Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
COP24: il-bliet u r-reġjuni jappellaw għal rwol formali fil-Ftehim ta’ Pariġi  
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jingħaqad ma’ netwerks dinjija tal-gvernijiet lokali f’Katowice biex jitolbu rwol formali għall-bliet u r-reġjuni fil-Ftehim ta’ Pariġi

Il-bliet isarrfu f’70 % tal-emissjonijiet dinjija b’effett ta’ serra, fejn il-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % ta’ azzjonijiet ta’ adattament għall-klima. Madankollu, il-Ftehim ta’ Pariġi ma jirnexxilux jintegra sistema li timmonitorja u tirrapporta l-impenji u l-kisbiet tal-bliet u r-reġjuni fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO 2 . Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet stabbiliti sottonazzjonali li jikkumplementaw il-wegħdiet nazzjonali fil-ġabra ta’ regoli tal-Ftehim ta’ Pariġi qed tinstema’ sew f’Katowice peress li qed tiġi kunsidrata dejjem iktar bħala ċentrali biex tingħalaq id-diskrepanza attwali tal-emissjonijiet . Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tkellem fil-kamra tal-plenarja waqt il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima COP24 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) biex jitlob għal rwol formali tal-bliet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, li għandu jillimita t-tisħin globali għal 1.5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Ikklikkja hawnhekk biex taċċessa l-album tar-ritratti tad-Delegazzjoni tal-KtR waqt il-COP24.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni pparteċipa fil-COP24 f’Katowice b’mandat ċar. Li jiddefendi rwol formali għall-gvernijiet lokali u reġjonali fil-governanza globali tal-klima u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Tliet snin wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima, Katowice hija l-iskadenza volontarja biex jiġi adottat programm ta’ ħidma b’saħħtu biex il-ftehim jidħol fis-seħħ.

Dan huwa sommarju tal-attivitajiet u dikjarazzjonijiet ewlenin tal-KtR waqt il-COP24.

13 ta' Diċembru 2018

L-ewwel Viċi President tal-KtR Markku Markkula (FI/PPE) ta diskors prinċipali tal-għeluq fil-paviljun tal-UE f’sessjoni speċjali dwar l-ixpruni biex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju fl-industrija Ewropea. Il-President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo qal: “Aħna nilqgħu l-intenzjonijiet pożittivi u x-xejriet ta’ l-industriji intensivi fl-enerġija jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom. Tistgħu toqogħdu fuq l-appoġġ tagħna biex jiġu żviluppati sħubijiet biex jimmassimizzaw il-potenzjal tal-Pjan SET u jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-industrija u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. It-trasformazzjoni industrijali tal-Ewropa għandha tkun prijorità ta’ Orizzont Ewropa u għall-investimenti reġjonali u privati. Mingħajr id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-industrija, mhux se nkunu nistgħu nilħqu l-miri tal-enerġija u l-klima għall-2030, la biex nonoraw l-impenji tagħna skont il-Ftehim ta’ Pariġi, aħseb u ara l-objettivi tal-istrateġija newtrali mil-lat ta’ klima għall-2050. Issa rridu naħdmu id f’id għal bidla ta’ benefiċċju reċiproku lejn ekonomija baxxa fil-karbonju.” L-avveniment ‘Lejn Industrija ta’ Suċċess b’livell Newtrali ta’ emissjonijiet tal-Karbonju fl-Ewropa’ kien organizzat b'mod konġunt mid-DĠ RTD tal-Kummissjoni Ewropea, l-Osservatorju tas-Suq tal-Karbonju u SPIRE PPP.

12 ta' Diċembru 2018

Il-COP24 ospitat is-sessjoni ta’ għeluq tad- Djalogi Talanoa tal-Bliet u r-Reġjuni bir-rimarki tal-ftuħ tas- Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres . F’format mhux tas-soltu, is-sessjoni ta’ livell għoli kienet ippreseduta minn żewġ presidenti COP, il-President tal-COP23 u l-Prim Ministru ta’ Fiġi J osaia Voreqe Bainimarama u Michał Kurtyka , Segretarju tal-Istat tal-Ministeru Pollakk tal-Enerġija u Plenipotenzjarju għall-Presidenza tal-COP24.

