Fid-dawl tan-negozjati futuri tal-baġit tal-UE, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jingħaqad ma’ assoċjazzjonijiet territorjali u jappella lill-atturi rilevanti kollha fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jibnu Alleanza għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u ambizzjuża wara l-2020.
Prijoritajiet emerġenti ġodda bħad-difiża, is-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri, u l-impatt tal-Brexit fuq il-baġit tal-UE qed jirriskjaw li jipperikolaw il-futur tal-politika ta’ investiment l-aktar b’saħħitha għas-27, b’valur ta’ EUR 454 biljun sal-2020. Din hija r-raġuni għaliex fil-KtR, illum, l-idea ta’ alleanza miftuħa ġdida tnediet.
L-għan tal-Alleanza huwa li jixħet dawl fuq il-valur miżjud u l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni matul l-aħħar għaxar snin, filwaqt li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet dwar il-baġit li jmiss tal-UE jieħdu kont tal-vuċi ta’ mijiet ta’ eluf ta’ benefiċjarji minn awtoritajiet reġjonali u lokali, SMEs, NGOs, skejjel, universitajiet, organizzazzjonijiet kulturali, eċċ.
Wara l-adozzjoni reċenti tal-opinjoni tiegħu dwar "Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020" u bi tħejjija għas-7 Forum dwar il-Koeżjoni fl-aħħar ta’ Ġunju, il-Kumitat fetaħ, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet territorjali ewlenin, dibattitu realistiku bl-għan li jindirizza direttament xi wħud mill-kritika kontra l-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jintensifika l-kollaborazzjoni fost dawk kollha li jappoġġjawha.
“ Il-politika ta’ koeżjoni mhijiex organizzazzjoni ta’ karità, hija obbligu. Iċ-ċittadini tal-UE fir-reġjuni u l-bliet tagħna jeħtieġu li tkun aktar b’saħħitha, aktar faċli u aktar effettiva. Huwa għalhekk li, wara li adottajna l-opinjoni tagħna, qed naħdmu fuq Alleanza wiesgħa għal Politika ta’ Koeżjoni b’saħħitha wara l-2020 ", qal ir-relatur tal-KtR Michael Schneider, Segretarju tal-Istat ta’ Sachsen-Anhalt u President tal-Grupp PPE tal-KtR, u żied jgħid: " Din mhijiex attentat ta’ pubbliċità iżda mobilizzazzjoni wiesgħa miftuħa għall-bliet, ir-reġjuni, l-assoċjazzjonijiet territorjali, il-gvernijiet ċentrali, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-universitajiet, l-SMEs u s-soċjetà ċivili".
“ Investimenti permezz tal-politika ta’ koeżjoni għenu biex il-bliet tagħna jsiru postijiet aktar adatti għall-għajxien u inklużivi ", qal Daniël Termont , Sindku ta’ Ghent u President ta’ EUROCITIES , filwaqt li enfasizza li: “ Din hija espressjoni qawwija ta’ solidarjetà Ewropea u għandha potenzjal kbir biex turi l-benefiċċji tal-Ewropa għaċ-ċittadini tagħna. Għal politika aktar b’saħħitha fil-futur, hemm bżonn li naraw bliet direttament involuti f’deċiżjonijiet ta’ investiment strateġiku relatati mal-fondi strutturali. Dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-iffinanzjar jilħaq il-ħtiġijiet lokali, biex tissaħħaħ is-sjieda lokali u tagħmel l-implimentazzjoni ta’ finanzjament aktar effiċjenti. ”
F’isem il- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), Carola Gunnarsson , Sindku ta’ Sala, u kelliem dwar il-politika ta’ koeżjoni, irrimarkat li: “ Il-politika ta’ koeżjoni hija strument li juri lin-nies li l-UE taħseb fihom u li l-livelli kollha ta’ gvern jistgħu jingħaqdu biex jindirizzaw l-isfidi attwali. Jekk nitilfu l-politika ta’ koeżjoni dan ikun ifisser li l-UE tiċħad il-proġett Ewropew minn parti kbira tas-sustanza tiegħu. Permezz ta’ din l-alleanza, is-sindki u l-mexxejja reġjonali jridu jżommu politika ta’ koeżjoni b’saħħitha li tkun kapaċi twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna. ”
Il- Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CPMR) kienet rappreżentata minn Erik Bergkvist , President tal-Kumitat Eżekuttiv Reġjonali ta’ Västerbotten (SE), li qal: “ It-territorji Ewropej qed jiffaċċjaw sfidi differenti, inklużi restrizzjonijiet ġeografiċi, ambjentali u soċjali, u ma jistax ikun hemm soluzzjoni Ewropea waħda li tgħodd għal kulħadd (one-size-fits-all). Din hija r-raġuni għalfejn hija meħtieġa politika ta’ koeżjoni b’dimensjoni territorjali iktar b’saħħitha sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u biex jiġi stimulat it-tkabbir. Neħtieġu politika ta’ koeżjoni abbażi ta’ rikonoxximent aħjar tad-diversità territorjali tal-Ewropa, flessibbiltà akbar għal ċerti reġjuni ġeografiċi, approċċ ibbażat fuq il-post, u sinerġiji bejn il-livelli differenti ta’ governanza. Huwa biss f’dak il-mument li l-politika ta’ koeżjoni tkun tista’ tirrilaxxa l-potenzjal tar-reġjuni Ewropej kollha. ”
"Hemm moviment li qed jikber ta’ impenn meħtieġ favur il-politika ta’ koeżjoni li ġej minn kważi kull stat membru", qal il-President tal-KtR, Markku Markkula , u stieden lill-partijiet interessati biex jingħaqdu flimkien: " Hekk kif jibdew in-negozjati diffiċli dwar il-baġit tal-UE, il-Kumitat tagħna huwa lest iwassal dawn il-vuċijiet biex jinstemgħu fi Brussell. Din hija r-raġuni għalfejn aħna rridu alleanza favur il-koeżjoni miftuħa għal dawk kollha li jemmnu fil-valuri fundamentali tal-UE bħas-solidarjetà u sħubija. ”
Għal iktar tagħrif:
Infografika dwar l-opinjoni tal-KtR dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni
Studji tal-KtR dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni
Evalwazzjonijiet tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013
Portal tad-data miftuħa tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE
Stqarrija tal-President Markkula fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta’ April dwar il-Koeżjoni
Riżoluzzjoni tal-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020
Kuntatt:
Pierluigi Boda
Tel: +32 2 282 2461
Mobile: +32 473 85 17 43
pierluigi.boda@cor.europa.eu