Ingħaqad mal-komunità tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ! 

Programm Politiċi Eletti Żgħażagħ 2023 

Inti politiku b’mandat fil-livell lokali jew reġjonali fl-UE, u twelidt wara l-1 ta’ Jannar 1983? Qed tfittex opportunitajiet ta’ networking, ta’ skambju tal-aħjar prattiki, ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE? Tixtieq tkun involut/a fil-ħidma tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u tiltaqa’ u tiddibatti mal-membri tal-KtR u ma’ politiċi lokali, reġjonali u Ewropej oħra? Nistednuk tapplika biex tingħaqad man-network tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ!

Hawn taħt issib id-dettalji kollha dwar il-Programm Politiċi Eletti Żgħażagħ 2023 u l-applikazzjoni li għandha tintbagħat sal-10 ta’ April 2023.

Taqsimiet

Min?

Tista’ tapplika jekk inti:

  • ġejt elett/a b’vot universali dirett fil-livell reġjonali jew lokali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż kandidat tal-UE;
  • twelidt wara l-1 ta’ Jannar 1983;
  • ma għandekx mandat bħala membru jew sostitut/a tal-KtR;
  • għandek livell tajjeb ta’ Ingliż;
  • timla l-formola tal-applikazzjoni u tibagħtha sa mhux aktar tard mill-10 ta’ April 2023.

Il-kandidati se jintgħażlu abbażi tal-kwalità tal-formola tal-applikazzjoni tagħhom u b’mod li jiġi żgurat bilanċ f’termini ta’ ġeneru, rappreżentanza reġjonali u lokali, affiljazzjoni politika u nazzjonalità.

Se jiġu kkunsidrati biss l-applikazzjonijiet bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

Għaliex għandek tapplika?

  • tibni network ma’ politiċi eletti żgħażagħ minn bnadi oħra fl-UE u ma’ politiċi oħra fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;
  • taqsam l-aħjar prattiki ma’ politiċi lokali u reġjonali oħra permezz tal-pjattaforma YEPcommunity.eu;
  • tifhem l-opportunitajiet offruti mill-UE għaż-żoni lokali u reġjonali;
  • titkellem f’isem ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-UE fil-proċess leġiżlattiv Ewropew;
  • tikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika tal-UE;
  • tikseb viżibbiltà akbar fiċ-ċrieki Ewropej.

Barra minn hekk, il-politiċi eletti żgħażagħ magħżula se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’diversi attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mal-programm.

X’joffri l-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ?

Il-programm huwa strutturat madwar tliet suġġetti.

1. Kapitlu ġdid għad-demokrazija tal-UE

Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ se jgħinek tibni rabtiet bejn il-belt u r-reġjun tiegħek u l-UE. Se jkun ta’ ispirazzjoni dwar kif trawwem id-demokrazija parteċipattiva u se jipprovdilek appoġġ biex issib modi kif tinvolvi liż-żgħażagħ fid-diskussjoni demokratika u fil-ħajja ċivika lokali.

2. L-indirizzar tal-kriżi klimatika u dik tal-enerġija

Taħt dan is-suġġett, il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ se jagħtik għarfien aktar profond dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex tispira lill-oħrajn u tispira ruħek mill-proġetti ta’ politiċi eletti żgħażagħ, membri tal-KtR u politiċi oħra. Se ssir taf ukoll kif tista’ tikkontribwixxi għall-miri tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u n-newtralità karbonika.

3. Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni

Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ se jippermettilek titgħallem dwar l-isfidi u l-opportunitajiet offruti mill-politika ta’ koeżjoni Ewropea. B’mod partikolari se titgħallem dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jispiraw proġetti innovattivi biex jappoġġjaw l-iżvilupp tar-reġjuni tal-UE, u dwar l-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-ideat tagħhom. 

Il-laqgħat huma ppjanati li jsiru bl-Ingliż.

Meta?

Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ 2023 se jdum għaddej sar-rebbiegħa tal-2024, u huma skedati attivitajiet matul is-sena kollha. Xi wħud minnhom huma obbligatorji.

Wara li tieħu sehem tingħata l-istatus ta’ alumnus/alumna u tiġi mistieden/mistiedna għal avvenimenti oħra.

Din hija lista proviżorja ta’ attivitajiet għall-2023. Jekk jogħġbok kun af li d-dati jistgħu jinbidlu.

Attivitajiet/avvenimenti addizzjonali jistgħu jiżdiedu matul is-sena. Inti se tiġi infurmat/a fi żmien debitu.

  • sessjonijiet regolari ta’ networking
  • parteċipazzjoni għal-laqgħat tal-kummissjonijiet u għas-sessjonijiet plenarji tal-KtR
  • parteċipazzjoni f’konsultazzjonijiet pubbliċi
  • 16 ta’ Mejju: laqgħa ta’ merħba – online – obbligatorja
  • Ġunju: sessjoni ta’ taħriġ dwar “Kapitlu ġdid għad-demokrazija tal-UE” – obbligatorja
  • 26-27 ta’ Ġunju: EuroPCom, Konferenza dwar il-Komunikazzjoni Pubblika tal-UE
  • Settembru: sessjoni ta’ taħriġ dwar is-suġġett “Nindirizzaw il-kriżi klimatika u dik tal-enerġija” – obbligatorja
  • 9-12 ta’ Ottubru: il-21 Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, sessjoni tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ – obbligatorja
  • Novembru: sessjoni ta’ taħriġ dwar “Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni” – obbligatorja

Fejn?

L-avvenimenti se jsiru online u fil-KtR fi Brussell. Inti se tiġi infurmat/a fi żmien debitu dwar il-modalitajiet tal-attendenza. 

Kif?

Biex tapplika, trid timla l-formola li ġejja bl-Ingliż jew bil-Franċiż:

Applikazzjoni biex tingħaqad mal-komunità tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ

Kemm?

Ma jingħatawx allowances għall-parteċipazzjoni f’avvenimenti u attivitajiet online.

Fil-każ ta’ avvenimenti li jeħtieġu preżenza fiżika fi Brussell, il-KtR jista’:

  • jagħti rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar;
  • iħallas indennizz fiss tas-sussistenza għal kull żjara, mal-preżentazzjoni ta’ prova ta’ waqfa ta’ lejl fil-post fejn tkun qed issir il-laqgħa.

Ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ħlas tal-indennizz tas-sussistenza jiddependu mill-baġit disponibbli. 

Il-gruppi politiċi tal-KtR huma responsabbli għall-għażla finali tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ għall-programm u għall-avvenimenti li għalihom ir-riżorsi huma limitati.

Kuntatt

Direttorat għall-Komunikazzjoni, Tim tal-Programm Politiċi Eletti Żgħażagħ
Ikkondividi:
 
Back to top