Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-pandemija tal-COVID-19 tirrappreżenta l-opportunità biex titħaffef l-aġenda ambjentali  

​Dimtrios Karnavos​

F’din l-intervista, Dimitrios Karnavos (EL/PPE) iwieġeb ħames mistoqsijiet dwar it- Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) . Is-Sindku ta’ Kallithea huwa r-relatur tal- abbozz ta’ Opinjoni li jappella għal riżorsi adegwati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw politiki ambjentali fil-prattika. L-abbozz ta’ Opinjoni se jitressaq għall-votazzjoni fis-sessjoni plenarja li jmiss li se ssir mit-3 sal-5 ta’ Frar, wara dibattitu esploratorju ġenerali fil-laqgħa tal-Kummissjoni ENVE li se ssir fl-1 ta’ Frar. Għalkemm il-politiki ambjentali tal-UE wasslu għal benefiċċji sostanzjali f’dawn l-aħħar deċennji, l-Ewropa għadha qed tiffaċċja sfidi bla preċedent fl-oqsma tal-ambjent, tal-klima u tas-sostenibbiltà. Dawn jinkludu t-telf tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis. It-8 EAP huwa kruċjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi fl-era ta’ wara l-COVID-19

Minn perspettiva lokali u reġjonali, liema huma l-prijoritajiet li t-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu jiffoka fuqhom?

It-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jipprovdi viżjoni strateġika u gwida fit-tul għall-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli sal-2050, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-kisba tan-newtralità klimatika sa nofs is-seklu. It-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, flimkien mas-sitt objettivi ta’ prijorità deskritti fil-proposta, jirriflettu l-objettivi u l-aspettativi tal-mexxejja lokali u reġjonali. Il-pandemija tal-COVID-19 għallmitna li approċċ ta’ għajxien b’saħħtu jeħtieġ li jkun fil-bażi tal-politiki kollha tal-UE li jippromovu s-saħħa tal-bniedem, pjaneta b’saħħitha, ekonomija b’saħħitha u soċjetà b’saħħitha b’opportunitajiet għal kulħadd. F'dan il-kuntest, rabta aħjar bejn is-saħħa u l-ambjent hija kemm fundamentali kif ukoll meħtieġa. Jeħtieġ li niżguraw li t-8 EAP jikkontribwixxi għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, jipprovdi standards tal-għajxien aħjar għan-nies u joħloq komunitajiet li huma aktar reżiljenti. Jeħtiġilna niżguraw ukoll li t-8 EAP jippromovi ambjent tan-negozju sostenibbli u jistimula investimenti ekoloġiċi fil-livelli kollha (livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali). Dan kollu huwa meħtieġ jekk irridu li jkollna UE aktar b’saħħitha u sostenibbli fl-era ta’ wara l-COVID-19.

Kif jista’ l-EAP il-ġdid jiżgura integrazzjoni aħjar tal-prerogattivi ambjentali u klimatiċi ma’ politiki settorjali oħra tal-UE? It-8 EAP kif inhu marbut mal-Patt Ekoloġiku Ewropew?

L-integrazzjoni b’mod aktar effettiv tal-politiki fil-qasam tal-ambjent u tal-klima ma’ politiki settorjali oħra tal-UE mhux dejjem hija faċli, peress li setturi differenti għandhom prijoritajiet differenti. Xi drabi, anke l-politiki dwar l-ambjent u l-klima jidhru li qed jaħdmu bħala forzi opposti. Pereżempju, il-politiki dwar il-protezzjoni tal-klima u dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet tal-karbonju jippromovu l-installazzjoni u t-tħaddim ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Min-naħa l-oħra, il-politika importanti ferm dwar it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u ż-żamma tal-koeżjoni tan-Network Natura 2000 tidher li tmur kontra, parzjalment, tal-politika dwar il-protezzjoni tal-klima, pereżempju meta proġetti tal-enerġija rinnovabbli jiġu implimentati u operati f’żoni protetti. Għaldaqstant, jeħtiġilna nkunu konsistenti u nimxu fl-istess direzzjoni peress li lkoll qed niffaċċjaw l-istess sfidi. Huwa importanti li jsir użu sħiħ tal-għodod u l-metodi disponibbli sabiex jiġi stabbilit qafas għall-monitoraġġ kontinwu u t-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali, inklużi investimenti għall-protezzjoni tal-klima u l-ambjent. Għandna naqblu wkoll dwar pjan direzzjonali ċar li se jwassalna għan-newtralità klimatika sal-2050. Fir-rigward tal-bliet u r-reġjuni, ma għandniex ninsew li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol speċjali x’jaqdu biex ilaqqgħu flimkien in-negozji, l-istituti tar-riċerka u l-akkademja kif ukoll biex jinvolvu l-individwi u l-partijiet interessati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali.