COR Lamers (NL/PPE) , Sindku ta’ Schiedam u President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR tkellem waqt il-plenarja f’isem il-gvernijiet lokali dinjija biex talab għall-inklużjoni formali tal-bliet u r-reġjuni fil-Ftehim ta’ Pariġi. COR Lamers wassal il-messaġġ politiku f’isem il-kostitwenza tal-LGMA. Il-kostitwenza tal-Gvernijiet Lokali u l-Awtoritajiet Muniċipali ( LGMA ), u l-ICLEI bħala l-punt fokali tagħha, tikkoordina osservaturi tal-gvern lokali fin-negozjati intergovernattivi dwar il-klima tal-UNFCCC.

Cor Lamers qal: “F’isem il-kostitwenza tal-LGMA, aħna nappellaw lill-Partijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi biex jestendu d-djalogi Talanoa lil hinn mill-COP24 u biex jinkludu Kontributi Stabbiliti fil-Livell Lokali u Reġjonali fi ħdan il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali fil-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, aħna nirrakkomandaw lill-Presidenza tal-COP24 sabiex tirrikonoxxi formalment l-impenji u l-kisbiet tal-gvernijiet lokali u reġjonali fid-dikjarazzjoni finali tal-COP24. Il-gvernijiet lokali madwar id-dinja huma lesti li jieħdu azzjoni. Tistgħu torbtu fuqna.”

Permezz tal-kostitwenza tal-LGMA, il-gvernijiet lokali u reġjonali madwar id-dinja jħeġġu lill-Partijiet kollha biex jiżguraw li r-referenza li ġejja hija inkluża fid-dikjarazzjoni finali tal-COP24. “Aħna nilqgħu l-eżitu u r-riżultati tad-Djalogi Talanoa u nistiednu lill-Partijiet biex jużawhom għall-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom ”. Il-gvernijiet lokali jirrakkomandaw lill-Presidenza tal-COP24 biex il-paragrafu b’referenza għal azzjoni f’diversi livelli jissaħħaħ u jiġi integrat bis-sħiħ fid-dikjarazzjoni finali tal-COP24.

In-NU kkonfermat fl-aħħar Rapport dwar id-Distakk fl-Emissjonijiet il-potenzjal tal-bliet u r-reġjuni fil-ġlieda kontra t-tisħin globali filwaqt li rrikonoxxiet li l-impatt tagħhom “mhuwiex dokumentat sew”. Kontributi Stabbiliti fil-Livell Reġjonali u Lokali (RLDCs) huma maħsuba biex itaffu n-nuqqas ta’ data filwaqt li jitnaqqas id-distakk fl-emissjonijiet kif ukoll li jqajmu l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima.

Fi tmiem is-sessjoni, il-Presidenzi tal-COP23 u l-COP24 ħabbru Sejħa għal Azzjoni Talanoa . Id-Djalogi Talanoa tnedew is-sena li għaddiet mill-Presidenza tal-COP23 ta’ Fiġi bħala qafas globali għall-faċilitazzjoni tad-djalogu sabiex jittieħed bilanċ tal-isforzi klimatiċi kollettivi mwettqa minn gvernijiet sottonazzjonali, is-soċjetà ċivili u n-negozji biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar il-klima fil-livell tan-NU. Matul l-2018, il-kostitwenza tal-LGMA pparteċipat f’aktar minn 60 Djalogu Talanoa f’40 pajjiż, li 52 minnhom ġew ospitati mill-gvernijiet lokali u reġjonali, min-netwerks jew mill-imsieħba tagħhom.

