L-għanijiet tagħna
Ikklikkja hawn biex taċċessa L-ISTĦARRIĠ!
Madankollu, jekk irridu niżguraw Ewropa sostenibbli, ġusta u b'saħħitha għaċ-ċittadini tagħna, huwa essenzjali li ninvolvu lil kulħadd fl-azzjoni klimatika. Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku se jiddependi ħafna fuq il-kapaċità tal-amministraturi lokali u reġjonali li jimplimentaw il-politiki u joħolqu esperjenzi tal-ogħla livell fl-oqsma tagħhom. Il-Patt Ekoloġiku se jiddependi wkoll fuq il-kapaċità tal-gvernijiet nazzjonali u tal-istituzzjonijiet tal-UE li jifhmu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa u jittrasponuhom b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni, fil-ġestjoni finanzjarja u fl-istrateġiji ta' politika.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) qed iniedi stħarriġ għaliex jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġ li jingħaqdu u jikkollaboraw għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Patt Ekoloġiku. Permezz tal-inizjattiva l-ġdida tiegħu “Grupp ta' Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali" , il-KtR għandu l-għan li jqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, speċjalment fir-rigward tal-irkupru sostenibbli wara l-pandemija.
L-għan ewlieni ta' dan l-istħarriġ huwa li tinġabar informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-membri u tal- Politiċi Eletti Żgħażagħ f' networks u inizjattivi rilevanti, kif ukoll li tiġi ppreżentata informazzjoni rilevanti dwar l-azzjoni u l-impenji fir-rigward tal-klima . L-għan aħħari huwa li tissaħħaħ it-tmexxija tal-membri tal-KtR u l-Politiċi Eletti Żgħażagħ fil-qasam tal-Patt Ekoloġiku b'komunikazzjoni b'saħħitha u fattwali. Il-Profili tal-Patt Ekoloġiku se jippermettu wkoll lill-KtR ifassal il-parteċipazzjoni tal-Membri u jżid is-sinerġiji ma' inizjattivi oħrajn fejn huma involuti l-membri tal-KtR u l-Politiċi Eletti Żgħażagħ. Ladarba jitlestew, il-Profili tal-Patt Ekoloġiku se jiġu inkorporati fl-għodod ta' komunikazzjoni online tal-KtR u jarrikkixxu l-profil pubbliku tal-membri.
Il-KtR jixtieq isaħħaħ il-kapaċità tal-membri tiegħu biex isiru mexxejja fl-azzjoni klimatika u biex jimplimentaw u jisfruttaw bl-aħjar mod il-Patt Ekoloġiku fl-oqsma tagħhom . It-tweġibiet għal dan l-istħarriġ , flimkien mas- sejħa assoċjata għall-Aħjar Prattiki , se jappoġġjaw il- ħolqien ta' networks u sinerġiji fost il-membri u l-Politiċi Eletti Żgħażagħ u jippromovu skambji bejn il-pari biex jaċċelleraw l-azzjoni fuq il-post.
Tista' taċċessa l-istħarriġ tal-KtR għall-iskrinjar tal-membri tal-KtR u tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku billi tuża din il-link .