Kif nistgħu niżguraw li l-politiki ambjentali jiġu implimentati bis-sħiħ fil-komunitajiet kollha tal-UE?

Ċertament nilqa’ l-fatt li t-8 EAP jidentifika l-implimentazzjoni aktar effettiva u effiċjenti bħala prijorità ewlenija. Sabiex titjieb ir-rata tal-implimentazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu mgħammra bl-istrumenti t-tajba u b’riżorsi adegwati. Aħna responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ 70 % tal-leġiżlazzjoni tal-UE, 90 % tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u 70 % tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li jkollna approċċi innovattivi li jsaħħu l-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu soluzzjonijiet imfassla apposta sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali fuq il-post, kemm f’żoni urbani, rurali jew muntanjużi, fi gżejjer jew f’żoni kostali. Hemm bżonn ta’ aktar riċerka, data u għarfien biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali speċifiċi li qed niffaċċjaw, sabiex naħtfu l-opportunitajiet f’tipi differenti ta’ komunitajiet lokali u reġjonali peress li kull żona ġeografika għandha l-isfidi, id-dgħufijiet u l-punti b’saħħithom tagħha. Għalhekk, fl-Opinjoni dwar it-8 EAP, nappella għal approċċ olistiku, ibbażat fuq il-post jew orjentat lejn iż-żona bħala l-aħjar mod biex jintlaħqu standards ta’ għajxien tajbin għas-saħħa. Mhux se jkollna suċċess jekk ma nimplimentawx qafas ta’ governanza f’diversi livelli li jiffunzjona u nħeġġu lil-livelli kollha ta’ governanza biex jippromovu kooperazzjoni interreġjonali, intermuniċipali, transkonfinali u bejn l-amministrazzjonijiet dwar il-politiki ambjentali. Jeħtieġ ukoll li nsaħħu l-bażi tal-għarfien ambjentali, nisfruttaw il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tad-data u nżidu l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-innovazzjoni soċjali biex intejbu l-implimentazzjoni tal-objettivi ambjentali. Pereżempju, f’Kallithea, it-tmien l-akbar muniċipalità fil-Greċja u r-raba’ l-akbar fiż-żona urbana ta’ Ateni, implimentajna proġett ibbażat fuq l-użu tat-teknoloġiji diġitali (it-teknoloġija iBeacons u r-Realtà Awmentata) biex inħeġġu lir-residenti u lill-viżitaturi jużaw forom sostenibbli ta’ trasport, bħall-mixi u ċ-ċikliżmu, sabiex innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, intejbu l-kwalità tal-arja u nenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi ppreservat il-wirt storiku u kulturali tal-belt.

Kif jista’ t-8 EAP jgħin biex jiġi żgurat li l-komunitajiet lokali u reġjonali fl-UE jkollhom riżorsi adegwati biex jimplimentaw il-politiki tal-UE dwar l-ambjent u l-klima fil-qafas ta’ rkupru ekoloġiku mill-COVID-19?