Fit-12 ta’ Diċembru,il-President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR, Cor Lamers, iltaqa’ mal-kontroparti tiegħu fil-Parlament Ewropew, Adina-Ioana Vălean (RO/PPE) , il-President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI). It-tnejn li huma attendew is-seduta ta’ informazzjoni dwar in-negozjati tal-COP24 ippreseduta mill-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika Miguel Arias Cañete .

11 ta' Diċembru 2018

Fil-11 ta’ Diċembru, il-KtR ħa sehem fil-Jum tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea fil-Paviljun tal-COP24 tal-UE. F’sessjoni speċjali dwar ir-reġjuni tal-faħam Markku Markkula (FI/PPE), l-ewwel Viċi President tal-KtR, qal: “Il-każ tar-reġjuni tal-faħam juri kemm hija kruċjali l-governanza f’diversi livelli biex tqiegħed it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-seħħ. Jeħtieġ li l-gvernijiet nazzjonali, il-bliet u r-reġjuni, l-industrija, l-akkademiċi, iċ-ċittadini u l-UE jaħdmu flimkien biex din it-trasformazzjoni tkun ta’ suċċess. Teknoloġiji ġodda u bini ta’ kapaċità huma kruċjali biex nieqfu mill-użu tal-faħam. Ir-reġjuni tal-faħam jeħtieġu miżuri finanzjarji robusti u adattati. Għalhekk aħna nilqgħu l-proposta tal- MEP Jerzy Buzek , President tal-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew, li jiġu allokati EUR 4,8 biljun mill-baġit multiannwali li jmiss tal-UE għall-Fond għat-Tranżizzjoni Enerġetika Ġusta”. Il-KtR qed jagħti l-appoġġ tiegħu għall- Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni , maħluqa biss sena ilu mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa.

Il- Kummissarju tal-UE Miguel Arias Cañete stqarr: "Fl-UE, 240 000 ħaddiem huma impjegati fl-industrija tal-faħam. Fil-preżent, 41 reġjun fi 12-il Stat Membru qegħdin attivament iħaffru għall-faħam. Irrid li ndawwar l-isfida tat-tranżizzjoni f’opportunità għar-reġjuni tal-faħam. Dan huwa possibbli u fattibbli. Aħna diġà tajna assistenza ta’ riformi strutturali fi 13-il reġjun pilota fis-Slovakkja, il-Polonja, il-Greċja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u Spanja.

Sabiex tissaħħaħ is-sħubija strateġika, il-KtR u l-ICLEI – il-gvernijiet lokali għas-sostenibbiltà – kellhom laqgħa bilaterali waqt il-COP24 dwar il-klima fil-11 ta’ Diċembru. “Peress li t-taħdidiet dwar il-klima għadhom għaddejjin, huwa l-mument eċċellenti biex niltaqgħu u ntennu l-kooperazzjoni tal-passat, il-preżent u l-futur tagħna fil-qasam tal-azzjoni klimatika, iżda wkoll tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità,” qal Markku Markkula (FI/PPE) . Ashok Sridharan , Il-President tal-ICLEI u Sindku ta’ Bonn, appella lill-membri tal-KtR biex ikomplu jiżguraw l-implimentazzjoni tal-miri tal-klima u tal-bijodiversità fl-Ewropa flimkien ma’ li jagħmlu pressjoni għal aktar ambizzjoni u mekkaniżmi finanzjarji.

Fil-11 ta’ Diċembru, id-delegazzjoni tal-KtR attendiet il- laqgħa ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress tan-negozjati tal-COP24 flimkien ma’ membri tal-Parlament Ewropew u delegati mill-Istati Membri. Andrew Cooper (UK/AE) , Membru tal-Kunsill ta’ Kirklees tar-Renju Unit u relatur dwar Governanza Klimatika wara l-2020 indirizza lill-Kummissarju Arias Cañete: “Aħna rridu nħarsu lejn it-test politiku finali tal-COP24 jkollna rwol formali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Irridu r-rikonoxximent li aħna dawk li se nieħdu azzjoni fuq il-post. Jeħtieġ li niġu inklużi u hemm bżonn li nitqiesu”. Il-Kummissarju Arias Cañete qal: “Ninsabu tassew konxji li l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima teħtieġ bliet u reġjuni. Għadna ma nafux it-test li se jitwassal illum waranofsinhar mill-uffiċjali li jippresiedu. Din ir-referenza kienet inkluża u aħna se nippruvaw nappoġġjaw din l-idea.”

