Hekk kif it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 jibdew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) offra l-appoġġ sħiħ tiegħu u laqa’ l-impenn tal-Parlament Ewropew biex iż-żewġ istituzzjonijiet jaħdmu flimkien u jallinjaw ir-riżorsi fi sforz konġunt biex iżidu l-impenn taċ-ċittadini. Il-pjan direzzjonali lejn l-elezzjonijiet u s-sħubija bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tal- UE ġew diskussi llum fil-Bureau tal-KtR mal-Viċi President għall-Komunikazzjoni - u l-President tal-KtR - Ramón Luis Valcárcel Siso. Id-dibattitu ġie segwit mill-adozzjoni tal- Pjan ta’ Komunikazzjoni tal-KtR għall-2018 , li jitfa’ l-elezzjonijiet Ewropej fiċ-ċentru tal-istrateġija tiegħu.
L-Unjoni Ewropea qed tiżviluppa strateġija ta’ komunikazzjoni biex tiżgura li dawk li jivvutaw huma konxji li r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2019 ser jikkontribwixxu biex jissawwar il-futur tal-UE. L-MEPs għamluha ċara li l-kampanja ser tkun mhux biss kampanja mmexxijja mill-Parlament Ewropew, iżda “kampanja tal-Unjoni Ewropea” li tibni fuq il-kooperazzjoni interistituzzjonali u tagħmel użu minn sinerġiji fil-livelli kollha tal-gvern. Bħala l-livell ta’ gvern li għandu l-ogħla livell ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu kruċjali biex jimmobilizzaw lil dawk li jivvutaw u jqajmu l-kuxjenza dwar x’hemm involut fl-elezzjonijiet tal-2019.
"Aħna nilqgħu l-impenn tal-Parlament Ewropew biex l-elezzjoni tal-2019 tkun elezzjoni tal-“Unjoni Ewropea” . Ir-riżultati ser jiffurmaw il-futur tal-Unjoni tagħna. Huwa dmir kollettiv tagħna li niżguraw li l-persuni kollha li jivvutaw huma konxji dwar x’hemm involut u xi rwol l-Ewropa għandha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Filwaqt li nibnu fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni tagħna, ninsabu kuntenti ferm li aħna sieħeb fil-kampanja u ser ninkoraġixxu lill-membri tagħna biex jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom jesprimu l-opinjoni tagħhom ", qal il-President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz “Il-membri kollha tagħna jistgħu jimmobilizzaw lil dawk li jivvutaw u jżidu l-għadd ta’ nies li joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. Bħala politiċi eletti, jistgħu jagħmlu l-konnessjonijiet bejn x’jiġri fil-kostitwenzi tagħhom u x’hemm involut għall-Ewropa, b’hekk isir kontribut sinifikanti biex iċ-ċittadini jerġgħu jersqu qrib tal-Ewropa fid-dibattiti qabel l-elezzjonijiet”, huwa żied jgħid.
L-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew tirrikonoxxi l-importanza ta’ “ninvestu fil-livell lokali” permezz ta’ “kampanja deċentralizzata u lokalizzata”. Il-Parlament qed jippjana li jagħżel il-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni li “jintlaqgħu l-aktar fl-ambjent lokali”, sabiex jgħinu jiġu komunikati l-messaġġi lokalizzati, ibbażati fuq l-oriġini u l-interessi taċ-ċittadini.
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Ramón Luis Valcárcel Siso, qal: "Jeħtieġ li jinbidel il-mod kif taħdem l-Ewropa u l-mod kif tikkomunika. L-Ewropa tista’ biss tħares ’il quddiem billi tuża r-riżorsi tagħha u taħdem fi sħubija li hija r-raġuni għala ninsab kuntent li l-Kumitat ser ikun sieħeb fl-appoġġ tal-kampanja tal-elezzjoni Ewropea billi jisma’ u jitkellem fil-livell lokali. Jeħtieġ li kollha kemm aħna naħdmu sabiex nispjegaw x’inhi l-UE u għalfejn din hija sinifikanti: min jista’ jagħmel dan aħjar mis-sindki, il-presidenti reġjonali jew il-kunsilliera fil-komunitajiet tagħhom? L-allinjament tal-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħna huwa pass sinifikanti lejn il-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta’ sensibilizzazzjoni tagħna li jeħtieġ li jitkompla fil-futur. "
Il-KtR jadotta l-Pjan ta’ Komunikazzjoni tiegħu għall-2018 “Naħdmu fi sħubija għal Ewropa lokali”
Il-Bureau tal-KtR adotta l-Pjan ta’ Komunikazzjoni tiegħu għall-2018, li jressaq numru ta’ azzjonijiet immirati lejn li jingħaqad mal-Parlament Ewropew u l-istituzzjoniiet l-oħra tal-UE, li jinkludi l-adozzjoni tal-opinjoni tal-KtR dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa f’Ottubru 2018, u t-tħejjija tat-8 Summit tar-Reġjuni u l-Bliet tal-KtR li ser isir fir-rebbiegħa tal-2019. Dawn iż-żewġ avvenimenti ser jinkwadraw l-isforzi tal-KtR biex jikkontribwixxi għall-kampanja, filwaqt li numru ta’ attivitaijiet ikkonċentrati fuq li jingħaqdu l-isforzi fil-livell lokali sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini matul il-kampanja tal-elezzjoni Ewropea.
