Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea jingħaqdu flimkien biex jagħtu spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell lokali u reġjonali  

Il-Pjan ta’ Azzjoni ffirmat mas-servizzi tal-Kummissarju Gabriel (DĠ EAC, DĠ RTD u JRC) se jindirizza wkoll l-eżodu tal-imħuħ u l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni

Sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien tal-Ewropa fil-livell lokali u reġjonali u biex jiġi appoġġjat l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ser iżid il-kooperazzjoni tiegħu mas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura. Pjan ta’ Azzjoni ġdid iffirmat bejn iż-żewġ istituzzjonijiet għandu l-għan li jipprovdi lir-reġjuni u l-bliet bl-aħħar data u l-aktar għarfien reċenti, u jgħinhom jindirizzaw id-distakk fl-innovazzjoni, l-eżodu tal-imħuħ, u l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni, u jimplimentaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku.

Fid-diskors tagħha matul il-laqgħa tal-Kummissjoni SEDEC tal-KtR li saret fil-25 ta’ Novembru, Mariya Gabriel , Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, qalet: “Ir-reġjuni u l-bliet għandhom rwol essenzjali fil-kisba tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħna. Il- Pjan ta’ Azzjoni Konġunt u l- Pjan ta’ Ħidma tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien , li għadu kif tnieda mill-ġdid, li l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni qed jadottaw illum, huma l-elementi kostitwenti tal-istrateġija Ewropea tal-għarfien tagħna u jiffukaw fuq soluzzjonijiet konkreti biex intejbu l-ħajja taċ-ċittadini”.

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “Inqarrbu l-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha, nibnu komunitajiet reġjonali u lokali sostenibbli, reżiljenti, innovattivi, u nistinkaw għall-valuri tagħna, permezz tal-edukazzjoni u l-kultura: dawn huma l-prijoritajiet ewlenin tagħna. Il-Pjan ta’ Azzjoni bejnietna u l-Kummissarju Gabriel se jappoġġja l-ħidma tagħna fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet”.

Anne Karjalainen (FI/PSE), President tal-Kummissjoni SEDEC tal-KtR, qalet: “Għall-koeżjoni, l-irkupru sostenibbli u t-tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju tal-Ewropa, huwa fundamentali li nankraw fis-sod permezz ta’ azzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-kultura. Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt jirrifletti bis-sħiħ ir-rieda politika li jitmexxew ’il quddiem azzjonijiet konġunti fuq il-post, li jrawmu sinerġiji b’saħħithom bejn il-politiki u l-istrumenti, sabiex l-ebda persuna u l-ebda post ma jitħalla jibqa’ lura”.

Il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet fuq quddiem nett l-isforzi tar-riċerka u s-soluzzjonijiet innovattivi fil-kura tas-saħħa, kif ukoll f’setturi oħra tas-soċjetà. Biex ikompli jissaħħaħ l-iżvilupp tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali, l-approfondiment tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien, inizjattiva ta’ suċċess tal-KtR u tal-Kummissjoni Ewropea, huwa parti ewlenija tal-Pjan ta’ Azzjoni. Il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien se tiġi aġġornata għal livell strateġiku u allinjata bis-sħiħ mal-prijoritajiet taż- Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), kif imħabbar mill-Kummissjoni fil- komunikazzjoni reċenti tagħha dwar iż-ŻER il-ġdida.

Il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien 2.0 għandha l-għan li tgħin lill-bliet u r-reġjuni jsiru muturi attivi tal-bidla u mexxejja tal-innovazzjoni, biex jivvalorizzaw l-għarfien ġdid maħluq permezz ta’ Orizzont Ewropa u jimmultiplikaw is-sensibilizzazzjoni taż-ŻER u jqarrbu l-kunċetti u l-messaġġi ewlenin tagħha lejn iċ-ċittadini. Il-KtR se jipparteċipa fl-immappjar tal-ekosistemi tal-għarfien madwar l-UE biex jiġu ffurmati ċ- Ċentri taż-ŻER – strutturi li jlaqqgħu flimkien partijiet interessati reġjonali.

