Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Twissija tal-Barometru Reġjonali u Lokali tal-UE: tnaqqis li jlaħħaq l-10 % fid-dħul tar-reġjuni u l-bliet iqiegħed lis-servizzi pubbliċi f’riskju  

Il-President Apostolos Tzitzikostas ippreżenta l-Barometru Reġjonali u Lokali lill-President Ursula von der Leyen, li jwissi dwar “ġenerazzjoni mitlufa minħabba l-pandemija tal-COVID” u l-inugwaljanzi reġjonali li qed jikbru.

L-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali , imħejji mill- Kumitat Ewropew tar-Reġjuni , li jkopri l-UE kollha, iwissi li l-pandemija tal-coronavirus qed ikollha impatt serju fuq id-dħul tal-awtoritajiet sottonazzjonali: fl-Italja, il-Ġermanja u Franza waħedhom, it-telf jista’ jlaħħaq EUR 30 biljun fl-2020. Il-kriżi qed twessa’ wkoll l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi fit-territorji tal-UE. Ir-rapport iwissi li hemm ir-riskju li l-kriżi toħloq “ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ mitlufa minħabba l-pandemija tal-COVID”, u jenfasizza d-differenzi serji bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa reġjonali. Il-qasma rurali-urbana li qed tiżdied tirrappreżenta wkoll theddida ċara għall-koeżjoni tal-UE.

Filwaqt li ppreżenta r-riżultati tal-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali, Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “ Il-barometru għandu l-għan li jifhem aħjar il-ħtiġijiet tan-nies, biex jagħti t-tweġibiet ġusti. Huwa biss billi nħossu l-polz tal-komunitajiet tagħna li nistgħu niddeċiedu kemm l-UE kienet effettiva fuq il-post, u x’teħtieġ tagħmel l-UE biex tgħin lir-reġjuni, il-bliet u l-irħula tagħha. Ir-rapport tagħna jikkonferma li l-pandemija laqtitna lkoll kemm aħna. ’Il fuq minn 90 % tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-UE jipprevedu li d-dħul tagħhom se jonqos drastikament.

Il-kriżi – żied jgħid il-President Tzitzikostas – thedded li toħloq ġenerazzjoni mitlufa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, bl-impjiegi taż-żgħażagħ ikunu aktar f’riskju, u huma biss sitt Stati Membri li jistgħu joffru edukazzjoni diġitali għal 80 % jew aktar tal-istudenti . Is-67 % tal-Ewropej li jridu li l-bliet u r-reġjuni jkollhom aktar influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-UE jgħidulna li wasal iż-żmien li nikkunsidraw mill-ġdid kif taħdem id-demokrazija tal-UE, biex nagħmlu kuntatt aħjar man-nies fit-territorji. Bħala mexxejja reġjonali u lokali, ninsabu impenjati li naħdmu flimkien fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali biex nirkupraw mill-pandemija u nibnu komunitajiet reżiljenti u sostenibbli.”

Il- President von der Leyen , li kienet qed tindirizza l-assemblea tal-UE għall-politiċi lokali u reġjonali għall-ewwel darba minn mindu ħadet il-kariga, qalet: “L-awtoritajiet lokali kienu l-ewwel linja ta’ difiża meta faqqgħet il-kriżi. U l-Ewropej jafu dak li għamlu għalihom is-sindki, il-gvernaturi jew il-kunsilliera tagħhom. Dawn se jkunu fil-qalba tal-irkupru tagħna. Għalhekk, ir-riżorsi ta’ NextGenerationEU se jkollhom fil-mira tagħhom ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħna. Il-fondi Ewropej se jippermettu investimenti fi sptarijiet ġodda, tagħmir aħjar u sistemi tal-kura tas-saħħa aktar b’saħħithom. U l-amministrazzjonijiet lokali għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ tmexxija.”

Fit-13 ta’ Ottubru, Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel se tindirizza wkoll il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, fil-kapaċità tagħha bħala mexxejja tal-pajjiż li għandu f’idejh il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

SFOND

Il-Barometru joffri stampa tal-impatt tal-kriżi soċjali, ekonomika u tas-saħħa fuq ir-reġjuni u l-bliet tal-UE. Il-fatti u r-riżultati tiegħu huma kkomplementati minn stħarriġ tal-finanzi sottonazzjonali mwettaq b’mod konġunt mal-OECD, u minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar ir-rwol u l-impatt tal-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar il-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Skont l-istħarriġ li kellu ’l fuq minn 26,000 parteċipant Ewropew, imwettaq minn Kantar fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Settembru, l-Ewropej jafdaw lill-gvernijiet lokali u reġjonali aktar milli jafdaw lill-gvernijiet nazzjonali jew lill-UE , kemm f’termini ta’ kwistjonijiet ġenerali kif ukoll fir-rispons tagħhom għall-pandemija. Huma jixtiequ li l-gvernijiet lokali u reġjonali jkollhom aktar influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-UE b’rabta mas-saħħa, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura.

Il- Barometru Reġjonali u Lokali Annwali (#EURegionalBarometer) ikkontribwixxa għal riżoluzzjoni “ L-awtoritajiet lokali u reġjonali li qed jiffaċċjaw il-COVID-19 u jibnu l-irkupru ”, li t-329 membru tal-KtR – l-assemblea politika tal-UE tal-gvernijiet lokali u reġjonali – se jadottaw fit-13 ta’ Ottubru.

Sejbiet tal-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali:

Kuntatt:

Michele Cercone

Kelliem tal-President

Tel. +32 (0)498 9823 49

michele.cercone@cor.europa.eu

Id-Diskors tal-President Tzitzikostas : disponibbli fuq il- paġna tal-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Id-dibatittu sħiħ : fuq is- sit web tal-KtR.

Il-plenarja sħiħa : jekk jogħġbok żur il- LiveBlog tagħna.

Mistoqsijiet oħrajn : għal informazzjoni speċifika għall-pajjiż, appoġġ awdjoviżiv, u mistoqsijiet oħrajn, jekk jogħġbok ikkuntattja lil: PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :