Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja lokali u reġjonali huma kruċjali biex jagħmlu leġittimu l-approċċ minn isfel għal fuq tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa  

Rappreżentanti mill-Parlament Ewropew u mid-dinja akkademika jikkonfermaw li l-KtR għandu jkollu rwol importanti fil-ġbir ta’ kontributi miċ-ċittadini fuq bażi permanenti minħabba li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb livell ta’ gvern għaċ-ċittadini u dak li għandhom l-aktar fiduċja fih

Il-membri tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni tal-KtR – CIVEX – iddiskutew dwar kif jista’ jissaħħaħ ir-rwol tal-KtR fis-sistema ta’ governanza tal-UE, b’mod partikolari għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa fil-preżenza tal-MEP Domènec Ruiz Devesa (ES/S&D) u ta’ Sarah Meyer, riċerkatriċi assoċjata f’Danube-University Krems. Il-pedamenti demokratiċi tal-Unjoni Ewropea huma fost il-kwistjonijiet ewlenin li ser tindirizza l-Konferenza, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-gwardjani tal-pedamenti demokratiċi tal-UE fuq bażi ta’ kuljum u dawk li l-aktar jipprattikaw id-demokrazija parteċipattiva. Mid-diskussjoni ħareġ li l-Konferenza hija opportunità biex jintwera u jiġi promoss ir-rwol tal-KtR bħala r-rappreżentant istituzzjonali tal-bliet u r-reġjuni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fil-qafas tat-Trattati eżistenti. F’perspettiva usa’, il-bidliet fit-Trattat lejn aktar setgħat leġiżlattivi għall-KtR jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-UE.

Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, permezz ta’ dibattiti miftuħa, inklużivi u trasparenti, ser tlaqqa’ flimkien liċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-istituzzjonijiet Ewropej sabiex tingħata spinta ġdida lill-proġett Ewropew u tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea. Din hija mistennija li titnieda fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa 2021, b’dewmien ta’ sena minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Il-mistoqsijiet li tqajmu matul id-dibattitu kienu dwar jekk il-qafas legali attwali tal-UE jippermettix lill-KtR jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta’ leħen il-bliet u r-reġjuni fl-UE u liema rwol speċifiku jista’ jiġi previst fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għall-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi proċess immexxi mit-tliet istituzzjoni tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE.

Mark Speich (DE/PPE), is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali, Ewropej u Internazzjonali ta’ Nordrhein-Westfalen u President tal-Kummissjoni CIVEX tal-KtR qal: “Aħna bħala politiċi fil-livell reġjonali u lokali għandna nifformulaw ideat konkreti dwar l-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni. Neħtieġu viżjoni ċara għall-ġejjieni ta’ Ewropa tar-reġjuni. Aktar ma din il-viżjoni tkun ċara, aktar nistgħu nieħdu l-passi meħtieġa għat-twettiq tagħha u nużaw il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa bħala opportunità fil-proċess. Qed nappellaw b’mod kostanti għal kunsiderazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni Ewropej. Issa huwa essenzjali li jiġu żviluppati proposti ċari sabiex din id-domanda tkun imnaqqxa wkoll istituzzjonalment u proċeduralment b’mod espliċitu.”

MEP Domènec Ruiz Devesa (ES/S&D) koordinatur ta’ S&D fi ħdan il-Kumitat AFCO tal-Parlament Ewropew ippreżenta l-proġett pilota tal-PE dwar Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali u spjega kif il-membri tal-KtR jistgħu jikkontribwixxu: “Sabiex inqarrbu l-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha u fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, għandna nsaħħu d-dimensjoni Ewropea fil-ħidma ma’ dawk li jfasslu l-politika lokali u reġjonali, filwaqt li nistabbilixxu mod parteċipattiv aktar strutturat u permanenti lil hinn mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u ċ-ċittadini. B’dan il-għan, il-Proġett Pilota “Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali” se jiġi implimentat biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni diretta lejn iċ-ċittadini dwar inizjattivi politiċi mwettqa mill-Unjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet perjodiċi lill-midja u dibattiti mmexxija mill-awtoritajiet lokali. Aħna għandna r-responsabbiltà li b’dawn l-inizjattivi niżguraw li l-Konferenza twettaq approċċ minn isfel għal fuq biex jintlaħaq djalogu sinifikanti”.

Sarah Meyer , riċerkatriċi assoċjata f’Danube-University Krems ippreżentat il-proġett REGIOPARL li għandu l-għan li jeżamina kif il-livell reġjonali u dak lokali jistgħu jkunu atturi kruċjali għall-parteċipazzjoni demokratika. Hija qalet: “Peress li l-Kunsill jirrakkomanda b’mod ċar approċċ fejn il-politika tiġi l-ewwel bi tħejjija għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, il-KtR jista’ jiddedika l-isforzi tiegħu għall-inklużjoni konsegwenti u sistematika tal-perspettiva reġjonali u lokali fl-attivitajiet u l-eżiti kollha tal-Konferenza, tema b’tema. F’dak li għandu x’jaqsam mal-involviment dirett taċ-ċittadini, il-ġestjoni tal-aspettattivi ser tkun kruċjali, peress li l-parteċipazzjoni mingħajr is-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew l-istabbiliment tal-aġenda x’aktarx ma ssostnix il-leġittimità demokratika tat-tfassil tal-politika tal-UE.”

Persuna ta’ kuntatt:

Marie-Pierre Jouglain

mariepierre.jouglain@cor.europa.eu

Mob: +32 473 52 41 15

Ikkondividi :