10 ta' Diċembru 2018

Andrew Cooper (UK/AE) indirizza lill-udjenza fil-paviljun tal-UE biex itenni s-sejħa tal-KtR li "ir-rapporti ta’ inventarju nazzjonali tal-qafas ta' trasparenza tal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jinkludu taqsima dwar azzjonijiet ta' mitigazzjoni mwettqa minn gvernijiet sottonazzjonali." Ir-relatur Cooper kellu ċ-ċans li jikkondividi dawn il-messaġġi fil-paviljun Ġermaniż flimkien ma’ Ashok Sridharan, il-president tal-ICLEI u s-Sindku ta' Bonn , f'sessjoni ddedikata għall-“indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għall-bliet: u ispirazzjoni biex jitqajjmu l-ambizzjonijiet ta’ kontributi stabbiliti fil-livell lokali.”

Fl-10 ta’ Diċembru, waqt il-Patt Globali ta’ Jum is-Sindki fil-Paviljun tal-UE, Markku Markkula (FI/PPE) qal: “Wasal iż-żmien għal livell ogħla ta’ ambizzjoni u azzjonijiet dwar il-klima. Il-bliet u r-reġjuni huma lesti li jżidu l-kontributi tagħhom dwar il-klima biex jikkomplementaw l-impenji nazzjonali. Is-slogan tal-Presidenza Pollakka tal-COP24 hija “Ninbidlu flimkien”. Aħna, il-gvernijiet lokali u reġjonali, aħna ambizzjużi, inklużivi u innovattivi. Nafu kif għandna naġixxu fir-rigward tal-azzjoni klimatika. Illum, aħna ngħidu lill-Partijiet tan-NU: Tistgħu torbtu fuqna”. L-avveniment ġie organizzat b'mod konġunt mid-DĠ CLIMA tal-Kummissjoni Ewropea, l-ICLEI, l-uffiċċju tal-Patt tas-Sindki u l-KtR. Markku Markkula ltaqa’ ma’ Marcin Krupa , Sindku ta’ Katowice u feraħ lill-belt ospitanti tal-COP24 għas-sħubija fil-Patt tas-Sindki peress li “aktar u aktar bliet li jaħdmu favur l-azzjoni klimatika huma meħtieġa biex jitwettqu l-wegħdiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.”

Sirpa Hertell (FI/PPE) , relatur tal- opinjoni tal-KtR dwar l-istrateġija ta’ adattament tal-UE rigward it-tibdil fil-klima u membru tal-kunsill tal-belt ta’ Espoo, ħejjiet laqgħa bilaterali mal-Alleanza għall-Klima fl-10 ta’ Diċembru. Ir-relatur Hertell qalet: “Naqblu man-netwerks imsieħba tagħna li wasal iż-żmien li titkabbar l-azzjoni klimatika lokali. Biex immexxu lura t-tisħin globali neħtieġu mudell ekonomiku u soċjali ġdid u dan jista’ jkun ta’ suċċess biss jekk ikun ibbażat lokalment.”

Id-delegazzjoni tal-KtR għall-COP24 ġiet mistiedna mis- Sindku ta’ Katowice, Marcin Krupa , għal Katowice Climate Shift: Culmination of cities and regions at COP24 fl-10 ta’ Diċembru. Din kienet l-okkażjoni biex jintwera l-aktar minn 60 Djalogu Talanoa tal-Bliet u r-Reġjuni flimkien ma’ panel ta’ diskussjoni dwar l-azzjoni klimatika fil-livell lokali fejn l-1 Viċi President tal-KtR Markku Markkula qasam il- messaġġi politiċi ewlenin tal-KtR għall-COP24 .