Kif semmejt, riżorsi adegwati huma kruċjali jekk irridu nimplimentaw b’suċċess il-politiki dwar l-ambjent u l-klima fil-prattika. Ir-riżorsi jinkludu finanzjament immirat u qafas legali ċar iżda wkoll riżorsi amministrattivi bħall-għarfien espert uman, il-bini tal-kapaċità, l-għarfien u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. It-8 EAP irid jiżviluppa qafas integrat biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu mgħammra bl-għodod adatti f’konformità mal-istrateġija ta’ rkupru ekoloġiku mill-COVID-19. Huwa jrid jinkludi inċentivi biex nimxu lejn politiki ambjentali aktar ambizzjużi, b’mod partikolari għal dawk li għadhom lura iżda wkoll għal dawk li qed jaħdmu tajjeb sabiex nimmotivawhom saħansitra aktar. Nammetti li jiddispjaċini dwar id-diskrepanza bejn il-ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027 u t-8 EAP. Definittivament dawn għandhom ikunu kkoordinati aħjar. Mil-lat pożittiv, ninsab kuntent li l-baġit tal-UE li jmiss iqiegħed it-tranżizzjonijiet klimatika u diġitali fil-qalba tiegħu u li alloka 30 % kemm tal-baġit fit-tul tal-UE kif ukoll tal-pjan NextGenerationEU għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li jagħti wkoll attenzjoni speċjali lill-ambjent u l-bijodiversità. Nittama li t-8 EAP joħloq il-qafas it-tajjeb għall-investimenti ekoloġiċi u blu u għall-innovazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza. Dawn huma vitali jekk irridu nibnu komunitajiet reżiljenti filwaqt li noħolqu t-tkabbir u l-impjiegi f’soċjetà ġusta u inklużiva bbażata fuq is-solidarjetà. Nittama wkoll li t-8 EAP jipprovdi strumenti għall-bini tal-kapaċità, bażi tad-data tal-għarfien u l-aħjar prattiki u inċentivi għall-kooperazzjoni bejn il-bliet bħal evalwazzjonijiet bejn il-pari u attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku, żjarat fuq il-post u ġemellaġġ ekoloġiku, biex l-irkupru ekoloġiku jitmexxa ’l quddiem.

Fir-rigward tal-impatt tal-COVID-19 fuq l-aġenda ambjentali, huwa ostaklu jew opportunità biex titħaffef l-azzjoni?

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-pandemija tal-COVID-19 għandha titqies bħala opportunità biex titħaffef l-aġenda ambjentali. Rajna titjib fil-kwalità tal-arja, ir-restawr tal-bijodiversità u titjib ġenerali fl-ekosistemi matul l-aħħar xhur. Għandna nibnu fuq dan. Nilqa’ l-fatt li l-UE qed tippjana rkupru mill-COVID-19 li jmur id f’id mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-komunitajiet lokali tagħna jeħtieġ li jirkupraw ekonomikament iżda b’mod sostenibbli u reżiljenti. Dak li naħseb li huwa importanti hawnhekk huwa l-ħtieġa li ntejbu l-komunikazzjoni tagħna mal-individwi sabiex ninkluduhom peress li l-implimentazzjoni tista’ tinkiseb biss bl-involviment sħiħ u ta’ kuljum ta’ kulħadd. Jeħtieġ li nissensibilizzaw dwar il-benefiċċji tal-politiki dwar il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità u nuru kif dawn itejbu s-saħħa u l-benesseri tagħna filwaqt li jagħmlu l-ekonomiji lokali tagħna aktar sostenibbli u kompetittivi.

Informazzjoni ġenerali:

Sa min-nofs is-snin 70, il-politika ambjentali tal-UE kienet iggwidata minn Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) konsekuttivi, li jiddefinixxu objettivi prijoritarji li għandhom jintlaħqu fuq perjodu speċifiku ta’ żmien. Is-7 EAP intemm fl-2020, għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea approvat proposta għat-8 EAP għall-perjodu sal-2030, bil-għan li tikkomplementa l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-KtR adotta Opinjonijiet leġiżlattivi dwar il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali preċedenti. Fl-2019, il-KtR adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja bit-titolu Lejn it-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali mfassla mir-relatur Cor Lamers (NL/PPE) , Sindku ta’ Schiedam. L-Opinjoni kienet akkumpanjata minn studju ddedikat.

Filwaqt li jibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-8 EAP għandu sitt objettivi prijoritarji . Sabiex jiġi vvalutat u kkomunikat jekk l-UE hijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq dawn l-objettivi, il-proposta għat-8 EAP tissuġġerixxi t-twaqqif ta’ qafas ta’ monitoraġġ ġdid.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-iżvilupp effettivi tal-politiki ambjentali permezz tal- Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent .

Kuntatt għall-istampa: pressecdr@cor.europa.eu

Ikkondividi: