Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ jingħaqdu flimkien biex jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ  

Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija li għadha kif tnediet, żviluppata flimkien maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, tippreżenta 49 rakkomandazzjoni għal-livell Ewropew, nazzjonali u sottonazzjonali.

It-tisħiħ tal-edukazzjoni ċivika, it-tnaqqis tal-età tal-votazzjoni u l-appoġġ għaż-żgħażagħ biex joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni permanenti maż-żgħażagħ, li l-leġiżlazzjoni ġdida tkun soġġetta għal test taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ; dawn huma wħud mir-rakkomandazzjonijiet fil-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija. Bl-appoġġ tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Karta nħolqot b’mod konġunt fi proċess minn isfel għal fuq ma’ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti lokali u reġjonali eletti żgħażagħ mill-UE kollha, u ġiet iffirmata fis-sessjoni plenarja tal-KtR fl-1 ta’ Diċembru matul dibattitu dwar iż-żgħażagħ u l-futur tal-Ewropa.

Il-Karta tressaq 49 rakkomandazzjoni li għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jsaħħu l-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. L-għan tal-Karta huwa li tibni u tikkonsolida spazju demokratiku favur iż-żgħażagħ biex tiżgura li l-ilħna taż-żgħażagħ ikunu rappreżentati b’mod formali, kontinwu u permanenti fl-Unjoni Ewropea. Il-Karta ġiet iffirmata matul id-dibattitu li temm is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, li inkluda skambju ma’ Margaritis Schinas, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, rappreżentanti tas-sezzjonijiet taż-żgħażagħ tal-partiti politiċi Ewropej u membri tal-programm tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ tal-KtR. Id-dibattitu inkluda wkoll stejjer ta’ suċċess mill-Kapitali Ewropej taż-Żgħażagħ 2023 u 2024, Lublin (il-Polonja) u Ghent (il-Belġju), u matulu ġie ċċelebrat it-titlu tal-2025 li għadu kif ingħata lil Lviv (l-Ukrajna).

Vasco Alves Cordeiro, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores, qal: “Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija, approvata formalment mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni llum, hija r-riżultat ta’ proċess ta’ ħolqien konġunt li jiġbor flimkien iż-żgħażagħ, l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-politiċi lokali żgħażagħ kif ukoll ir-rappreżentanti lokali u reġjonali. Din il-Karta hija gwida għalina, iżda wkoll għall-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, biex inkomplu naħdmu maż-żgħażagħ għal aktar parteċipazzjoni, aktar responsabilizzazzjoni u, fuq kollox, niżguraw id-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom, biex intejbu s-soċjetajiet u t-territorji tagħna għall-futur.”

Silja Markkula, President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, qalet: “Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija tapprofondixxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ż-żgħażagħ li jirrappreżentaw. Neħtieġu aktar spazji demokratiċi u mfasslin aħjar, fejn iż-żgħażagħ iħossuhom sikuri biex jinvolvu ruħhom fil-bini tal-komunità u fid-demokrazija, kemm online kif ukoll offline. Jiena kburi bil-karta li qed niffirmaw illum, li għaliha kkontribwew diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Dan huwa pjan ta’ azzjoni mhux biss għal involviment sinifikanti taż-żgħażagħ fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Huwa wkoll eżempju ta’ kif iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jaħdmu flimkien biex jagħtu aktar importanza lir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u l-kontributi tagħhom.”

Margaritis Schinas, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qalet: “Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 wasslet għal kisbiet ewlenin. L-attivitajiet ta’ involviment u sensibilizzazzjoni, b’aktar minn 7700 attività mmappjati fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, ippermettew li jintlaħqu aktar minn 150 miljun Ewropew. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet li jmiss se tkun tista’ tibni fuq is-suċċessi tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, li fittxet li tirresponsabbilizza, tonora, tappoġġja u tinvolvi liż-żgħażagħ, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet.”

Bħala parti mid-dibattitu, il-membri tal-KtR adottaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-Futur tal-Politika dwar iż-Żgħażagħ fl-UE b’Opinjoni li tappella għal riflessjoni ġdida u olistika dwar il-politika taż-żgħażagħ, l-integrazzjoni tal-perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika kollha u parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-bini tal-futur tal-Ewropa.Ir-relatur, Tine Radinja (SI/Il-Ħodor), Sindku ta’ Škofja Loka, qal: “L-Opinjoni dwar il-Futur tal-Politika dwar iż-Żgħażagħ fl-UE hija l-kontribut tal-KtR għall-wirt politiku tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Permezz tal-Opinjoni nirrakkomandaw approċċ trasversali u komprensiv għall-qasam taż-żgħażagħ u nindirizzaw il-bosta oqsma ta’ politika importanti għaż-żgħażagħ, mill-edukazzjoni u l-impjieg sal-akkomodazzjoni u s-sigurtà soċjali, kif ukoll it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Nappellaw għall-inklużjoni tal-perspettivi taż-żgħażagħ fl-oqsma kollha ta’ politika, bħala legat b’saħħtu għas-Sena.

Il-proċess ta’ kokreazzjoni tal-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija tnieda f’Marzu 2022 fid-disa’ Summit tar-Reġjuni u l-Bliet f’Marsilja mill-President preċedenti tal-KtR, l-Ewwel Viċi President attwali Apostolos Tzitzikostas, li qal: “Sabiex nirresponsabilizzaw liż-żgħażagħ biex isolvu kriżijiet attwali jew futuri, dawn għandhom ikunu involuti mill-aktar fis possibbli fil-governanza ta’ dinja globalizzata. L-involviment taż-żgħażagħ għandu jkun garantit permezz ta’ atti konkreti: id-dritt għall-vot fl-età ta’ 16-il sena fl-elezzjonijiet Ewropej u li jressqu inizjattivi taċ-ċittadini, kif ukoll billi jippromovu referenda.”

L-abbozzar tal-Karta involva wkoll mill-qrib lill-Kummissjoni SEDEC tal-KtR, ippreseduta minn Tanya Hristova (BG/PPE), u l-Kummissjoni CIVEX, ippreseduta minn Enzo Bianco (IT/PSE).

Aktar informazzjoni:

Il-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija tressaq rakkomandazzjonijiet lil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, li jiffukaw fuq: l-edukazzjoni, il-kooperazzjoni u l-informazzjoni; ir-responsabilizzazzjoni taż-żgħażagħ, it-tmexxija u l-parteċipazzjoni demokratika; ir-rwol ta’ teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni; u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki u r-rappreżentanza politika. Il-proposti nġabru permezz ta’ proċess parteċipattiv minn isfel għal fuq li inkluda konsultazzjonijiet bi preżenza fiżika u online, attivitajiet dedikati tal-midja soċjali u avvenimenti lokali.

Ir-reġistrazzjoni tad-dibattitu se tkun disponibbli fuq EBS u fuq is-sit web tal-KtR. Ritratti b’riżoluzzjoni għolja mis-sessjoni plenarja tal-KtR huma disponibbli wkoll.

Persuni ta’ kuntatt:

Monica Tiberi

Kelliema għall-President Cordeiro

Tel. +32 479 51 74 43

monica.tiberi@cor.europa.eu

Lauri Ouvinen

Uffiċjal tal-istampa tal-KtR

Tel. +32 473 53 68 87

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Rafael Shilhav

Forum Ewropew taż-Żgħażagħ – Direttur tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet Esterni

Tel. +32 490 11 36 76

rafael.shilhav@youthforum.org

Ikkondividi :