Nhar is-Sibt, 15 ta’ Diċembru, f’kisba mingħajr preċedent biex it-tibdil fil-klima jiġi indirizzat b’mod kollettiv f’livell dinji, il-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) adottaw il-ġabra ta’ regoli għall- Ftehim ta’ Pariġi , is-sensiela ta’ regoli u linji gwida bil-għan li l-Ftehim ta’ Pariġi jsir operattiv sa mill-2020, inkluż il-qafas ta’ trasparenza apparti l-finanzjament, il-mitigazzjoni u l-adattament b’rabta mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi “tistieden lill-Partijiet jikkunsidraw ir- riżultati tad-Djalogi ta’ Talanoa fit-tħejjija tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) u fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-implimentazzjoni u l-ambizzjoni qabel l-2020”. L-inklużjoni ta’ dan il-paragrafu fil-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi ġiet difiża u indirizzata minn Cor Lamers (NL/PPE), President tal-Kummissjoni ENVE fi ħdan il-KtR u Sindku ta’ Schiedam quddiem il-Presidenzi tal-COP23 u l-COP24 fis- sessjoni tal-għeluq tad-Djalogi ta’ Talanoa fit-12 ta’ Diċembru. Bħala kisba konkreta għall-bliet u r-reġjuni madwar id-dinja, il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi għalhekk twitti t-triq għal governanza msaħħa f’diversi livelli b’rabta mal-klima billi tistieden lill-gvernijiet nazzjonali jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-NDCs tagħhom u l-istrateġiji u l-pjani ta’ azzjoni marbuta mal-klima. Fost il-kontributi tad-Djalogi ta’ Talanoa, li l-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi tirrakkomanda li jiġu kkunsidrati mill-gvernijiet nazzjonali, insibu l-appell tal-KtR għall-“parteċipazzjoni integrali tal-atturi sottonazzjonali fit-tfassil tal-politika dwar il-klima u fl-implimentazzjoni tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali”. Markku Markkula (FI/PPE), l-Ewwel Viċi President tal-KtR , jgħid li: “Filwaqt li huwa ċar li l-gvernijiet nazzjonali madwar id-dinja naqsu milli jżidu biżżejjed il-lvell ta’ ambizzjoni tagħhom b’rabta mal-klima, il-ftehim ta’ Katowice madankollu għadu jirrappreżenta żvolta deċiżiva fl-isforzi kollettivi tagħna biex nirbħu l-ġlieda kontra t-tisħin globali. Għalhekk, m’għandniex nissottovalutaw il-kisba kbira li ntlaħaq qbil dwar linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Lanqas ma għandna nkunu kompjaċenti u nimpenjaw ruħna bil-għaġla li noħolqu mekkaniżmi tas-suq u mekkaniżmi finanzjarji mfssla apposta li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet globali. Mingħajr dubju, leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jissemma’ dejjem aktar fit-taħdidiet internazzjonali dwar il-klima. Il-COP21 espliċitament irrikonoxxiet ir-rwol kruċjali tal-bliet u r-reġjuni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għall-ewwel darba. Tliet snin wara, il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi tistieden lill-Partijiet ikomplu jintegraw l-atturi sottonazzjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji klimatiċi tagħhom. Dan hu suċċess ċar u ninsabu fiduċjużi li l-kooperazzjoni effettiva f’diversi livelli se titjieb gradwalment hekk kif il-Ftehim ta’ Pariġi jiġi implimentat.” COR Lamers (NL/PPE), President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Schiedam qal: “Min-naħa tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ninsabu ħerqana li nimpenjaw ruħna iżjed fil-konfront tal-Partijiet, kif intwera permezz tad-Djalogi ta’ Talanoa, biex nibnu sħubija iżjed b’saħħitha għal azzjoni f’diversi livelli u biex tkun riflessa f’deċiżjonijiet futuri. Aħna nistennew li l-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi trawwem l-inklużjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-NDCs, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rendikont li jmiss tal-azzjoni globali dwar il-klima fl-2019. Għad irridu naqblu dwar swieq tal-karbonju ġusti u flessibbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mod kosteffettiv u neżaminaw l-opportunitajiet ta’ taxxi fuq il-karbonju li jħeġġu lill-investituri u lill-konsumaturi jagħżlu rotot b’inqas karbonju. Flimkien, nistgħu nimmassimizzaw il-potenzjal tat-tranżizzjoni tant meħtieġa għall-enerġija nadifa. Permezz ta’ inizjattivi ewlenin bħall- Patt Globali tas-Sindki , il-livell lokali u reġjonali se jkompli kemm jimplimenta kif ukoll jinsisti dwar aktar ambizzjoni klimatika.” Andrew Cooper (UK/AE), membru tal-Kunsill ta’ Kirklees fir-Renju Unit u relatur tal- Opinjoni tal-KtR dwar Il-governanza klimatika wara l-2020 qal: “Nilqgħu b’sodisfazzjon l-appell dirett biex il-Partijiet jikkunsidraw il-proposti inklużi fid- Djalogi ta’ Talanoa peress li dan iwitti t-triq għal kontributi sottonazzjonali fit-tħejjija tal-inventarji, l-istrateġiji u l-pjani ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-klima. Aħna madankollu nibqgħu sodi fl-appell agħna biex jiġu integrati b’mod formali l-Kontributi Determinati fil-livell lokali u reġjonali (RLDCs) biex jiżguraw il-parteċipazzjoni integrali tal-atturi sottonazzjonali integrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima, inkluż fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-NDCs.” Is-sejħa għall-Kontributi Determinati fil-livell Lokali u Reġjonali (RLDCs) biex jikkomplementaw il-wegħdiet nazzjonali fil-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi għandha diversi għanijiet: li tagħti lill-bliet u r-reġjuni rwol formali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, li żżid ir-responsabilità tal-gvern lokali u reġjonali fl-azzjoni dwar il-klima, li żżid il-preċiżjoni tad-data fil-proċess tar-rendikont globali u li tikkontribwixxi biex jitnaqqas id- distakk attwali fl-emissjonijiet . Ir-rendikont li jmiss tal-azzjoni globali dwar il-klima huwa ppjanat għall-2019. Ir-rendikont globali huwa proċess sabiex jiġi vvalutat il-progress kollettiv lejn il-kisba tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet fit-tul tiegħu. Hiuwa jqis il-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament u l-appoġġ għall-implimentazzjoni b’rabta mat-tat-tibdil fil-klima. Il-bliet huma responsabbli għal 70 % tal-emissjonijiet dinjija b’effett ta’ serra, u l-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-zzjonijiet ta’ adattament għall-klima. Biex jinċentiva l-azzjoni klimatika fiż-żoni urbani, il- Forum tal-2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Finanzjament fi ħdan l-UNFCCC se jiffoka fuq il-finanzjament għall-klima u l-bliet sostenibbli. Il-COP24 naqas milli jilħaq ftehim dwar ir-regoli globali għal mekkaniżmi tas-suq bħas-swieq tal-karbonju, strument biex jittaffew l-ispejjeż marbuta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Id-diskussjonijiet bil-għan li l-mekkaniżmi tas-suq isiRu operattivi se jissoktaw fis-sena li ġejja u għandhom jiġu adottati linji gwida globali fil-COP25, li għandu jsir fiċ-Ċili mill-11 sat-22 ta’ Novembru 2019. Kuntest: Id-delegazzjoni tal-KtR għall-COP24 kienet magħmula minn Markku Markkula (FI/PPE) , l-Ewwel Viċi President tal-KtR u President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo, Cor Lamers (NL/PPE) President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Schiedam, Valter Flego (HR/ALDE) , it-Tieni Viċi President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u l-Prefett tal-Kontea Istra, Andrew Cooper (UK/AE) , koordinatur AE tal-ENVE tal-KtR, Relatur tal-KtR dwar governanza klimatika wara l-2020 u Membru tal-Kunsill ta’ Kirklees fir-Renju Unit, Marco Dus (IT/PSE) , relatur dwar il-finanzjament tal-klima u Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Vittorio Veneto, Sirpa Hertell (FI/PPE) , relatur tal-KtR dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u Kunsillier tal-Belt ta' Espoo, Andres Jaadla (EE/ALDE) , koordinatur ALDE tal-ENVE tal-KtR u Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Rakvere, Daiva Matonienė (LT/KRE) , koordinatur KRE tal-ENVE tal-KtR u Membru tal-Kunsill Muniċipali tal-Belt ta’ Šiauliai u André Van De Nadort (NL/PSE) , koordinatur PSE tal-ENVE tal-KtR u Sindku ta’ Weststellingwerf. Jekk jogħġbok ikklikkja hawn għal sommarju tal-attivitajiet u d-dikjarazzjonijiet ewlenin tal-membri tad-delegazzjoni tal-KtR waqt il-COP24. Ikklikkja hawnhekk biex taċċessa l-album tar-ritratti tad-Delegazzjoni tal-KtR waqt il-COP24 Il-messaġġi politiċi tal-KtR u d-delegazzjoni għall-COP24 Fuljett tal-aħjar prattika tal-COP24 Kontributi Stabbiliti fil-Livell Reġjonali u Lokali L-Ambaxxaturi tal-Patt tas-Sindki tal-KtR Id-Djalogi ta’ Talanoa tnedew is-sena li għaddiet mill-Presidenza tal-COP23 ta’ Fiġi bħala qafas globali għall-faċilitazzjoni tad-djalogu sabiex jittieħed bilanċ tal-isforzi klimatiċi kollettivi mwettqa minn gvernijiet sottonazzjonali, is-soċjetà ċivili u n-negozji biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar il-klima fil-livell tan-NU. Il-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi ta’ regoli fiha regoli dettaljati u linji gwida għall-implimentazzjoni tal-ftehim globali ewlieni adottat fl-2015, li jkopru l-oqsma ewlenin kollha inklużi t-trasparenza, il-finanzi, il-mitigazzjoni u l-adattament. Ir-riżultati ewlenin tal-COP24 jinkludu: L-ewwel sistema universali għall-Partijiet li tintraċċa u tirrapporta dwar il-progress miksub fl-azzjoni klimatika, li tipprovdi flessibbiltà lil dawk il-pajjiżi li ġenwinament jeħtiġuha. Dan se jispira lill-Partijiet kollha biex itejbu l-prattiki tagħhom maż-żmien u jikkomunikaw il-progress miksub f’termini ċari u komparabbli. Eżitu tajjeb u kunsenswali dwar il-kwistjonijiet tal-adattament. Il-Partijiet issa għandhom gwida u reġistru biex jikkomunikaw l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Rigward il-proċess tar-rendikont globali, huwa jistieden lill-Partijiet biex b’mod regolari jirrevedu l-progress u l-livell ta’ ambizzjoni abbażi tal-aħħar xjenza disponibbli. Fl-aħħar nett, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzi u t-teknoloġija, issa hemm pakkett solidu li l-UE hija fiduċjuża li se jipprovdi riassigurazzjoni lill-imsieħba tagħna dwar l-impenn tagħna fil-konfront tas-solidarjetà u l-appoġġ globali kontinwi ( KE ). Aqra hawnhekk l-Istqarrija għall-Istampa dwar l-UNFCCC – COP24 |