Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-ftehim dwar il-baġit tal-UE u l-Fond ta’ Rkupru huwa meħtieġ sa Ġunju, inkella d-dewmien ser jipperikola s-sigurtà taċ-ċittadini u l-koeżjoni fl-Ewropa  

Wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ April, l- Alleanza tal-Koeżjoni – alleanza fil-livell tal-UE li tappella għal politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha wara l-2020 – tappella biex il-politika ta’ koeżjoni tibqa’ prijorità fil-kuntest tat-taħditiet dwar l-istrateġija ta’ rkupru marbuta mal-Covid-19 li tirrikonoxxi l-ħtiġijiet u l-esperjenza tar-reġjuni u l-bliet.

Il-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 u t-tnedija mill-ġdid tal-ekonomija tal-Ewropa huma tellieqa kontra l-ħin. Kwalunkwe dewmien ulterjuri fl-iżgurar ta’ pjan ta’ rkupru tal-UE adegwat, ibbażat fuq baġit tal-UE kuraġġuż, ser idgħajjef il-kapaċità tagħna li nipproteġu d-drittijiet tas-saħħa u dawk soċjali taċ-ċittadini, nippreservaw il-kapaċità produttiva tal-Ewropa, ngħinu lin-negozji jissopravvivu l-emerġenza u li ninvestu f’futur sostenibbli.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu pass kruċjali ’l quddiem għall-Ewropa billi:

- jiżguraw il-kontinwità tal-miżuri ta’ emerġenza appoġġjati mill-politika ta’ koeżjoni fil-pajjiżi u t-territorji l-aktar milquta, b’finanzjament adegwat u regoli speċjali;

- isaħħu l-investiment ippjanat għall-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 biex jitħaffef l-irkupru u tinkiseb Ewropa reżiljenti, aktar ġusta u sostenibbli fit-tul;

- jiżguraw li l-inizjattivi finanzjarji straordinarji jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali, territorjali u ekonomika billi jiġu indirizzati t-telf u d-dħul mit-taxxa lokali u billi jiġu appoġġjati l-awtoritajiet lokali u reġjonali – u kumpaniji pubbliċi relatati – fit-tmexxija ta’ servizzi lokali għaċ-ċittadini fix-xenarju tal-pandemija u dak ta’ wara l-pandemija;

- itemmu b’suċċess in-negozjati dwar il-politika ta’ koeżjoni futura sabiex jitnieda f’waqtu l-perjodu ta’ finanzjament fl-2021 u jiġi żgurat li l-politika ta’ koeżjoni tkun tista’ tissokta fis-snin ta’ wara;

- ilaqqgħu l-livelli kollha ta’ gvern biex isir investiment f’servizzi tas-saħħa mtejba fl-Unjoni, kemm billi jiżdied il-finanzjament għas-saħħa taħt il-politika ta’ koeżjoni kif ukoll billi jiġi stabbilit Mekkaniżmu speċjalizzat tas-Saħħa;

- jirrikonoxxu l-eżempji tajbin ta’ kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali matul il-kriżi attwali u l-involviment b’mod attiv tar-REKT, l-Ewroreġjuni u r-reġjuni tal-fruntiera kollha tal-UE fil-ġlieda kontra l-virus, kif ukoll fl-irkupru ekonomiku futur.

Aħna nitolbu li kemm il-baġit “ċentrali” tal-UE kif ukoll l-inizjattivi straordinarji ta’ investiment finanzjarju jiddependu mill-esperjenza u l-għarfien żviluppati mill-atturi lokali li jittrattaw il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha. L-investiment tal-UE għandu jibbenefika mill-flessibbiltà u s-semplifikazzjoni iżda kwalunkwe ċentralizzazzjoni żejda se ddgħajjef b’mod serju l-effettività tiegħu. Il-politika ta’ koeżjoni hija l-aħjar għodda tal-UE biex issaħħaħ strutturalment l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni u l-bliet (inklużi s-saħħa u l-azzjoni klimatika). Din għandha tissaħħaħ u tiġi mobilizzata bis-sħiħ biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha fit-tul biex jiġi żgurat li jkunu mħejjija biżżejjed għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi attwali, kif ukoll għal kwalunkwe kriżi futura, u b’hekk tikkomplementa l-istrumenti ta’ reazzjoni għal emerġenzi eżistenti u futuri.

Fir-rigward tat-tisħiħ potenzjali tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, l-involviment reali tar-reġjuni u l-bliet fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u fit-tfassil tal-interventi, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-pjani tal-politika ta’ koeżjoni, se jkun deċiżiv biex jiġi żgurat li l-ebda post ma jitħalla jibqa’ lura, u li l-impatt territorjali asimmetriku tar-riformi jiġi ġestit b’mod effettiv. Barra minn hekk, ir-reġjuni u l-bliet għandhom jipparteċipaw fid-dibattitu dwar kif għandha tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet Ewropej fl-indirizzar tal-kriżi pandemika u l-effetti ekonomiċi u soċjali tagħha minn perspettiva territorjali.

Issa huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet tal-UE jimxu fi spirtu ta’ solidarjetà u responsabbiltà. L-eżitu finali tan-negozjati ma jistax ikun sett ta’ fondi eċċessivament ċentralizzati u strumenti finanzjarji inċerti, li jiddependu biss mir-reattività tas-swieq privati. Irridu nipprovdu lill-Ewropa b’taħlita effettiva ta’ għodod, fejn l-għotjiet u s-self ikunu bbilanċjati adegwatament, u l-prinċipju tas-sħubija jiġi implimentat bis-sħiħ biex jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE.

Huwa biss jekk insibu l-kuraġġ u l-fiduċja reċiproka li naġixxu flimkien li nkunu nistgħu noħorġu lill-Ewropa barra minn din l-emerġenza.

Ikkuntattja lis-segretarjat:

CohesionAlliance@cor.europa.eu

Ikkondividi :