“Iċ-Ċentri taż-ŻER jistgħu jkunu opportunità biex jingħata rikonoxximent istituzzjonali sħiħ lill-ekosistemi reġjonali u liċ-ċentri ta’ innovazzjoni, u jivvalorizzaw bis-sħiħ approċċ ibbażat fuq il-post għax-xjenza u l-innovazzjoni. Madankollu, iċ-Ċentri taż-ŻER ma għandhomx ikunu biss għodda biex jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni; huma jistgħu jsiru qafas eċċellenti għall-ħolqien ta’ proġetti kollettivi ta’ riċerka u innovazzjoni li jiġbru flimkien diversi ekosistemi reġjonali u ċentri ta’ innovazzjoni f’approċċ minn isfel għal fuq”, saħaq ir-relatur tal-KtR Christophe Clergeau (FR/PSE), Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Pays-de-la-Loire. L- abbozz ta’ opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kummissjoni SEDEC.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi wkoll rwol prominenti għall-KtR b’appoġġ għall- ħames missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa , pereżempju, billi jiġu stabbiliti sħubijiet u networks bejn ir-reġjuni u l-bliet. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li r-reġjuni u l-bliet jistgħu jaġixxu bħala katalizzaturi biex jippromovu sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u l-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Bl-istess mod, il-proġett pilota Science Meets Regions (Ix-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni) se jiġi estiż biex jappoġġja t-tfassil ta’ politika bbażata fuq ix-xjenza fil-livell reġjonali u lokali, kif ukoll il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost ir-reġjuni. Iċ- Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea se jgħin lir-reġjuni u l-bliet billi jipprovdilhom aktar data sottonazzjonali.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura, iż-żewġ istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jimmappjaw l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għat-tagħlim elettroniku. Il-pjan jipprevedi involviment qawwi tal-bliet u r-reġjuni fil-Koalizzjoni Edukazzjoni għall-Klima, li għandha l-għan li tippromovi l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali, u fit-tnedija tal- Pjan ta’ Azzjoni aġġornat għall-Edukazzjoni Diġitali . Huwa jipprevedi wkoll li jiġu promossi flimkien il-valuri, l-identitajiet u ċ-ċittadinanza Ewropej permezz tal-edukazzjoni u l-kultura fil-livelli reġjonali u lokali.

Aktar informazzjoni:

Is-SEDEC hija l-Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura tal-KtR. Il-laqgħa tal-25 ta’ Novembru saret kompletament mill-bogħod minħabba s-sitwazzjoni tas-saħħa fl-Ewropa. Minbarra l- Opinjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tar-relatur Christophe Clergeau, it-tliet abbozzi ta’ Opinjonijiet li ġejjin ġew ippreżentati wkoll għall-adozzjoni:

Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza

Ir-relatur Csaba Borboly (RO/PPE), President tal-Kunsill Reġjonali tal-Kontea ta’ Harghita, qal: “L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol sinifikanti fl-appoġġ għall-edukazzjoni, l-integrazzjoni tal-forza tax-xogħol u inizjattivi relatati mal-ħiliet fil-livell lokali. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” mhuwiex sostenibbli, minħabba d-distakki diġitali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni. Għalhekk, jeħtiġilna nikkooperaw mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-SMEs u l-partijiet interessati kollha, u neħtieġu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-atturi lokali jirċievu il-fondi meħtieġa mingħajr dewmien għal strateġiji u pjani ta’ azzjoni lokali adattati b’suċċess.”

L-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ: pont għall-impjiegi għall-ġenerazzjoni li jmiss – Tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ

Ir-relatur Romy Karier (LU/PPE), Membru tal-Kunsill Komunali ta’ Clervaux, qalet: “Il-proposta dwar it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija partikolarment sinifikanti fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, li qed tħalli effett sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaġixxu bħala pont bejn partijiet interessati differenti bħall-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandha twassal għal impjiegi stabbli u sostenibbli”.

It-tnedija mill-ġdid tas-setturi kulturali u kreattivi

Ir-relatur Giuseppe Varacalli (IT/Renew Europe), Membru tal-Komun ta’ Gerace, qal: “Is-setturi kulturali u kreattivi waħedhom jammontaw għal 4,2 % tal-PDG Ewropew, u bl-attivitajiet relatati dan il-perċentwal jiżdied għal aktar minn 5 %. Minkejja l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħhom huma bbażati fuq il-preżenza fiżika, u għalhekk ħafna minnhom ma setgħux ikomplu bl-attivitajiet tagħhom matul il-kriżi tal-COVID-19. L-Opinjoni tistieden lill-Ewropa taġixxi bħala ingranaġġ għall-Istati Membri biex jużaw il-fondi u l-miżuri kollha disponibbli biex jappoġġjaw il-kultura, filwaqt li jfittxu li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

L-erba’ Opinjonijiet se jiġu diskussi u adottati fis-sessjoni plenarja tal-KtR fi Frar 2021.

Biex titwitta t-triq għal irkupru ġust u inklużiv mill-kriżi tal-COVID-19, ir-reġjuni u l-bliet qed isaħħu wkoll il-kooperazzjoni tagħhom mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL). Wara dibattitu mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ EMPL Joost Korte , il-membri tal-kummissjoni SEDEC adottaw pjan li jidentifika oqsma speċifiċi ta’ kooperazzjoni msaħħa b’rabta mas-Summit Soċjali ta’ Porto (Mejju 2021), il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l- Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa . Il-KtR jista’ jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki, fir-rigward tal-finanzjament minn REACT-EU u l- Fond Soċjali Ewropew Plus ipprovdut b’appoġġ għall-miżuri favur l-impjieg taż-żgħażagħ, u jippromovi d-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ kunċetti għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

Il-laqgħa tal-Kummissjoni SEDEC saret fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa. Aqra d-dikjarazzjoni tal-President tal-kummissjoni SEDEC Anne Karjalainen u r-relatur tal-KtR Concha Andreu hawnhekk .

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 473536887

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :