Reġjuni li qed jiksbu riżultati  

 

Il-kampanja Reġjuni u Bliet għall-Iżvilupp hija parti mill-kontribuzzjoni mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex jiżgura li jintlaħaq il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs). Il-kampanja tiffoka fuq il-ħidma ta’ bliet u reġjuni impenjati għall-pjan ta’ azzjoni ta’ 15-il sena tan-NU “għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità”. Tenfasizza l-virtujiet ta’ kontribuzzjonijiet minn isfel għal fuq għall-isfidi globali. Targumenta wkoll favur bidliet fil-politika fil-livell tal-UE u f’dak globali li jagħtu s-setgħa lill-komunitajiet, il-bliet u r-reġjuni huma u jaħdmu biex isibu soluzzjonijiet lokali adatti għal pressjonijiet internazzjonali.


Skont l-Għan 11 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU – biex il-bliet u r-reġjuni jkunu “inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli” – il-kampanja #Regions4Dev tiffoka fuq:

  • Sostenibbiltà: azzjoni biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, iżda wkoll speċifikament għall-iżvilupp ta’ ekonomija iżjed ekoloġika u ekonomija ċirkolari
  • Reżiljenza: azzjoni mill-bliet u r-reġjuni sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u nadattaw għalih
  • Sikurezza: azzjoni tal-bliet u r-reġjuni tal-UE għall-istabilizzazzjoni tal-viċinat tal-UE u l-iżvilupp ta’ diplomazija tal-bliet
  • Soċjetajiet inkużivi: azzjoni biex il-bliet u r-reġjuni jsiru aktar inklużivi għan-nisa, it-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u dawk li għadhom kemm waslu.


Għaliex #Regions4Dev?

L-isfidi globali jeħtieġu azzjoni fuq livell lokali – mir-reġjuni, il-bliet u komunitajiet lokali. Mingħajr tmexxija mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-dinja mhijiex ser tilħaq l-objettiv tagħha li t-tibdil fil-klima jinżamm taħt 1.5 gradi Celsius. Il-bliet u r-reġjuni qed jiġu mġiegħla jieħdu azzjoni, minħabba li dawn isibu ruħhom fuq quddiem nett tal-bidliet soċjali u ekonomiċi li qed jinfirxu madwar id-dinja – fejn u kif il-popolazzjonijiet jgħixu, jaħdmu u jiżviluppaw. Ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali qed jagħżlu li jieħdu l-inizjattiva, ifitxxu soluzzjonijiet li jippermettu lill-komunitajiet tagħhom ilaħħqu mal-bidliet b’mod sostenibbli. Barra minn hekk, qed imorru pass lil hinn billi jissawru alleanzi internazzjonali u jistabbilixxu sħubijiet ma’ komunitajiet f’pajjiżi barranin.

Il-ħtieġa li naħsbu globalment u naġixxu lokalment ġiet rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u l-Aġenda tal-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli.

F’ħafna oqsma, madankollu, il-potenzjal tar-reġjuni u l-bliet – bħala katalisti favur il-bidla, u bħala forzi ta’ stabilizzazzjoni – għad irid jiġi rikonoxxut mill-gvernijiet nazzjonali u fil-livell internazzjonali. Ir-reġjuni u l-bliet saru atturi fix-xena internazzjonali. #Regions4Dev ser jgħin biex jintwera r-rwol li diġà qed jaqdu.

Tiġi katalizzata l-bidla

  • Id-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla u r-reazzjonijiet tagħna jeħtieġ li jkunu rapidi, b’azzjoni f’kull livell ta’ gvern
  • Ingħaqad mal-inizjattiva ta' Nikosija – sħubijiet bejn il-pari ma' bliet Libjani
  • Ingħaqad mal-inizjattiva tal-Ukrajna – sħubijiet bejn il-pari ma' bliet u reġjuni Ukreni
  • Ingħaqad mal-Patt Dinji tas-Sindki għall-Klima & l-Enerġija – inizjattiva minn isfel għal fuq li bdiet fl-Ewropa u saret moviment globali fl-2016   
  • Ingħaqad mas-Sindki għat-Tkabbir Ekonomiku – opportunità għall-bliet u r-reġjuni fis-Sħubija tal-Lvant biex jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom bl-appoġġ tal-UE
  • Agħti l-appoġġ lill-bliet u r-reġjuni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw – sħubijiet bejn il-pari fir-reġjuni jistgħu jiġu negozjati mill-KtR u l-Kummissjoni Ewropea