Press release29.06.2018 | Cohesion policy reform;Migration, asylum and integration of migrants;Climate change policy;
Il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE ser jiltaqgħu fi Brussell fl-4 u l-5 ta’ Lulju biex jiddiskutu l-kwistjonijiet li huma l-aktar importanti għar-reġjuni u l-bliet. Fl-ewwel jum tal-plenarja tiegħu, mexxejja mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ser jingħaqdu mal-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) biex jipproponu kif għandha tinħoloq Ewropa innovattiva, sostenibbli u inklużiva. L-għada, u ftit żmien wara li l-UE żiedet il-miri tagħha għall-enerġija u l-klima għall-2030, Miguel Arias Cañete, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, il-Mibgħut Speċjali tal-Polonja għat-Tibdil fil-Klima u l-mexxejja tal-bliet ta’ Bonn (ospitant tat-taħdidiet dwar il-klima tal-COP 23) u Katowice (l-ospitant tal-COP24) ser imexxu d-diskussjonijiet dwar dak li l-UE trid tagħmel biex tirrispetta l-impenji tagħha li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima. Ser jitħabbru wkoll ir-rebbieħa tal-Premju “Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” għall-2019 u jiġu ċċelebrati dawk ir-reġjuni li għandhom l-aktar strateġiji intraprenditorjali ta’ suċċess fl-Ewropa. Il-membri tal-KtR ser jiffokaw l-attenzjoni wkoll fuq tnejn mill-aktar kwistjonijiet lokali u reġjonali urġenti –– il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-politika reġjonali –– u jiddiskutu l-pjani tal-Awstrija għall-Presidenza tal-UE li jmiss tagħha għal perjodu ta’ sitt xhur.