Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Konsultazzjoni bil-miktub tal-partijiet interessati: Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa  

​RIVEDUT

L-Ewropa minn dejjem kienet il-ġabra tal-industrija. Matul l-istorja tagħha, hija wriet il-kapaċità tagħha li tmexxi l-bidla. Illum, l-industrija fl-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma’ ħtieġa għal tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni, li qed ikollhom dejjem aktar impatt fuq l-oqsma kollha ta’ politika. Il-Komunikazzjoni COM(2020) 102 final dwar Strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tindirizza dawn l-isfidi. L-istrateġija għandha l-għan li tixpruna l-kompetittività tal-Ewropa u l-awtonom​ija strateġika tagħha fi żmien ta’ instabbiltà ġeopolitika u żieda fil-kompetizzjoni globali.

Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tindirizza tliet prijoritajiet ewlenin: l-ewwel, li jinżammu l-kompetittività globali tal-industrija Ewropea u l-kundizzjonijiet ekwi internament u globalment; it-tieni, li l-Ewropa ssir newtrali għall-klima sal-2050; u t-tielet, li jissawwar il-futur diġitali tal-Ewropa. L-istrateġija teżamina l-ixpruni ewlenin tat-trasformazzjoni industrijali tal-Ewropa u tipproponi sett komprensiv ta’ azzjonijiet futuri.

Minkejja li tirrikonoxxi r-rilevanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Komunikazzjoni ma tagħtihomx l-importanza li jistħoqqilhom. Dan ġie deskritt fl-Opinjoni tal-KtR dwar Approċċ ibbażat fuq il-post (adottata fis-26-27 ta’ Ġunju 2019, relatur: Jeanette Baljeu (NL/RE)), fejn il-KtR jenfasizza r-rwol importanti tal-livell lokali u reġjonali fl-istrateġija industrijali u r-rwol essenzjali tagħhom biex jinkiseb approċċ ibbażat fuq il-post.

Il-KtR:

  • jinnota li approċċ ibbażat fuq il-post jeħtieġ netwerks u raggruppamenti ta’ kooperazzjoni li jaħdmu sew; jenfasizza wkoll li l-kooperazzjoni interreġjonali tagħhom hija kruċjali sabiex jiġu żviluppati sinerġiji u tintlaħaq massa kritika fil-koinvestiment għall-użu tal-innovazzjoni fil-ktajjen tal-valur industrijali madwar l-Ewropa;
  • jenfasizza li l-gvernijiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni biex jistabbilixxu b’mod attiv il-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali meħtieġa;
  • jappella għal appoġġ imsaħħaħ tal-UE għall-ekosistemi u r-raggruppamenti reġjonali fil-qafas tal-Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni;
  • jemmen li l-kollaborazzjoni pan-Ewropea u interreġjonali għandha rwol importanti biex jintlaħaq il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

L-istrateġija ġiet ippubblikata qabel ma deher ċar li l-pandemija tal-COVID-19 kien ser ikollha effetti negattivi bħal dawn fuq l-industrija kollha kemm hi; għalhekk, ma ssemmi l-ebda impatt potenzjali tal-kriżi u minħabba dan, jista’ jkun li jkollha tiġi adattata/riveduta.

Il-KtR ser jadotta Opinjoni dwar Strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa abbażi tad-dokument tal-Kummissjoni dwar Strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa, probabbilment fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-1-2 ta’ Lulju 2020, bir-relatur tkun Jeanette Baljeu (NL/RE).

Is-Sinjura Baljeu tixtieq tesplora għadd ta’ kwistjonijiet flimkien miegħek permezz ta’ konsultazzjoni bil-miktub li aħna, il-Kumitat tar-Reġjuni, ser niffaċilitaw. Il-konsultazzjoni tiffoka fuq il-mistoqsijiet li ġejjin li s-Sinjura Baljeu tixtieqek twieġeb tibgħat ittra elettronika lil econ@cor.europa.eu qabel it-14 ta’ Mejju 2020.

Mistoqsijiet:

Ir-relatur tixtieq tiġbidlek l-attenzjoni għas-suġġetti li ġejjin li fuqhom hija strutturata L-Istrateġija industrijali ġdida għall-Ewropa:

  1. In-newtralità klimatika – it-tranżizzjoni ekoloġika
  2. It-tmexxija diġitali – it-tranżizzjoni diġitali
  3. Il-kompetittività globali

Ir-relatur għandu dawn il-mistoqsijiet:

  1. X’għandu jkun il-fokus tal-iżvilupp tal-ekosistemi industrijali Ewropej, inkluż fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19?
  2. Fil-fehma tiegħek, il-KE għandha tadatta r-regoli tal-kompetizzjoni u l-qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda u tal-iżviluppi reċenti fis-suq globali? Jekk iva, tista’ tagħtina eżempju?
  3. Kif tista’ tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-Istrateġija Industrijali l-ġdida? X’jista’ jkun ir-rwol tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni f’dan?
  4. Fil-fehma tiegħek x’hemm bżonn biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta globalment u fis-suq intern tal-UE?
  5. Xi rwol għandhom jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Patt tal-Ħiliet sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni diġitali inklużiva tal-Industrija?
  6. Taħseb li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-prijoritajiet it-tajba? X’għandu jiġi enfasizzat aktar? X’hemm nieqes?

 


Contact:
Contact Person: Claudia Moser
Organizer: ECON Secretariat
Ikkondividi :