Is-suq uniku tal-UE nħoloq aktar minn 25 sena ilu u ilu l-pedament tal-iżvilupp ekonomiku tal-UE minn dakinhar 'l hawn. Huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE u huwa fil-qalba tal-integrazzjoni ekonomika u politika tal-UE.
Is-suq uniku laħaq livell għoli ta' integrazzjoni ekonomika f'dak li issa huwa l-akbar suq kombinat fid-dinja u dan diġà kien ta' benefiċċju sostanzjali għall-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll għall-bliet u r-reġjuni tagħhom.
Madankollu,
iċ-ċittadini u l-intraprendituri jkomplu jesperjenzaw ostakli li ma jħalluhomx jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku u qed jitfaċċaw ostakli ġodda. Kieku l-ostakli li fadal ġew eliminati u l-liġijiet Ewropej eżistenti ġew applikati b'mod effettiv, is-suq uniku xorta jista' jħalli benefiċċji addizzjonali sostanzjali għall-ekonomija tal-UE u għaċ-ċittadini.
Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi dan u matul is-snin ħadet għadd ta' inizjattivi biex tindirizza dawn l-ostakli kif ukoll ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku. Fl-10 ta' Marzu 2020, hija ppubblikat żewġ
Komunikazzjonijiet dwar is-Suq Uniku li jkomplu dawn l-isforzi li għaddejjin bħalissa.
L-ewwel waħda hija intitolata
L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku, u tidentifika firxa wiesgħa ta' ostakli fis-suq uniku mill-perspettiva tan-negozji u l-konsumaturi tal-Ewropa. Tindika l-kawżi ewlenin ta' dawn l-ostakli: regoli nazzjonali restrittivi u kumplessi, kapaċitajiet amministrattivi limitati, traspożizzjoni imperfetta tar-regoli tal-UE u l-infurzar inadegwat tagħhom.
It-tieni waħda hija intitolata
Pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku. Dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa r-riżultat ta' proċess li nbeda f'Marzu 2019 mill-Kunsill Ewropew. Fih aktar minn 20 miżura għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
Iż-żewġ Komunikazzjonijiet huma parti mill-pakkett ta' politika tal-Kummissjoni biex jgħinu lill-industrija tal-Ewropa tmexxi t-transizzjonijiet doppji lejn in-newtralità tal-klima u t-tmexxija diġitali. Il-Pakkett dwar il-Politika Industrijali u l-Istrateġija dwar l-SMEs ser ikunu s-suġġett ta' żewġ Opinjonijiet separati tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR).
Il-Komunikazzjonijiet dwar is-Suq Uniku msemmija hawn fuq ser ikunu s-suġġett ta'
Opinjoni ġdida apposta tal-KtR, li għaliha l-Kummissjoni ECON ħatret lil
Tadeusz Truskolaski (AE/PL), Sindku ta' Białystok, bħala r-relatur.
L-Opinjoni hija skedata li tiġi adottata fil-laqgħa tal-Kummissjoni ECON tal-24 ta' Ġunju 2020 u fis-sessjoni plenarja tat-12/14 ta' Ottubru 2020.
Permezz ta' din il-konsultazzjoni bil-miktub, is-Sur Truskolaski jixtieq jikkonsulta lill-partijiet interessati rilevanti u jiġbor il-kontribut tagħhom biex jiġu esplorati l-kwistjonijiet li ġejjin:
Mistoqsijiet:- Taħseb li l-Kummissjoni Ewropea identifikat l-ostakli rilevanti kollha għas-suq uniku u tistabbilixxi l-prijoritajiet it-tajba fil-Komunikazzjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar is-Suq Uniku? Jekk le, x'hemm nieqes u għaliex?
- Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra proposti leġislattivi ġodda biex tindirizza l-ostakli tas-suq uniku u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku? Jekk iva, liema tipi ta' inizjattivi għandhom jiġu previsti?
- Kif nistgħu nipproteġu aħjar is-suq uniku minn attivitajiet ekonomiċi inġusti minn gvernijiet u entitajiet minn pajjiżi terzi? Kif nistgħu nipproteġu aħjar is-suq uniku kontra d-dumping fis-suq dinji?
Inti ġentilment mistieden/mistiedna tikkontribwixxi għal din il-konsultazzjoni billi tibgħat it-tweġibiet tiegħek għat-tliet mistoqsijiet ta' hawn fuq, jew kwalunkwe kumment addizzjonali, lil
econ@cor.europa.eu mhux aktar tard mit-3 p.m. tal-20 ta' Mejju 2020.
Jekk jogħġbok ħu nota li s-Sur Truskolaski u t-tim tiegħu huma disponibbli għal laqgħat u skambji onlajn fuq talba u meta jkun xieraq.
Dejjem tiegħek,
Is-segretarjat tal-ECON