandazzjonijiet ġew abbozzati minn Randel Länts (EE/PSE), kunsillier fil-komunità rurali ta’ Viljandi fin-Nofsinhar tal-Estonja. Huwa qal: “Bħalissa, l-UE qed taħdem prinċipalment fil-livell nazzjonali, iżda hemm bżonn li d-diżinformazzjoni tiġi miġġielda wkoll fil-livell lokali. Il-Pjan ta’ Azzjoni adottat f’Diċembru 2018 ma jqisx biżżejjed il-livelli lokali u reġjonali, minkejja l-fatt li spiss il-problemi assoċjati ma’ din it-tema joriġinaw minn hemm. Jeħtieġ ukoll li xi wħud mis-soluzzjonijiet – bħalma huma l-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-attivazzjoni taċ-ċittadini – jibdew fir-reġjuni u l-bliet tagħna. Iżda l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet lokali m’għandhomx għarfien dwar kif għandhom jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni, ir-riżorsi finanzjarji u l-ħiliet. Għalhekk dan huwa qasam fejn l-UE tista’ tintervjeni, tgħid “għandna riżorsi”, u tgħin fl-isforzi biex tinbena kapaċità fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, parzjalment billi jiġu żviluppati netwerks ta’ verifikaturi tal-fatti u jiġi offrut kumpens liċ-ċittadini għall-preċiżjoni fl-attività ta’ verifika.”

Huwa komla jgħid: “Hemm ukoll ħtieġa kbira li l-kumpaniji tal-midja soċjali jsiru aktar lokali f’xogħolhom. Il-persunal tagħhom tipikament la jifhem lil-lingwa, la l-kuntest politiku u lanqas il-kuntest kulturali tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni li qed jitħaddmu fir-reġjuni tal-UE. U, bħalma jaf kull min ipprova jirrapporta diżinformazzjoni jew diskors ta’ mibegħda, l-operaturi tal-midja soċjali ma joffru l-ebda proċedura ta’ rispons rapida u effettiva. Jekk ma jtejbux il-prestazzjoni tagħhom b’mod volontarju, jeħtieġ li nobbligawhom jagħmlu dan permezz ta’ regolament. Il-KtR jipproponi miżuri li jirriflettu r-realtà tad-diżinformazzjoni: din ġejja minn sorsi esterni u interni, għandha fil-mira tagħha l-identitajiet lokali u nazzjonali tagħna u ħafna drabi hija lokalizzata ħafna. Jeħtieġ li nobbligaw lill-kumpaniji tal-internet biex jindirizzaw din ir-realtà b’mod serju – u jeħtieġ li nagħmlu l-istess, permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-livelli kollha tal-gvern, is-soċjetà ċivili, il-membri tal-pjattaformi pubbliċi u tal-midja soċjali”.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet relatati mal-pjattaformi tal-midja soċjali, il-KtR jappella lill-UE biex tobbliga l-pjattaformi tal-midja soċjali – permezz ta’ regolamentazzjoni jew permezz ta’ awtoġestjoni – jagħmlu ferm aktar xogħol ħalli jilħqu u jedukaw lill-utenti dwar id-diżinformazzjoni u dwar il-verifika tas-sorsi, il-posts ikunu kuntestwalizzati u l-utenti jiġu mwissija dwar sorsi ta’ diżinformazzjoni qabel l-elezzjonijiet u waqt il-kriżijiet. Il-pjattaformi jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ netwerks tal-verifika tal-fatti u jikkumpensaw lil verifikaturi tal-fatti individwali.

Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu prinċipji u ideat maħsuba għall-protezzjoni tal-libertajiet personali, biex tkun evitata reazzjoni żejda, u biex jinbena l-appoġġ pubbliku. L-Opinjoni twissi li “mingħajr trasparenza suffiċjenti, hemm riskju kbir li l-miżuri biex tkun miġġielda d-diżinformazzjoni jisfaw huma stess vittmi ta’ attakki ta’ informazzjoni ostili” u għalhekk targumenta favur “li ċ-ċittadini jirċievu informazzjoni komprensiva u jibqgħu aġġornati dwar aspetti bħall-protezzjoni tad-data, l-ipproċessar ta’ data personali u aspetti ta’ finanzjament”. Din tgħid li “it-tixrid possibbli tad-diżinformazzjoni jrid jiġi mmonitorjat b’mod sistematiku u kontinwu” – “iżda mhux il-ħin kollu”, dan jissuġġerixxi li monitoraġġ ta’ intensità għolja bħal dan għandu jkun ristrett għall-perjodu ta’ qabel l-elezzjonijiet, waqt kriżijiet u waqt tibdil mgħaġġel fis-soċjetà.

Il-ħidma tal-UE kontra d-diżinformazzjoni hija bbażata fuq erba’ pilastri: it-titjib tal-identifikazzjoni tad-diżinformazzjoni, il-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet, l-imbottar tas-settur privat biex tittieħed azzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

Fl-2015 bdiet azzjoni fil-livell tal-UE biex titrażżan id-diżinformazzjoni, bil-ħolqien ta’ task force biex ittejjeb il-kapaċità tal-UE li tbassar, tindirizza u twieġeb għal attivitajiet ta’ diżinformazzjoni, biex issaħħaħ l-ambjent tal-midja fl-Istati Membri u l-viċinat tal-UE, u biex tikkomunika l-politiki tal-UE fil-viċinat tal-Lvant tagħha. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħidma tal-UE minn dak iż-żmien ’il hawn ġie estiż u approfondit, kemm ġeografikament u kemm tematikament. Il-kontribut minn grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fl-2017 u minn konsultazzjoni pubblika wassal għall-adozzjoni ta’ Approċċ tal-UE fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni onlajn f’April 2018. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-pjattaformi tal-midja soċjali qablu ma’ Kodiċi ta’ Prattika volontarju, bl-UE twissi li, fin-nuqqas ta’ azzjoni xierqa, jistgħu jiġu introdotti miżuri regolatorji. Il- Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġie adottat f’Diċembru 2018, u f’Marzu 2019 il-Kummissjoni ħolqot Sistema ta’ Twissija Bikrija qabel l-elezzjonijiet Ewropej li saru f’Mejju 2019.

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :