Skont ir-relatur Catiuscia Marini: “Il-baġit li jmiss tal-UE għandu jpoġġi liċ-ċittadini l-ewwel u jżomm il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) bħala parti mil-politika reġjonali mingħajr ma jinbidel f’fattur determinanti għad-dħul finanzjarju minn fuq għal isfel.”
Bejn l-2007 u l-2014, kien hemm 9,4 miljun Ewropew li sabu impjieg u 8,7 miljun li kisbu kwalifika bis-saħħa tal-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u s-sħubija bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jimmobilizza l-isforzi tiegħu biex jiżgura li dawn il-kisbiet jitqiesu b’mod xieraq u li l-fond ma jitnaqqasx fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, jew jinbidel sabiex jiġu inċentivati miżuri ċċentralizzati ħafna.
Il-FSE huwa l-istrument prinċipali tal-UE li jappoġġja l-politiki tal-impjieg, u li jiswa aktar minn EUR 80 biljun għall-2014-2020 L-għan tiegħu huwa li jnaqqas id-disparitajiet bejn u fi ħdan ir-reġjuni u l-bliet Ewropej billi jiġu promossi l-ħolqien tal-impjiegi, il-produttività tax-xogħol, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali. Il-prijoritajiet tiegħu jinkludu li tissaħħaħ l-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi; jitjieb l-aċċess għall-impjieg; tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għall-impjieg u jittejjeb it-taħriġ professjonali; jiġu mgħejuna l-gruppi żvantaġġjati biex isibu impjieg; jiġi miġġieled il-faqar; u jitnaqqas l-għadd ta’ studenti li jitilqu mill-iskola b’mod bikri.
Ir-rwol kruċjali tal-Fond fil-futur tal-Ewropa ġie indikat mill-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE fl-Opinjoni dwar Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-FSE bi tħejjija għall-proposta għal wara l-2020, immexxia mill-President tar-reġjun tal-Umbria u l-President tal-Grupp PSE fi ħdan il-KtR, Catiuscia Marini (IT/PSE).
“Irridu li l-baġit li jmiss tal-UE jpoġġi liċ-ċittadini l-ewwel u jipprovdi tweġiba konkreta Ewropea għall-isfidi soċjali. Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-aktar għodda effettiva f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu dawn it-tweġibiet. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jopponi bil-qawwa kwalunkwe pjan biex jinħoloq fond ġdid, barra mill-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, li jappoġġja koordinazzjoni minn fuq għal isfel tal-politiki makroekonomiċi tal-Istati Membri, mingħajr ebda rabta mal-bżonnijiet reali tal-komunitajiet lokali ” qalet is-Sinjura Marini, filwaqt li enfasizzat li: “ Il-FSE għandu jibqa’ wieħed mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment u element ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni, biex tiġi sfruttata kull possibbiltà ta’ sinerġija ma’ fondi strutturali oħra, b’mod partikolari mal-iżvilupp reġjonali u fondi għall-iżvilupp rurali. ”
L-isfidi ewlenin għad-deċennju li jmiss – minn adattament tal-ħiliet f’setturi li qed jiffaċċjaw d-diġitalizzazzjoni għal tnaqqis fin-numru ta’ studenti li jitilqu mill-iskola b’mod bikri, u mill-għoti ta’ għajnuna lill-ħaddiema migranti biex jintegraw sal-iżgurar li dawk li qegħdin ifittxu impjieg jitqabblu tajjeb mal-impjegaturi – jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss billi jitqiesu l-bżonnijiet lokali speċifiċi u billi jiġu mobilizzati l-atturi lokali. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jixtieq li l-FSE jibqa’ element ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali, ġestit b’mod konġunt permezz ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-atturi ekonomiċi u soċjali fiż-żoni kkonċernati.
Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl tal-proposti ta’ riformi li tfasslu fil-kuntest tal-ħidma preparatorja għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, il-pjan finanzjarju li jistabbilixxi l-limiti għall-infiq għall-politiki kollha tal-UE għall-2021-2027. L-għażliet attwali jinkludu li l-FSE jiġi amalgamat ma’ għodod oħra li għandhom l-għan li jippromovu l-impjieg u l-kapital uman (jiġifieri l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) sabiex jinħoloq “fond umbrella” b'regoli komuni. Fond bħal dan ikun jappoġġja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż imfassla kull sena mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (proċedura għall-koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi fl-UE kollha).
F’xenarju bħal dan, l-iskema ta’ programmar konġunt li bħalissa tinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali u r-reġjuni, ser tiġi sostitwita minn arranġamenti kuntrattwali li permezz tagħhom il-finanzjament mill-FSE jiġi rilaxxat lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li dawn jilħqu l-miri għar-riformi strutturali stabbiliti matul il-proċess tas-Semestru Ewropew.
Din l-għażla hija miċħuda b’mod qawwi mill-membri tal-KtR, li jipproponu minflok li tittejjeb ir-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-governanza makroekonomika tal-UE billi jiġu involuti strutturalment l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba fil-proċess tas-Semestru Ewropew, waqt li jibbażaw ruħhom fuq analiżi territorjali u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-territorju kull meta jkun possibbli.
Fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ fondi oħra fil-FSE, il-mexxejja lokali jenfasizzaw li dan ser jipproduċi sinerġiji pożittivi biss jekk id-dimensjoni reġjonali tkun preservata b’mod tajjeb u l-ħolqien ta’ “FSE umbrella” ma jwassalx għal tnaqqis ġenerali fir-riżorsi ddedikati għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali.
Skont il-Kumitat, it-tnaqqis tar-riżorsi tal-FSE ser jikkontradixxi b’mod ovvju t-tnedija riċenti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jipperikola l-possibbiltà li dan jinbidel f’realtà. Fil-fatt, skont il-KtR, l-20 prinċipju prinċipali tal-Pilastru għandhom jiġu riflessi tajjeb fil-programmi sostnuti mill-FSE fis-snin li ġejjin.
Noti lill-edituri
Il-FSE huwa għodda ewlenija għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE, li l-futur tagħha bħalissa jinsab mhedded minħabba l-impatt finanzjarju tal-Brexit kif ukoll il-bżonn li jiġu ffinanzjati miżuri ġodda fl-oqsma tad-difiża, is-sigurtà u l-migrazzjoni. Sabiex jippreżenta l-każ għal politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha wara l-2020, il-KtR, flimkien mal-assoċjazzjonijiet territorjali ewlenin tal-UE, nedew il- #CohesionAlliance : moviment li jinvolvi liċ-ċittadini miftuħ għal kull min jemmen li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE trid tkompli tkun pilastru tal-futur tal-UE. Minn meta tnediet f’Ottubru tas-sena l-oħra, l-Alleanza kompliet tattira firmatarji ġodda kuljum, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-assoċjazzjonijiet tan-negozji, l-akkademja, it-trejdjunjins u l-gruppi ta’ riflessjoni.
Aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti ta’ pożizzjoni relatati ma’ #CohesionAlliance hija disponibbli fuq https://cohesionalliance.eu.
Kuntatt:
Pierluigi Boda
Tel: +32 2 282 2461
Mowbajl: +32 473 85 17 43
pierluigi.boda@cor.europa.eu