Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali elett President tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE  
Apostolos Tzitzikostas: "Il-prijorità tiegħi hi li nqarrbu l-Ewropa lejn in-nies"

Illum, Apostolos Tzitzikostas (PPE) mill-Greċja, ġie elett President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja ser imexxi l-assemblea tal-politiċi eletti fil-livell lokali u reġjonali tal-UE għas-sentejn u nofs li ġejjin. Matul l-ewwel seduta tal-Kumitat fil-mandat il-ġdid ta’ ħames snin, il-membri tiegħu ħatru wkoll lil Vasco Ilídio Alves Cordeiro - President tal-Gvern Reġjonali tal-Azores, il-Portugall – bħala l-Ewwel Viċi President tagħhom.

Waqt li kien qed jitkellem quddiem it-329 membru tal-Kumitat mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, il-President ippreżenta it-tliet prijoritajiet ewlenin matul il-mandat tiegħu:

“L-ewwel nett, l-Unjoni Ewropea trid tkun għas-servizz tal-popli tagħha u tal-postijiet fejn jgħixu fl-irħula, il-bliet u r-reġjuni tagħhom. Irridu nappoġġjaw il-koeżjoni territorjali, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, iżda nsibu wkoll soluzzjonijiet kredibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni waqt li naġixxu b'solidarjetà. It-tieni, ir-reġjuni u l-bliet iridu jiffukaw fuq il-fehim u r-rispons għat-trasformazzjonijiet profondi tar-rivoluzzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi attwali. Fl-aħħar nett, irridu nsaħħu d-demokrazija Ewropea, filwaqt li npoġġu r-reġjuni u l-bliet fil-qalba tagħha, sabiex inqarrbu l-Ewropa lejn in-nies.”

B’ referenza għall-Brexit bħala “s-sejħa ta’ twissija”, huwa talab ukoll li l-UE tkun aktar effettiva biex tindirizza l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, "Bħala politiċi eletti fil-livell lokali u reġjonali, irridu nagħmlu mezz kif l-Unjoni Ewropea tkun tista' tmiss il-qlub ta’ dawk li jħossuhom imwarrbin jew minsijin. L-Ewropa trid tieħu deċiżjonijiet kemm jista’ jkun viċin iċ-ċittadini biex itejbu ħajjithom. Irridu nagħmlu mezz kif l-Ewropa taġixxi biex taqdi t-talbiet taċ-ċittadini u nerġgħu niksbu l-fiduċja. L-Ewropa għandha turi li taf tisma’ u tibdel”.

Fid-diskors tal-aċċettazzjoni tiegħu, l-Ewwel Viċi President li għadu kif ġie elett, Vasco Ilídio Alves Cordeiro, qal li, " L-elezzjoni tiegħi tikkonferma li f’din l-istituzzjoni r-reġjuni u l-bliet kollha huma importanti u għandhom ikunu jistgħu jaqdu rwol attiv fil-proġett Ewropew minkejja l-bogħod, id-daqs jew il-ġid. Jeħtieġ li l-UE tkun il-mutur biex jinkiseb futur mimli wegħdiet u se jkollna nxammru l-kmiem sabiex ir-reġjuni u l-bliet kollha jkollhom ir-rwol tagħhom. Ir-rwol tagħhom huwa kruċjali biex jgħin lill-UE tilħaq l-għan tagħha li ma tħalli lil ħadd lura. L-isfidi li għandna jeħtieġu kuraġġ biex naffaċċjawhom. Bħala l-ewwel viċi president il-ġdid, se naħdem biex niżgura li leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinstema’.”

Aktar informazzjoni:

Apostolos Tzitzikostas (PPe/EL) - Bijografija u diskors tal-elezzjoni tal-Presidenza

V asco Ilídio Alves Cordeiro (PSE/PT) - Bijografija u diskors tal-Presidenza

Ritratti b'riżoluzzjoni għolja

Kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)2 282 2366

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Ikkondividi :