Fi tmiem l-ewwel ġimgħa tal-COP24, Marco Dus (IT/PSE) kien wieħed mill-membri tal-panel fis- Summit dwar is-Saħħa Globali l-Bidla fil-Klima 2018 . Ir-relatur tal- opinjoni tal-KtR dwar il-finanzjament għall-klima ddikjara li "dawk li jfasslu l-politika lokali, nazzjonali, u globali jeħtieġ li jaġixxu issa sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti it-tniġġis tal-klima u jibnu r-reżiljenza għall-klima. L-aċċess għall-finanzi huwa element ewlieni għal bosta awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw azzjoni klimatika relatata mas-saħħa." L-esponiment għat-tniġġis tal-arja jikkawża 7 miljun mewt madwar id-dinja kull sena. L-ilħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi jista' jiffranka madwar miljun ruħ fis-sena madwar id-dinja sal-2050 permezz ta’ tnaqqis fit-tniġġis tal-arja biss ( WHO ).

Minbarra l- fuljett speċjali tal-COP24 dwar l-aħjar prattika u biex tkompli ż-żieda tal-viżibilità tal-bliet u r-reġjuni li jieħdu azzjoni dwar il-klima, il-KtR ikkoordina l-preżenza fil-COP24 tar- rebbieħa tal-premju Bliet tal-Patt fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-2018 . F’din it-tieni ġimgħa tal-COP, mad-delegazzjoni tal-KtR ingħaqdu Roberto Campelli, Sindku ta' Monsano, Erik Lauritzen, Sindku ta’ Sønderborg u Frederic Ximeno, Kummissarju tal-Ekoloġija tal-Kunsill tal-Belt ta' Barċellona .

Kuntest:

Id-delegazzjoni tal-KtR għal COP24 hija magħmula minn Markku Markkula (FI/PPE) , l-1 Viċi President tal-KtR u President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo, Cor Lamers (NL/PPE) President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u Sindku ta' Schiedam, Valter Flego (HR/ALDE) it-tieni Viċi President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u l-Prefett tal-Kontea Istra, Andrew Cooper (UK/AE), koordinatur AE tal-ENVE tal-KtR, Relatur tal-KtR dwar governanza klimatika wara l-2020 u Membru tal-Kunsill ta’ Kirklees tar-Renju Unit, Marco Dus (IT/PSE), relatur dwar il-finanzjament tal-klima u Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vittorio Veneto, , Sirpa Hertell (FI/PPE) Relatur tal-KtR dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u Kunsillier tal-Belt ta' Espoo, Andres Jaadla (EE/ALDE) koordinatur ALDE tal-ENVE tal-KtR u Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Rakvere, Daiva Matoniene (LT/KRE) koordinatur KRE tal-ENVE tal-KtR u Membru tal-Kunsill Muniċipali tal-Belt ta' Šiauliai u André Van De Nadort (NL/PSE) koordinatur PSE tal-ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Weststellingwerf.

Il-messaġġi politiċi tal-COP24 u d-delegazzjoni għall-COP24

Fuljett tal-aħjar prattika tal-COP24

Kontributi Stabbiliti fil-Livell Reġjonali u Lokali

L-Ambaxxaturi tal-Patt tas-Sindki

18/11/2018 It-Tibdil fil-Klima: Tistgħu torbtu fuqna (Kelmtejn ta’ qabel minn Karl-Heinz Lambertz, President tal-KtR u Markku Markkula, l-1 Viċi President)

15/11/2018 COP24: Lesti?

19/09/2018 Il-gvernijiet lokali jieħdu l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima fil-livell li jmiss

06/07/2018 Tibdil fil-klima: aktar ambizzjoni u governanza ġdida meħtieġa biex jitwettaq il-Ftehim ta’ Pariġi

Għal aktar tagħrif żur is-sit web dedikat għall-COP24 tal-KtR

Kuntatt: David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :