Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma’ pajjiżi terzi jkopru aktar minn 70 suq fid-dinja u joffru opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE, inklużi l-SMEs. Kważi 36 miljun impjieg jiddependu fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, li minnhom mill-inqas 6 miljun inħolqu direttament minn SMEs li jesportaw. L-Ewropa, aktar minn ħafna reġjuni oħra tad-dinja, tiddependi fuq l-aċċess għas-swieq barranin għall-prosperità tagħha, u din it-tendenza se tkompli tiżdied. 90 % tat-tkabbir dinji se jiġi ġġenerat barra mill-UE sal-2020.
Minkejja t-titjib notevoli li sar dan l-aħħar biex il-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali jitwasslu lin-negozji Ewropej tagħna, bħal pereżempju l-pubblikazzjoni annwali tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE u t-twaqqif tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq, jeħtieġ li l-interazzjoni bejn l-atturi rilevanti tkompli tissaħħaħ. Wisq negozji Ewropej għadhom mhumiex konxji tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, u m’għandhomx biżżejjed istruzzjonijiet biex jużawhom fil-prattika.
Il-kmamar tal-kummerċ u l-awtoritajiet reġjonali huma elementi essenzjali għat-titjib tal-implimentazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha peress li huma l-eqreb għan-negozji lokali u huma kapaċi jipprovdu informazzjoni rilevanti għall-karatteristiċi reġjonali. Biex issir taf x’inhuma l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti f’kull reġjun, il-KtR u EUROCHAMBRES jistiednuk biex tipparteċipa f’dan l-istħarriġ.
L-istħarriġ se jiffoka fuq l-FTAs aktar sinifikanti (dawk fis-seħħ u dawk konklużi, iżda li għadhom mhumiex fis-seħħ) u se jibqa’ għaddej sa nofs Ottubru. Ir-riżultati se jiġu ppreżentati f’workshop bejn il-KtR u l-EUROCHAMBRES f’Novembru 2019.
Ir-riżultati tal-istħarriġ se jikkontribwixxu wkoll għal opinjoni tal-KtR, li se tħares lejn l-isfidi usa’ li qed tiffaċċja l-politika kummerċjali tal-UE u lejn kif l-awtoritajiet pubbliċi u l-SMEs jistgħu jużaw, u jibbenefikaw minn, ftehimiet kummerċjali.
Ibda l-istħarriġ!
- L-istħarriġ huwa disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE; biex tagħżel il-lingwa preferuta tiegħek, ikklikkja d-drop down fin-naħa tal-lemin tal-iskrin
- L-istħarriġ ser ikun miftuħ sa nofsillejl tal-28 ta’ Ottubru 2019
- Kull risposta ser tinżamm kunfidenzjali
- Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil econ-survey-cor@cor.europa.eu