Il-koalizzjoni fl-UE kollha tilqa’ t-talba tal-Parlament Ewropew għal finanzjament adegwat u semplifikat għar-reġjuni kollha u biex ma jibqgħux jiġu ffriżati l-fondi biex tiġi infurzata d-dixxiplina fiskali Il-vot dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) nhar l-4 ta’ April kkonkluda l-ħidma tal-Parlament Ewropew biex tissawwar il-politika ta’ koeżjoni futura billi jiġu emendati l-proposti leġislattivi ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju li għadda. Il-vot jikkomplementa l-pożizzjonijiet dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni, dwar ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, u dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea adottati fis-26 u s-27 ta’ Marzu. L-Alleanza tal-Koeżjoni – alleanza fl-UE kollha li titlob għal politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha wara l-2020 – tilqa’ l-eżitu tal-ħidma tal-Parlament u tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex iħaffu n-negozjati sabiex l-pjani ġodda ta’ investiment jitnedew fil-ħin.
Il-politika ta’ koeżjoni hija l-għodda ewlenija ta’ investiment tal-UE u qed timmobilizza aktar minn EUR 350 biljun mill-baġit tal-UE 2014-2020 biex ikun hemm tkabbir inklużiv u sostenibbli fit-territorji kollha tal-Ewropa billi tinvolvi l-partijiet interessati lokali. Ir-rwol u l-impatt tagħha huma mhedda minħabba t-tnaqqis fil-baġit mitlub minn ċerti Stati Membri u minħabba t-tentattivi li għaddejjin biex tiġi ċentralizzata l-governanza u jiġi pperikolat l-involviment tal-gvernijiet reġjonali u lokali.
Huwa għalhekk li #CohesionAlliance, li tiġbor flimkien lil dawk kollha li jridu politika ta’ koeżjoni b’saħħitha bbażata fuq il-kontribut tal-atturi lokali, tnediet fl-2018 mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), fi sħubija mal- Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej (AEBR), l- Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), il- Konferenza tal-Assemblej Reġjonali Leġislattivi Ewropej (CALRE), il- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), il- Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CPMR) u l- EUROCITIES .
Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew (PE) dwar ir-regoli komuni u dwar ir-regolamenti speċifiċi għall- Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) 2021/2027 hija konformi mal- prijoritajiet stabbiliti mit-12 000 firmatarju tal-#CohesionAlliance, inklużi 121 reġjun, 135 belt, 50 assoċjazzjoni nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, 40 Membri tal-Parlament Ewropew u 35 assoċjazzjoni Ewropea li jirrappreżentaw kemm atturi pubbliċi kif ukoll privati.
L-Alleanza ħeġġet lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jipprovdu politika ta’ koeżjoni b’pakkett finanzjarju ta’ mill-inqas terz tal-baġit futur tal-UE , pożizzjoni kondiviża mir-rapport tal-PE dwar ir-regolament ta’ dispożizzjoni komuni. Is-sejħa biex jerġa’ jkun hemm finanzjament adegwat ġiet wara li l-Kummissjoni pproponiet tnaqqis ta’ 10 % fl-allokazzjonijiet ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni. Dan involva tnaqqis drastiku għall-Fond ta’ Koeżjoni, għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u għall-FSE+, li għalihom ġew introdotti kompiti ġodda mingħajr riżorsi addizzjonali. Fir-rigward tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, flimkien mal-iżgurar ta’ baġit adegwat, il-PE talab biex jiġu intensifikati l-kooperazzjoni transkonfinali, inkluża fil-baċiri marittimi, u l-kooperazzjoni interreġjonali. F’dan il-kuntest, investimenti interreġjonali ġodda fl-innovazzjoni ser jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ valur Ewropej u joħolqu rabtiet bejn ir-reġjuni inqas żviluppati u r-reġjuni mexxejja.
Talba ewlenija oħra meħuda mill-PE hija s-sejħa biex tiġi evitata kull ċentralizzazzjoni jew riforma minn fuq għal isfel. Minflok, regoli ġodda jridu jippreservaw u jsaħħu l- prinċipju tas-sħubija – billi jiġi żgurat l-involviment tal-atturi reġjonali u lokali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ investiment – u l- approċċ ibbażat fuq il-post , fejn l-isfidi ta’ politika jiġu identifikati fil-livell reġjonali u lokali u l-impatt tal-politika jiġi vvalutat fid-dawl ta’ indikaturi konsistenti. Dan kien importanti ħafna meta jitqiesu r-riskji konkreti taċ-ċentralizzazzjoni – kemm lejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lejn il-gvernijiet nazzjonali – tar-rwol u l-governanza tal-FEŻR u l-FSE. Il-Parlament ċaħad il-proposta li jiġu stabbiliti limiti nazzjonali – minflok reġjonali – biex il-fondi tal-FEŻR jiġu kkonċentrati fuq objettivi strateġiċi u saħħaħ id-dimensjoni lokali tal-fond billi ġie propost li jsir investiment ta’ mill-inqas 10 % tal-allokazzjonijiet nazzjonali fuq żoni urbani u mill-inqas 5 % fuq l-iżvilupp territorjali integrat f’żoni żvantaġġati li mhumiex urbani. Fir-rigward tal-FSE, il-PE afferma mill-ġdid ir-rwol prinċipali tiegħu fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-kontribut tiegħu biex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali wara li l-Kummissjoni rrevediet ir-rwol tal-fond b’rabta qawwija mal-koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi tal-Istati Membri taħt is-Semestru Ewropew.
L-imsieħba u l-firmatarji tal-#CohesionAlliance jappellaw li l-politika ta’ koeżjoni tkun għodda ta’ investiment fit-tul għar-reġjuni kollha , pożizzjoni kondiviża kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-PE, li l-proposti tagħhom jipprevedu wkoll ċerta flessibbiltà fl-ipprogrammar mill-ġdid tar-riżorsi f’każ ta’ kriżijiet mhux previsti u ta’ diżastri naturali.
Intlaħqet ukoll konverġenza wiesgħa mal-PE dwar it-talba għal koordinazzjoni aħjar ma’ politiki oħra tal-UE, dwar is-semplifikazzjoni u dwar l-oppożizzjoni għall-kondizzjonalitajiet li ma jistgħux jiġu influwenzati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew minn benefiċjarji oħra. F’dan is-sens, il-pożizzjoni tal-PE kontra l-iffriżar tal-Fondi SIE bħala sanzjoni għall-ksur tad-dixxiplina fiskali tal-UE tirrappreżenta żvilupp importanti u bidla radikali meta mqabbla mas-snin preċedenti.
Filwaqt li l-Kunsill ser jibqa’ jaħdem fuq il-politika ta’ koeżjoni matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, in-negozjati mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni x’aktarx li jerġgħu jibdew biss wara l-elezzjonijiet Ewropej. L-Alleanza tal-Koeżjoni ser tkompli tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Ewropa jistgħu jkomplu jiddependu fuq politika ta’ koeżjoni b’saħħitha, li tnaqqas id-differenzi u twassal aktar opportunitajiet lill-komunitajiet lokali kollha.
Ikkuntattja lis-segretarjat:
CohesionAlliance@cor.europa.eu