Il-membri jipparteċipaw fil-laqgħat tal-KtR, bħas-sessjonijiet plenarji, il-laqgħat tal-kummissjonijiet u l-laqgħat tal-gruppi politiċi, li fil-biċċa l-kbira tal-każi jsiru fi Brussell, għalkemm minn daqqiet isiru xi mkien ieħor. Xi drabi, il-membri huma awtorizzati wkoll jipparteċipaw f’laqgħat li mhumiex organizzati mill-KtR iżda li huma ta’ interess partikolari għall-ħidma tiegħu.
Mal-preżentazzjoni tad-dokumenti ġustifikattivi, il-membri jiġu rimborżati għall-ispejjeż reali tal-biljetti tat-trasport tagħhom biex jattendu dawn il-laqgħat, sal-ammont għall-klassi business għat-trasport bl-ajru u għall-ewwel klassi għall-ivvjaġġar bil-ferrovija jew bil-baħar. Jekk jivvjaġġaw bil-karozza, il-membri jiġu rimborżati skont rata fissa ta’ EUR 0,30 għal kull kilometru. Għall-konvenjenza tagħhom, il-membri jistgħu jibbukkjaw il-biljetti tat-trasport tagħhom permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-KtR, f’liema każ il-KtR jħallas direttament għalihom.
Minbarra r-rimborż tal-ispejjeż tat-trasport tagħhom, il-membri jirċievu indennizz fiss għal-laqgħat ta’ EUR 340 għal kull ġurnata ta’ laqgħa biex ikopru l-ispejjeż kollha tagħhom fil-post tal-laqgħa (fil-biċċa l-kbira Brussell), bħal ikliet, tariffi tal-lukandi, eċċ. Dan l-indennizz iqis il-prezzijiet relattivament għoljin tal-akkomodazzjoni fi Brussell fil-jiem tax-xogħol.
Il-membri jirċievu wkoll indennizz fiss għall-ivvjaġġar li jkun ibbażat fuq id-distanza totali tal-vjaġġ u li jkopri l-ispejjeż kollha matul il-vjaġġ. Dawn jinkludu, pereżempju, pedaġġi jew vinjetti tal-awtostrada, it-trasport pubbliku fi Brussell, tariffi għall-parkeġġ fl-ajruport jew fl-istazzjon tal-ferrovija tal-punt tat-tluq, l-ikliet, ix-xarbiet jew il-ħlasijiet addizzjonali f’lukandi matul il-vjaġġ jew f’każ ta’ soġġorn itwal fil-post tal-laqgħa. Dan l-indennizz jitħallas biss meta d-distanza tal-vjaġġ taqbeż il-200 km u jammonta għal EUR 185 għal kull unità ta’ referenza (pagament wieħed għal kull vjaġġ bir-ritorn).
Għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tqis li l-użu ta’ sistema ta’ indennizz fiss, li hija prattika komuni fl-istituzzjonijiet tal-UE, tirriżulta minn sforz biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi inerenti f’sistema li tinvolvi l-verifika ta’ kull element individwali ta’ spiża u għalhekk tirrappreżenta amministrazzjoni tajba (sentenza tal-15 ta’ Settembru 1981 fil-kawża C-208/80, Lord Bruce of Donington ).
In-nefqa kollha msemmija hawn fuq hija koperta mill-baġit tal-UE u tiġi awditjata kif dovut.
Laqgħat mill-bogħod matul il-pandemija tal-COVID-19
Il-KtR adotta għadd ta’ miżuri temporanji biex jiżgura l-kapaċità operattiva tal-KtR matul il-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari r-rwol konsultattiv tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jevita r-riskji għas-saħħa tal-membri u l-persunal. Għal dan il-għan, laqgħat mhux essenzjali ġew ikkanċellati u laqgħat essenzjali bħal dawk tal-korpi kostitwenti tal-KtR, sa fejn hu possibbli, isiru mill-bogħod bl-użu ta’ mezzi elettroniċi (f’ċerti każijiet laqgħat ibridi jsiru ma’ grupp ta’ membri li jinsabu flimkien fl-istess post fiżiku). F’dawn iċ-ċirkostanzi speċjali fejn il-biċċa l-kbira tal-membri qed jaħdmu minn djarhom, il-KtR iħallashom indennizz fiss għall-parteċipazzjoni f’laqgħa mill-bogħod ta’ EUR 200 għal kull jum ta’ laqgħa biex ikopru l-ispejjeż ġenerali u tal-uffiċċju tagħhom fit-tħejjija għal-laqgħat u l-parteċipazzjoni fihom.
Regoli ewlenin fis-seħħ
Ir-Regolament Nru 8/2017 dwar ir-rimborż ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u l-ħlas tal-indennizzi fissi għall-ivvjaġġar u l-laqgħat għall-membri u s-sostituti (PDF)
Ir-Regolament Nru 20/2020 li jemenda r-Regolament Nru 8/2017 (PDF)
Ir-Regolament Nru 3/2021 dwar il-ħlas ta’ indennizz fiss għall-parteċipazzjoni f’laqgħa mill-bogħod għall-membri, l-esperti u l-kelliema (PDF)
Id-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar l-aġġustament annwali tal-indennizzi pagabbli lil persuni li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni