Min?
Tista’ tapplika jekk inti:
- għandek mandat demokratiku bħala politiku elett fil-livell reġjonali jew lokali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea
- twelidt wara l-1 ta’ Jannar 1982
- ma għandekx mandat bħala membru jew sostitut tal-KtR
- għandek livell tajjeb ta’ Ingliż u Franċiż
- timla l-formola tal-applikazzjoni u tibagħtha sa mhux aktar tard mit-8 ta’ April 2022.
Il-kandidati se jintgħażlu abbażi tal-kwalità tal-formola tal-applikazzjoni tagħhom u b’mod li jiġi żgurat bilanċ f’termini ta’ ġeneru, rappreżentanza reġjonali u lokali, affiljazzjoni politika u nazzjonalità.
Għaliex għandek tapplika?
- tibni network ma’ politiċi eletti żgħażagħ minn bnadi oħra fl-UE u ma’ politiċi oħra fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew
- taqsam l-aħjar prattiki ma’ politiċi lokali u reġjonali oħra permezz tal-pjattaforma YEPcommunity.eu
- tifhem l-opportunitajiet offruti mill-UE għaż-żoni lokali u reġjonali
- titkellem f’isem ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-UE fil-proċess leġiżlattiv Ewropew
- tikseb viżibbiltà akbar fiċ-ċrieki Ewropej
Barra minn hekk, il-politiċi eletti żgħażagħ magħżula se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’diversi attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mal-programm.
X’joffri l-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ?
Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ 2022 se jikkontribwixxi għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.
Il-programm huwa strutturat madwar tliet suġġetti. Fil-formola tal-applikazzjoni jeħtieġ li tpoġġi t-tliet suġġetti f’ordni ta’ preferenza.
1. Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini
Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ se jgħinek tibni pontijiet bejn il-belt u r-reġjun tiegħek u l-UE, se jagħtik ideat dwar kif trawwem id-demokrazija, u se jippermettilek issib modi kif tinvolvi liż-żgħażagħ fid-dibattitu demokratiku u fil-ħajja lokali.
2. Nibnu komunitajiet reżiljenti
Taħt dan is-suġġett, il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ se jagħtik għarfien aktar profond dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex tispira lill-oħrajn u tinspira ruħek mill-proġetti ta’politiċi eletti żgħażagħ, membri tal-KtR u politiċi oħra. Se ssir taf ukoll kif tista’ tikkontribwixxi għall-miri tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u n-newtralità karbonika.
3. Il-koeżjoni bħala valur fundamentali
Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ se jippermettilek titgħallem dwar il-finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, tifhem kif il-politika ta’ koeżjoni tista’ tgħin l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 u l-iżvilupp tal-belt u r-reġjun tiegħek, u biex taqsam l-aħjar prattiki ma’ politiċi eletti żgħażagħ u esponenti politiċi oħra.
Il-laqgħat huma ppjanati li jsiru bl-Ingliż u bil-Franċiż fejn possibbli.
Meta?
Il-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ 2022 se jdum għaddej sar-rebbiegħa tal-2023, b’attivitajiet skedati matul is-sena. Xi wħud minnhom huma obbligatorji.
Wara li tieħu sehem tingħata l-istatus ta’ alumnus u tiġi mistieden/mistiedna għal avvenimenti oħra magħżula.
Din hija lista proviżorja ta’ attivitajiet għall-2022. Jekk jogħġbok kun af li d-dati jistgħu jinbidlu.
Attivitajiet/avvenimenti addizzjonali jistgħu jiżdiedu matul is-sena. Inti se tiġi infurmat/infurmata fi żmien debitu.
- sessjonijiet ta’ networking ta’ kull xahar
- parteċipazzjoni għal-laqgħat tal-kummissjonijiet u għas-sessjonijiet plenarji
- parteċipazzjoni f’konsultazzjonijiet pubbliċi.
- 25 ta’ Mejju: laqgħa ta’ merħba – obbligatorja
- 22 ta’ Ġunju: sessjoni ta’ taħriġ dwar “Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini tagħha” – obbligatorja
- Settembru: sessjoni ta’ taħriġ dwar is-suġġett “Nibnu komunitajiet reżiljenti” – obbligatorja
- Settembru: avveniment fil-laqgħa esterna tal-Bureau
- Ottubru: sessjoni ta’ taħriġ dwar il-“Koeżjoni bħala valur” – obbligatorja
- 10-13 ta’ Ottubru: l-20 Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, sessjoni tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ – obbligatorja
- Ottubru/Novembru: Forum tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ
- Novembru: EuroPCom
Fejn?
L-avvenimenti kollha se jsiru online. Skont kif tiżviluppa l-pandemija tal-COVID-19, il-programm jista’ jkun soġġett għal tibdil u l-avvenimenti jistgħu jiġu kkanċellati. Jekk il-parteċipazzjoni fiżika fi Brussell tkun possibbli, tiġi infurmat minn qabel.
Kif?
Biex tapplika, għandek timla l-formola li ġejja:
Applika biex tingħaqad mal-komunità tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ – bl-Ingliż
Applika biex tingħaqad mal-komunità tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ – bil-Franċiż
Kemm?
Ma jingħatawx allowances għall-parteċipazzjoni f’avvenimenti u attivitajiet online.
Fil-każ ta’ avvenimenti li jeħtieġu preżenza fiżika fi Brussell, jekk dawn l-avvenimenti jkunu possibbli, il-KtR jista’:
- jagħti rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar
- iħallas indennizz fiss tas-sussistenza għal kull żjara, mal-preżentazzjoni ta’ prova ta’ waqfa ta’ lejl fil-post fejn tkun qed issir il-laqgħa.
Ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ħlas tal-indennizz tas-sussistenza jiddependu mill-baġit disponibbli. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi stabbilita sistema ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.