Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
#CohesionAlliance: Koalizzjoni fl-Ewropa kollha tirrikjedi politika reġjonali tal-UE b’saħħitha u aktar effettiva wara l-2020  

 

Il-politika ta’ koeżjoni – l-għodda ewlenija ta’ investiment u solidarjetà tal-UE – naqqset id-disparitajiet, xerrdet l-innovazzjoni u kkontribwixxiet għat-tkabbir sostenibbli. Din trid tkompli tkun pilastru fil-futur tal-UE u mhux tiġi mhedda mill-impatt finanzjarju ta’ Brexit jew il-ħtieġa li jiġu ffinanzjati kompiti ġodda. Dan il-messaġġ ingħata mill-mexxejja tal-UE, nazzjonali, lokali u tas-soċjetà ċivili li nġabru fi Brussell biex iniedu l-#CohesionAlliance waqt il-ftuħ tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet.

 

Ftit wara li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet evidenza ġdida li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE kienet effettiva sabiex jittaffa l-impatt tal-kriżi ekonomika, mijiet ta’ politiċi lokali u reġjonali ltaqgħu ma’ mexxejja nazzjonali u tal-UE biex jiddiskutu l-futur tal-għodda ewlenija ta’ investiment tal-Ewropa li attwalment jammonta għal aktar minn EUR 630 biljun bejn l-2014 u l-2020.

 

Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-baġit tal-UE wara l-2020 hija mistennija li tiġi ppubblikata f’Mejju 2018, il-#CohesionAlliance qed tħares ’il quddiem lejn l-istrateġija futura ta’ investiment għall-Ewropa. L-għanijiet tal-koalizzjoni kienu stabbiliti mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Karl-Heinz Lambertz u mir-rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ewlenin tal-bliet u r-reġjuni tal-UE, inklużi l-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera Ewropej (AEBR), l-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), il-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferiċi tal-Ewropa (CPMR), u l-Eurocities, fil-preżenza tal-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonal, Corina Creţu .

 

Il-President Lambertz, qal, " L-Ewropa għandha tagħti riżultati konkreti dwar il-kwistjonijiet li huma l-aktar għal qalb iċ-ċittadini u għalhekk il-baġit futur tal-UE għandu jkun baġit tan-nies kapaċi jilqa’ għall-isfidi tas-seklu 21. Il-#CohesionAlliance tirrifletti konvinzjoni sempliċi li billi jsir investiment fil-komunitajiet tagħna, jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali u tiġi appoġġjata l-integrazzjoni soċjali, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija l-aqwa sinjal ta’ solidarjetà. L-ambizzjoni Ewropea issa trid tkun akkumpanjata minn baġit tal-UE ambizzjuż u flessibbli b’politika ta’ koeżjoni b’saħħitha għal kull reġjun u belt” .

 

“Il-politika ta’ koeżjoni hija l-ewwel u qabel kollox dwar in-nies, dwar it-titjib tal-ħajja tan-nies. Għaldaqstant jiena kuntent nara li l-alleanza ta’ koeżjoni tnediet bil-għan li tqarreb il-bliet u r-reġjuni, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-SMEs, sptarijiet, skejjel u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali tal-Ewropa. Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa u l-500 miljun abitant tagħha jeħtieġu politika ta’ koeżjoni b’saħħitha, qalet il-Kummissarju Creţu.

 

Għadd dejjem jikber ta’ sindki, presidenti ta’ reġjuni u mexxejja lokali minn madwar l-Ewropa kollha, flimkien mal-MEPs u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-assoċjazzjonijiet tan-negozju qegħdin jiffirmaw id-dikjarazzjoni tal-# CohesionAlliance. Matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet ser jiġu organizzati dibattiti politiċi ta’ livell għoli u aktar minn 120 workshop u avvenimenti sekondarji sabiex jiġi diskuss dwar kif il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tittejjeb u ssir aktar viżibbli.

 

Fit-tmien xhur qabel ir-rilaxx tal-abbozz tal-baġit tal-UE wara l-2020, is-sostenituri tal-alleanza ser jissensibilizzaw dwar kif il-politika ta’ koeżjoni tal-UE jtejjeb ittejjeb ħajjet iċ-ċittadini madwar l-Ewropa.

 

Aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti ta’ pożizzjoni relatati mal-# CohesionAlliance huma disponibbli fuq https://cohesionalliance.eu.

 

Kuntatt:
Pierluigi Boda

Tel: +32 2 282 2461

Mowbajl: +32 473 85 17 43

pierluigi.boda@cor.europa.eu

 

 

 

Noti lill-edituri

Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet

Il-15-il edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet ser tiġbor madwar 5700 amministratur lokali, maniġers tal-fondi tal-UE, esperti u prattikanti tal-politika reġjonali fi Brussell mid-9 sat-12 ta’ Ottubru. Dibattiti politiċi ta’ livell għoli u aktar mnn 130 workshop ser jipprovdu opportunità sabiex jiġu skambjati l-fehmiet u l-esperjenzi dwar tliet temi prinċipali: Il-bini ta’ reġjuni u bliet reżiljenti – #LocalResilience; Ir-reġjuni u l-bliet bħala aġenti tal-bidla – #TakeAction; Nikkondividu l-għarfien biex ikollna r-riżultati – #SharingKnowledge. Il-ġurnalisti huma offruti programm speċifiku għall-mezzi tax-xandir.

 

 

Il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni

O pinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020

Studji tal-KtR dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni

Evalwazzjonijiet tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013

Portal tad-data miftuħa tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE

 

Ikkondividi :