Il-KtR ser jimplimenta l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tiegħu permezz ta’ tliet kampanji mibnija fl-isfond tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, il-baġit tal-UE wara l-Brexit u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019:
• Kampanja 1: ir-reġjuni, il-bliet u l-awtoritajiet lokali jaħdmu għall-futur tal-Ewropa
Din il-kampanja tibni fuq l-inizjattiva li għaddejja bħalissa “Nirriflettu dwar l-Ewropa” u ser ikollha l-għan li tippreżenta l-interessi lokali u reġjonali fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, b’mod partikolari tikkontribwixxi għall-Opinjoni tal-KtR li għandha tiġi adottata fl-2018. Aktar minn 150 Djalogu taċ-Ċittadini għandhom isiru sal-aħħar tal-2017 madwar ir-reġjuni u l-bliet Ewropej u ser ikomplu fl-2018 billi jikkontribwixxu għall-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej. Stħarriġ onlajn u applikazzjoni ddedikata li jinkludu sett ta’ mistoqsijiet dwar il-futur tal-politiki tal-UE qed jintużaw ukoll biex jiġbru l-feedback taċ-ċittadini matul l-avvenimenti lokali u d-djalogi taċ-ċittadini. Aktar minn 11.000 persuna li wieġbu ġew reġistrati s’issa.
B’mod parallel, il-KtR ikkummissjona studju pan-Ewropew mil-London School of Economics li jfittex il-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-futur tal-Ewropa u r-rwol li jixtiequ jkollhom f’Unjoni mġedda. Skont ir-riżultati preliminari, maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu jaqblu li l-ogħla prijorità għandha tkun li ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba tal-integrazzjoni tal-UE.
• Kampanja 2: Ninvestu fit-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fir-reġjuni, il-bliet u l-awtoritajiet lokali
L-għan hu li jkun żgurat l-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fin-negozjati dwar il-baġit futur tal-UE u d-dibattitu relatat mal-inċertezzi li jirriżultaw mill-fatt li r-Renju Unit ser jitlaq mill-UE sa Marzu tal-2019. Baġit imnaqqas tal-UE u l-adozzjoni mdewma tal-finanzjament tal-UE wara l-2020 ser ikollhom konsegwenzi severi għall-investiment pubbliku fil-livell reġjonali u lokali.
L-aktar attivitajiet importanti tal-komunikazzjoni ser jinvolvu l-bini ta’ koalizzjonijiet b’firxa kbira ta’ partijiet ikkonċernati biex tkun żgurata adozzjoni f’waqtha ta’ finanzjament mill-UE b’saħħtu, effettiv u semplifikat wara l-2020. Il-#CohesionAlliance hija koalizzjoni ta’ dawk li jemmnu li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tkompli tkun pilastru fil-futur tal-UE, ser titkompla fl-2018 u ser isservi bħala bażi għal dawn l-attivitajiet. Sal-lum 80 organizzazzjoni u aktar minn 700 partitarji individwali, inklużi l-membri tal-KtR, l-assoċjazzjonijiet ewlenin Ewropej tal-bliet u r-reġjuni, MEPs u Ministri tal-gvern, isejħu biex il-baġit tal-UE wara l-2020 jagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha, aktar effettiva u disponibbli għal kull reġjun fl-UE.
• Kampanja 3: Ir-reġjuni, il-bliet u l-awtoritajiet lokali tal-UE bħala aġenti tal-bidla
Ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa huma postijiet ta’ tibdil u innovazzjoni. Iċ-ċittadini jistennew li r-rappreżentanti lokali u reġjonali tagħhom jipprovdu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum, bħal dawk imqajma mill-globalizzazzjoni, l-integrazzjoni tal-migranti, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-enerġija, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-bidla demografika. Din il-kampanja ser tiffoka fuq it-tisħiħ fit-tfassil tal-politika tal-UE bbażat fuq l-evidenza lokali fl-oqsma bħall-azzjoni dwar il-klima, l-iżvilupp sostenibbli u soċjetajiet inklużivi.
Kuntatt:
Nathalie Vandelle
Tel. +32 (0)2 282 2499
nathalie.vandelle@cor.europa.eu