Il-Kumitat ifaħħar l-isforzi tal-Parlament biex jiżgura azzjoni tal-UE aktar b’saħħitha fir-rigward tar-riċerka dwar is-saħħa u Erasmus+, l-iskrutinju demokratiku tal-Pjani għall-Irkupru u mezzi finanzjarji ġodda għall-Unjoni
“Il-Ftehim huwa sinjal ta’ tama għall-komunitajiet lokali li qed jippruvaw ilaħħqu mat-tieni mewġa tal-pandemija. L-adozzjoni finali għandha ssegwi dalwaqt biex tiżgura li l-fondi jaslulhom fl-ewwel nofs tal-2021. F’każ ta’ dewmien, l-investiment vitali mwettaq fl-2021 – anke qabel id-dħul fis-seħħ ta’ baġit ġdid – irid ikun eliġibbli b’mod retrospettiv. Inkella jkun tard wisq biex l-UE tgħin tipproteġi l-komunitajiet lokali u tippreżerva l-ekonomiji tagħna ", qal il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), Apostolos Tzitzikostas , li kkummenta dwar in-negozjati interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE 2021-2027 u l-Pjan għall-Irkupru.
Il-President tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE tal-KtR ( COTER ),
Isabelle Boudineau (FR/PSE) , qalet: "Dan il-ftehim huwa storiku. Għall-ewwel darba, il-Parlament Ewropew irnexxielu jżid il-Qafas Finanzjarju Pluriennali b’EUR 16-il biljun, biex b’hekk jiżgura li r-riċerkaturi u l-parteċipanti fil-programm Erasmus+ ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu u jittriplikaw il-fondi tal-Programm EU4Health li tant hu essenzjali f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi. Madankollu, għad hemm xi inċertezzi. Is-soluzzjoni ad hoc biex jintużaw il-multi tal-kompetizzjoni tal-UE m’għandhiex tkun biss għażla temporanja, iżda r-regoli tal-UE għandhom jiġu aġġustati biex tinżamm din il-possibbiltà fit-tul. L-istess jgħodd għall-iskeda ta’ żmien miftiehma dwar riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE. Irridu nkunu ċerti li l-kalendarju ambizzjuż ikun segwit minn azzjonijiet. Żminijiet ekonomiċi serji jeħtieġu soluzzjonijiet serji – jeħtieġ li niżguraw irkupru sostenibbli fit-tul għall-UE”.
Ir-Relatur tal-KtR dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, Nikola Dobroslavić (HR/PPE) , qal: " Aħna nilqgħu l-ftehim milħuq mill-Kunsill u l-Parlament dwar il-QFP il-ġdid u l-pakkett ta’ rkupru. L-adozzjoni rapida ta’ dawn l-istrumenti qabel il-bidu tal-perjodu finanzjarju l-ġdid 2021-2027 hija tal-akbar importanza għall-bliet u r-reġjuni biex ikunu jistgħu jimplimentaw proġetti konkreti. L-Ewropa ma tistax tirkupra mingħajr ir-rwol attiv tal-bliet u r-reġjuni. Il-politika ta’ koeżjoni u l-Politika Agrikola Komuni jibqgħu politiki essenzjali għar-reġjuni u l-bliet u l-irkupru tagħhom. Huwa għalhekk neċessarju li nistabbilixxu l-koeżjoni bħala valur fundamentali u objettiv ewlieni għall-politiki u l-investimenti kollha ”.
Sfond:
It-talbiet ewlenin tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex tiġi indirizzata l-pandemija jinkludu:
1) Pjan għal Ewropa sostenibbli, reżiljenti u soċjali li jinkludi Fond ta’ Rkupru tal-UE, konness ma’ baġit tal-UE ambizzjuż u bbażat fuq l-assigurazzjoni tad-dejn Ewropew, li jiswa mill-inqas EUR 500 biljun.
2) Mekkaniżmu tas-Saħħa tal-UE biex tinxtara provvista medika u biex tiġi valutata, aġġornata u mmonitorjata l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa reġjonali permezz tal-investiment fir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa.
3) Skemi ta’ finanzjament biex jgħinu lill-komunitajiet reġjonali u lokali jikkumpensaw għat-telf tat-taxxa lokali u biex is-servizzi pubbliċi jinbidlu f'servizzi diġitali, sostenibbli u reżiljenti;
4) Proċeduri simplifikati għall-finanzjament ta’ infrastruttura lokali sostenibbli.
5) Faċilitajiet apposta u arranġamenti legali ta’ appoġġ għall-SMEs, it-turiżmu, il-kultura.
6) Pjan ta’ inklużjoni rurali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, lill-intraprenditorija u lill-konnettività fiż-żoni rurali.
Persuna ta’ kuntatt:
pressecdr@cor.europa.eu