Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-agrikoltura wara l-COVID-19: l-agroekoloġija hija r-risposta għall-isfidi ambjentali tagħna u għas-sigurtà tal-ikel  

​Guillaume Cros

F’din l-intervista, Guillaume Cros (FR/Ħodor) , relatur tal- Abbozz ta’ opinjoni dwar l-agroekoloġija li mistenni jiġi adottat fit-3 ta’ Frar 2021 matul is- sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni , iwieġeb erba’ mistoqsijiet dwar dan l-approċċ ambjentali u soċjali mmirat lejn agrikoltura fin-natura pjuttost milli kontra n-natura. Fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) li jmiss, il-Viċi President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Occitanie Pyrénées-Méditerrané jirrakkomanda, fost affarijiet oħra, li jiġu stabbiliti objettivi ambjentali Ewropej kwantifikati u vinkolanti għall-Istati Membri u li tal-anqas 30% tal-pakkett finanzjajru nazzjonali jiġi allokat għal skemi ekoloġiċi.

Il-pandemija tal-COVID-19 xeħtet dawl fuq id-dgħufijiet tas-sistema agrikola u alimentari globalizzata tagħna u wriet l-importanza tas-sigurtà tal-ikel. Madankollu, studju tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti li sar fil-ħarifa jindika li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija “ Mill-Għalqa sal-Platt ” tista’ twassal għal tnaqqis kbir fil-produzzjoni agrikola fl-UE. L-agroekoloġija se ġġewwaħna?

Għalkemm is-sigurtà tal-provvista tal-ikel sikwit tintuża bħala argument kontra l-agroekoloġija, il-ħidma reċenti tal-IDDRI (Istitut tal-Iżvilupp Sostenibbli u r-Relazzjonijiet Internazzjonali) turi li huwa possibbli li nitimgħu l-popolazzjoni Ewropea kollha sal-2050 bis-saħħa ta’ trasformazzjoni agroekoloġika gradwali, li tintegra t-trobbija tal-bhejjem, l-uċuħ tar-raba’ u l-forestrija, b’objettiv ta’ emissjonijiet żero. Fil-livell globali, ir-rapport tan-NU li ġie ppubblikat f’Marzu 2011 wera wkoll li, f’għaxar snin biss, il-bdiewa ż-żgħar setgħu jirduppjaw il-produzzjoni tal-ikel fir-reġjuni vulnerabbli bl-użu ta’ metodi ekoloġiċi ta’ produzzjoni. Hekk kif il-kriżi tal-COVID-19 kixfet id-dgħufijiet tas-sistema agrikola u alimentari globalizzata tagħna, l-agroekoloġija, li tmur id f’id mal-iżvilupp ta’ “sistemi tal-ikel ibbażati fuq il-post”, trid tippermetti lill-Ewropa tiżgura l-provvisti tal-ikel tagħha fuq perjodu qasir u anke twil ta’ żmien billi tippreserva l-fatturi tal-produzzjoni tagħna bħall-ħamrija, ir-riżorsi tal-ilma u l-bijodiversità tagħna.

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura ġew ikkritikati ħafna minħabba n-nuqqas ta’ konsistenza tagħhom mal-objettivi tal- Patt Ekoloġiku u tal-Istrateġija “ Mill-Għalqa sal-Platt ”. X’inhuma l-proposti tiegħek, li qed jiġu diskussi bħalissa, għall-futur tal-PAK, biex ir-redditu ekonomiku tal-azjendi agrikoli jiġi rikonċiljat mal-objettivi klimatiċi u ambjentali Ewropej?

L-Unjoni Ewropea, bl-objettivi klimatiċi tagħha, il-Patt Ekoloġiku, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u dik għall-Bijodiversità, stabbiliet objettivi ambjentali u klimatiċi li jirrikjedu trasformazzjoni sistemika tal-metodi tal-produzzjoni agrikola u tas-sistemi tal-ikel. L-agroekoloġija tissodisfa dawn l-objettivi u tiżgura wkoll redditu aħjar għall-azjendi agrikoli (kif enfasizzat fin- Nota ta’ analiżi tal-Gvern Franċiż dwar il-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-agroekoloġija, Awwissu 2020 ).

Għal dan il-għan, il-PAK futura li qed tiġi nnegozjata għandha tappoġġja din it-tranżizzjoni meħtieġa mill-agrikoltura għall-agroekoloġija. Għaldaqstant, nirrakkomanda b’mod partikolari li fir-Regolament dwar il-pjani strateġiċi nazzjonali jiġu inklużi objettivi ambjentali komuni Ewropej li jkunu kwantifikati u vinkolanti għall-Istati Membri, li tal-anqas 30% tal-pakkett finanzjarju nazzjonali jiġi allokat għal skemi ekoloġiċi u li l-appoġġ għall-investimenti fl-azjendi agrikoli jkun soġġett għal awditu ambjentali. B’mod komplementari għal dawn l-obbligi regolatorji, jeħtieġ li jingħata appoġġ metodoloġiku lill-atturi reġjonali biex titħeġġeġ l-inklużjoni tal-proġett agroekoloġiku fil-mobilizzazzjoni tad-diversi miżuri volontarji tal-PAK.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jqis li huwa essenzjali li tiġi ppreservata l-agrikoltura fir-reġjuni kollha sabiex tiġi ppreservata nisġa rurali ħajja u tiġi promossa l-koeżjoni territorjali. Kif tista’ l-agroekoloġija tgħinna niksbu dan?

L-agroekoloġija timxi id f’id ma’ dieta aktar lokali, u għalhekk tiffavorixxi kull territorju. Qed nipproponi wkoll tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-prodotti organiċi, lokali u staġjonali, vawċer għall-ikel “lokali” għal dawn l-istess prodotti, u perċentwal sinifikanti ta’ prodotti organiċi, lokali u staġjonali fil-forniment kollettiv tal-ikel. Dawn il-miżuri se jħeġġu l-iżvilupp ta’ azjendi agroekoloġiċi u ta’ stabbilimenti tal-ipproċessar artiġjanali fir-reġjuni kollha, u b’hekk jippromovu l-impjiegi rurali. Barra minn hekk, l-agroekoloġija, li teħtieġ inqas kapital (mekkanizzazzjoni, inputs, art, eċċ.), tista’ twaqqaf l-għajbien tal-biedja fuq skala żgħira fil-pajjiżi fejn għadha importanti. Tippermetti wkoll lill-pajjiżi kollha tal-UE jagħtu spinta lill-agrikoltura u ħajja rurali b’impatt soċjali u ambjentali pożittiv.

F’diversi okkażjonijiet fl-Opinjoni tiegħek, inti tgħid li l-agroekoloġija timxi id f’id mal-azjendi agrikoli ż-żgħar u ta’ daqs medju. Għaliex l-azjendi agrikoli l-kbar ma jkunux jistgħu jiżviluppaw l-agroekoloġija?

L-agroekoloġija mhux biss għandha dimensjoni agronomika teknika iżda għandha wkoll dimensjoni soċjali u territorjali. L-azjendi agrikoli l-kbar, li kibru ferm bis-saħħa tal-appoġġ mingħajr limitu tal-PAK, jirrappreżentaw deżert għall-bijodiversità, iżda huma wkoll deżert soċjali, fejn l-impjiegi u s-servizzi pubbliċi għebu, kif nistgħu naraw fl-hekk imsejħa reġjuni tal-“għelejjel li jinħartu”. L-agroekoloġija timxi id f’id ma’ nisġa ta’ azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, għelejjel diversifikati u rqajja’ tal-art ta’ daqs medju. L-ekonomiji ta’ skala, marbutin mas-sostituzzjoni tax-xogħol biż-żejt u l-kimika, kif ukoll mal-appoġġ tal-PAK li jiffavorixxi lill-azjendi agrikoli l-kbar, ma għadhomx rilevanti fiż-żmien tal-Istrateġija Ewropea “Mill-Għalqa sal-Platt” u dik għall-Bijodiversità.

Kuntest:

Guillaume Cros huwa wkoll ir-relatur ta’ żewġ Opinjonijiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Politika Agrikola Komuni:

Ir-riforma tal-PAK , Opinjoni adottata f’Diċembru 2018.

Il-PAK wara l-2020 , Opinjoni adottata f’Lulju 2017.

Kuntatt għall-Istampa: pressecdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :