Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Brexit: il-mexxejja lokali jixħtu ħarsithom fuq makroreġjun tal-Ewropa tal-Majjistral biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni fil-livell lokali jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE  
Ir-rappreżentanti tar-Renju Unit iddiskutew din l-alternattiva mal-kollegi tagħhom mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’laqgħa tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali fi Cluj, fir-Rumanija.

L-istrateġiji makroreġjonali qed jagħtu xhieda li kapaċi joħolqu tkabbir u jtejbu l-koeżjoni tar-reġjuni ġirien mill-pajjiżi tal-UE u anke dawk barra mill-UE, li jiffaċċjaw sfidi komuni. Fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ abbozz ta’ opinjoni dwar l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju, il-membri tal-Kummissjoni għall-Politika ta' Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE (COTER) fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) nedew dibattitu preparatorju dwar kif tista’ tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali tar-Renu Unit, anke permezz ta’ strateġija makroreġjonali tal-Baħar tat-Tramuntana, f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE.

Il-Kummissjoni COTER tal-KtR iltaqgħet fis-26 ta’ Marzu fi Cluj-Napoca , it-tielet l-akbar belt fir-Rumanija. Il-mexxejja lokali vvalutaw l-impatt tal-istrateġiji makroreġjonali f’ Opinjoni mmexxija minn Dainis Turlais (LV/ALDE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Riga.

L-esperjenza miksuba b’rabta mal-baċir tad-Danubju turi li l-makroreġjuni jistgħu jkunu għodda eċċellenti għall-koordinazzjoni minn isfel għal fuq, bis-sehem tal-livelli kollha ta’ gvern mingħajr ma tinħoloq burokrazija ġdida.

“L-istrateġiji makroreġjonali qed itejbu s-servizzi pubbliċi, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, l-istrateġiji tal-innovazzjoni u bosta aspetti oħra fil-ħajja tal-komunitajiet lokali involuti,” qal ir-relatur, filwaqt li żied jgħid li: “tinħtieġ koordinazzjoni iżjed b’saħħitha fil-livell tal-UE, b’integrazzjoni aħjar tal-għodod differenti ta’ finanzjament u kooperazzjoni iżjed b’saħħitha bejn id-direttorati rilevanti kollha tal-Kummissjoni Ewropea”.

Huma u janalizzaw kif tista’ tittejjeb il-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali, il-membri tal-COTER identifikaw in-netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku bħala mudell li għandu jiġi rreplikat f’politiki settorjali u żoni ġeografiċi oħra.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa ta’ wara l-Brexit, fl-abbozz ta’ opinjoni jiġi enfasizzat li l-istrateġji makroreġonali jistgħu jikkontribwixxu għar-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-UE, billi joffru mezz importanti għall-iżgurar ta’ “programmazzjoni konġunta sostenibbli, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni tar-Renju Unit u tal-UE”.

Dan il-punt kien enfasizzat fid-dibattitu mill-kap tad-delegazzjoni tar-Renju Unit għall-KtR, Albert Bore (UK/PSE) , membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Birmingham.

Huwa qal: “Qed naħdmu biex niżguraw li r-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-UE tkun tista’ tiddependi minn dimensjoni territorjali b’saħħitha u tibbenefika mill-aqwa għodod disponibbli, biex tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib fil-livell lokali. Forum ekonomiku u strateġija makroreġjonali dwar l-Ewropa tal-Majjistral huma fost l-iżjed alternattivi sinifikanti li tressqu s’issa.”

L-inizjattivi futuri jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza miksuba mill- programm tal-Ewropa tal-Majjistral għaddej bħalissa, li huwa ffinanzjat minn Interreg, wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-UE li jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, u li jinvolvi lir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Belġju, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvizzera.

Il-votazzjoni dwar l-abbozz ta’ opinjoni se ssir fil-plenarja tal-KtR tal-25 ta’ Ġunju.

Kuntatt:

Pierluigi Boda, Tel. +32 22822461, Mobile +32 473 851743, pierluigi.boda@cor.europa.eu

Andrew Gardner, Tel. +32 22822429, Mobile +32 473 843981, andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :