Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-KtR  

Fil-5 ta' Diċembru 2019, matul il-137 sessjoni tal-Assemblea Plenarja tiegħu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) adotta Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tiegħu. Dan il-kodiċi ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jorbot lill-KtR.

Taqsimiet

Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-KtR huwa bbażat fuq kodiċijiet simili li diġà huma fis-seħħ f'istituzzjonijiet oħra tal-UE iżda jqis ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-KtR, li l-membri tiegħu mhumiex remunerati u jew għandhom mandat elettorali reġjonali jew lokali jew huma politikament responsabbli quddiem assemblea eletta.

Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-KtR jinkludi prinċipalment l-elementi li ġejjin:

  • ​L-obbligu għall-membri li jeżerċitaw id-dmirijiet allokati lilhom b'indipendenza, imparzjalità, integrità, trasparenza, dinjità u rispett għad-diversità.
  • Regoli biex jiġu evitati kunflitti ta' interess, inkluż l-obbligu għall-membri li jew jibagħtu lill-KtR il-ħolqa għad-dikjarazzjoni pubblika tal-interessi finanzjarji li kienu ssottomettew preċedentement fil-livell nazzjonali jew sottonazzjonali jew, fin-nuqqas ta' dikjarazzjoni bħal din, li jippreżentaw dikjarazzjoni bl-użu tal-formola inkluża fl-Appendiċi tal-Kodiċi. F'kull każ, il-KtR jippubblika l-informazzjoni li jirċievi.
  • Limiti fuq l-aċċettazzjoni ta' rigali jew benefiċċji: il-membri m'għandhomx jaċċettaw dawk b'valur li jkun aktar minn EUR 100; 'il fuq minn dan il-limitu, il-membri jistgħu jaċċettawhom biss jekk jgħadduhom lill-istituzzjoni.
  • Regoli mmirati biex jiżguraw li l-membri jġibu ruħhom b'mod xieraq u b'rispett lejn il-membri l-oħra u l-persunal. Id-definizzjonijiet ta' fastidju psikoloġiku u sesswali fir-Regolamenti tal-Persunal (li japplikaw għall-membri tal-persunal) huma inkorporati fil-Kodiċi.
  • Fir-rigward tal-infurzar, il-Kodiċi jistabbilixxi proċedura fil-każ ta' allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu minn membru u numru ta' sanzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-osservanza tiegħu. Id-Deċiżjoni finali tittieħed mill-President, assistit mis‑Segretarju Ġenerali, wara li jkun sema' lill-membru kkonċernat. Fil-każ ta' allegat fastidju ta' membru tal-persunal minn membru tal-KtR, minħabba l-gravità tar-reat potenzjali, il-proċedura hija ħafna aktar dettaljata u tinkludi inkjesta minn Bord Konsultattiv dwar il-Fastidju.

Il-membri tal-KtR huma soġġetti wkoll għall-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jesiġi li jwettqu dmirijiethom b'mod indipendenti u fl-interess ġenerali tal-Unjoni.


Dokumenti

Ikkondividi :
 
Back to top