Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u r-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE 

Bħala l-korp tal-UE li jirrappreżenta l-livell ta’ gvern li huwa l-eqreb taċ-ċittadini, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa impenjat li jaqdi rwol politiku sinifikanti.

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Taqsimiet

​​​​Dwar il-Konferenza

Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini ” hija l-ewwel prijorità politika tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), u l- Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija l-aktar avveniment importanti biex tinkiseb din il-prijorità. Il- pjattaforma diġitali multilingwi tal-Konferenza tippermetti lin-nies jaħdmu flimkien u jiddiskutu l-proposti tagħhom dwar disa’ temi ta’ politika fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Bħala l-korp tal-UE li jirrappreżenta l-livell ta’ gvern l-eqreb taċ-ċittadini, il-KtR huwa impenjat li jaqdi rwol politiku sinifikanti fil-Konferenza permezz tal-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti tiegħu fil- Bord Eżekuttiv u fil- Plenarja tal-Konferenza . Barra minn hekk, se jiġu organizzati aktar minn 120 djalogu maċ-ċittadini lokali u transkonfinali, u l-ideat u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minnhom se jittellgħu fuq il-pjattaforma.

L-għan tad-delegazzjoni tal-KtR fis-sessjonijiet plenarji tal-Konferenza huwa li jintlaħqu l-420 delegat l-oħra biex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-funzjonament demokratiku tal-Unjoni Ewropea u biex tiġi promossa d-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE. Din hija ħarsa ġenerali lejn dak li huwa importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE fir-rigward tad-disa’ temi ta’ diskussjoni tal-Konferenza.

Tibdil fil-klima u l-ambjent

Għaliex huma importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

L-objettiv li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 permezz tal-“ Patt Ekoloġiku Ewropew ” jeħtieġ li jiġi adattat lokalment. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw 70 % tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u 90 % tal-politiki dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. It-territorji tal-UE huma diversi u għalhekk huwa meħtieġ approċċ minn isfel għal fuq sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li tingħata l-flessibbiltà meħtieġa għall-adattament għal ħtiġijiet differenti. Ir-reġjuni u l-bliet jinsabu f’pożizzjoni privileġġjata peress li jaħdmu direttament man-nies u jrawmu l-bidla fl-imġiba taċ-ċittadini lejn is-sostenibbiltà.

X’jirrakkomanda l-KtR?

Il-KtR jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni u l-politiki permezz ta’ Opinjonijiet li jqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet partikolari tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali. Il-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u l-ambjent huma ttrattati mill- Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) . Waħda mit-tliet temi ewlenin tal- prijoritajiet politiċi tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni 2020-2025 hija l-prijorità “Nibnu komunitajiet reżiljenti”. Din hija bbażata fuq inizjattiva reċenti msejħa “ Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali ” – grupp ta’ ħidma magħmul minn tlettax-il rappreżentant elett lokalment u reġjonalment.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/GreenDeal?locale=mt

Saħħa

Għaliex hija importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jorganizzaw u jipprovdu servizz tal-kura tas-saħħa fuq il-post. F’ħafna postijiet, jimmaniġġjaw, jispezzjonaw u jiffinanzjaw ukoll il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-proprjetà. Eżawriti minħabba l-pandemija, dawn l-infrastrutturi u s-sistemi tal-kura tas-saħħa jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex isiru aktar reżiljenti. Dawn huma l-pedament proprju tal- Unjoni Ewropea tas-Saħħa , li fiha l-pajjiżi kollha tal-UE jħejju u jirrispondu flimkien għall-kriżijiet tas-saħħa, fejn il-provvisti mediċi huma disponibbli, affordabbli u innovattivi, u l-pajjiżi kollha jaħdmu flimkien biex itejbu l-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta’ segwitu għall-mard bħall-kanċer.

X’jirrakkomanda l-KtR?

Il-Kumitat jappella għal dibattitu miftuħ dwar l-arkitettura tal-politika tas-saħħa tal-UE. F’konformità mat-talbiet taċ-ċittadini Ewropej, il-Kumitat appoġġa l-baġit awtonomu tal-UE għas-saħħa u rrakkomanda sistemi tas-saħħa reżiljenti għal kriżi. Dan jissarraf fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-manifattura tal-UE kif ukoll fil-bini ta’ ħażniet strateġiċi biex jiġi salvagwardjat l-aċċess għall-mediċini fi żminijiet normali u fi kriżi. Il-Kumitat jixtieq jara progress aktar mgħaġġel fil-prevenzjoni tas-saħħa u s-saħħa elettronika, u jitlob li jsiru bidliet fil-kooperazzjoni fil-kura tas-saħħa transkonfinali sabiex din issir aktar aċċessibbli u reżiljenti bħala element ewlieni tat-tħejjija u r-rispons tar-reġjuni tal-fruntiera.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/Health?locale=mt

Ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi

Għaliex huma importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

Id-disparitajiet bejn u fi ħdan ir-reġjuni u l-bliet tal-UE f’termini ta’ prestazzjoni ekonomika u impjiegi jvarjaw b’mod sinifikanti, u huwa għalhekk li l-Unjoni Ewropea stabbiliet il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi biex tnaqqas dawn id-disparitajiet. Barra minn hekk, l-Ewropa bħalissa qed tesperjenza l-aktar kriżi serja tas-saħħa, ambjentali, ekonomika u soċjali tagħha, li taffettwa t-territorju tal-UE b’mod differenti u tirriskja li tkompli żżid id-disparitajiet eżistenti. Azzjoni fil-livell tal-UE biss mhijiex biżżejjed: il-muftieħ għas-suċċess jinsab f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll f’idejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti fil-livelli kollha. Minħabba r-rwol ċentrali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-twettiq tal-politiki tal-impjiegi u soċjali, huwa essenzjali li tiġi żgurata rappreżentanza adegwata tad-dimensjoni lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

X’jirrakkomanda l-KtR?

B’mod ġenerali, il-KtR jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni u l-politiki permezz ta’ Opinjonijiet li jqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet partikolari tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali. Il-kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja soċjali u l-impjiegi huma ttrattati mill- Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC). Il-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni 2020-2025 jinkludu “Il-Koeżjoni, il-valur fundamentali tagħna” bħala waħda mit-tliet temi ewlenin. Din it-tema hija relatata mal-implimentazzjoni tal- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali , li huwa qasam ta’ prijorità ewlieni għall-Kumitat, u ġie inkluż bħala waħda mill-prijoritajiet tal-programm ta’ ħidma tal-2021. Huwa wkoll ta’ importanza kbira għall-KtR peress li jista’ jiddefinixxi fluss ta’ ħidma ġdid għall-istituzzjonijiet Ewropej, li jmur minn approċċ intergovernattiv lejn proċess Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: Ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi – Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (europa.eu)

L-UE fid-dinja

Għaliex hija importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

Ir-reġjuni u l-bliet huma affettwati mir-relazzjonijiet esterni tal-UE u minn politiki relatati bħall-kummerċ, is-sigurtà, il-migrazzjoni, u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-OECD. Għandhom ukoll sħubijiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali barra l-UE u huma involuti b’mod attiv fil-programmi tal-UE mal-pajjiżi tat-tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-relazzjoni mar-Renju Unit. Il-ħidma tal-KtR u l-Opinjonijiet tiegħu jitrawmu mid-diskussjonijiet u l-interazzjonijiet politiċi fil-korpi konġunti li l-KtR stabbilixxa mal-imsieħba esterni u fi gruppi ta’ ħidma dedikati. Dawn il-korpi jippermettu lill-KtR jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat tal-UE minn perspettiva lokali u reġjonali.

X’jirrakkomanda l-KtR?

Il-KtR jista’ jiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’pajjiżi terzi billi jipprovdi għarfien espert u skambji bejn il-pari biex jappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom u l-governanza f’diversi livelli. Għal dan il-għan, il-KtR jibbaża fuq fora bħall- Kumitati Konsultattivi Konġunti u Gruppi ta’ Ħidma , il- Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) , l- Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l- Grupp ta’ Kuntatt KtR-Renju Unit .

Il-KtR jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/EUInTheWorld?locale=mt

Valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà

Għaliex huma importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’sistema ta’ governanza f’diversi livelli. It-tgawdija aħjar tad-drittijiet għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u hija l-aħjar mod biex tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u jissaħħaħ l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha ta’ governanza. Il-promozzjoni ta’ kultura ta’ rispett għall-istat tad-dritt hija għalhekk responsabbiltà kondiviża fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. Fir-rigward tas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija parti mill-kunċett usa’ tal- Unjoni tas-Sigurtà Ewropea , u r-rwol ewlieni tal-bliet fil-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, pereżempju, huwa enfasizzat mill- Impenn tal-UE dwar is-Sigurtà Urbana u r-Reżiljenza .

X’jirrakkomanda l-KtR?

Il-KtR jissuġġerixxi li r-reġjuni u l-bliet għandhom jiġu involuti fil-promozzjoni ta’ kultura ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali, il-valuri tal-UE u l-istat tad-dritt. B’mod partikolari, huwa essenzjali li tissaħħaħ is-sjieda taż-żgħażagħ ta’ dawn l-elementi li fuqhom hija bbażata l-UE. L-attitudnijiet ċiviċi għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ forom illiberali ta’ populiżmu, filwaqt li l-edukazzjoni tista’ tagħti kontribut pożittiv għall-ġlieda kontra r-riskji ta’ rigressjoni demokratika. Pereżempju, fir-rigward tal-applikazzjoni tal- Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali , l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt fil-livell lokali jista’ jipprovdi gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif ifasslu l-politiki tagħhom, f’konformità sħiħa mal-Karta, u jenfasizzaw l-aħjar prattiki. Eżempju reċenti ieħor huwa l-adozzjoni ta’ Opinjoni tal-KtR dwar Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE .

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/ValuesRights?locale=mt

Trasformazzjoni diġitali

Għaliex hija importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

L-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali jvarja b’mod sinifikanti bejn u anke fi ħdan ir-reġjuni u l-bliet tal-UE. It-trasformazzjoni diġitali hija kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjetali u t-teknoloġiji diġitali saru essenzjali għal kull aspett ta’ ħajjitna. Fl-istess ħin, il-pandemija tal-COVID-19 kixfet qasma diġitali li qed tikber fl-UE, u dan jikkonferma li d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ trasformazzjoni diġitali għandhom impatt importanti fuq il-koeżjoni bejn ir-reġjuni u l-bliet tal-UE.

X’jirrakkomanda l-KtR?

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ilu jippromovi l-kunċett ta’ “koeżjoni diġitali” sa mill-adozzjoni tal-Opinjoni tiegħu dwar Ewropa Diġitali għal Kulħadd fl-2019. Il-koeżjoni diġitali hija meqjusa bħala dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif definit fit-Trattat tal-UE. Il-KtR bħalissa qed jeżamina l-istatus tat-trasformazzjoni diġitali fir-reġjuni tal-UE fir-rigward tad-differenzi li jikkonċernaw l-infrastruttura, l-użu tal-internet u d-disponibbiltà tas-servizzi tal-gvern elettroniku.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/Digital?locale=mt

Demokrazija Ewropea

Għaliex hija importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

It-tisħiħ tal-funzjonament demokratiku tal-UE huwa mod kif jitnieda mill-ġdid il-proġett Ewropew. Ir-reġjuni, il-bliet, il-muniċipalitajiet u aktar minn miljun politiku elett fil-livell sottonazzjonali għandhom rwol importanti biex id-demokrazija Ewropea ssir aktar reżiljenti. Involviment akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit-tfassil tal-politika tal-UE jista’ jqarreb lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini.

X’jirrakkomanda l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni?

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-prinċipji tal-UE tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin u li jitwettqu kontrolli kostanti biex jiġi vverifikat li l-azzjoni fil-livell tal-UE hija ġustifikata fid-dawl tal-possibbiltajiet disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Barra minn hekk, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-KtR jissuġġerixxi li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ssir element permanenti u li jkun hemm akkomunament tal-għarfien espert fir-rigward tal-involviment taċ-ċittadini permezz ta’ network ta’ reġjuni u bliet fl-UE kollha.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/Democracy?locale=mt

Migrazzjoni

Għaliex hija importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

Il-migrazzjoni kellha impatt qawwi fuq ir-reġjuni u l-bliet tal-UE, b’mod partikolari dawk li jinsabu fuq quddiem nett tal-flussi migratorji. Dawn ir-reġjuni u l-bliet ta’ spiss huma responsabbli għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti, billi jipprovdulhom infrastruttura u servizzi vitali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni demografika tar-reġjuni u l-bliet kollha tal-UE, inkluż l-impatt tagħha fuq is-swieq tax-xogħol u s-servizzi pubbliċi, hija importanti, u ser taqdi rwol akbar fil-politiki mwettqa fil-livell lokali u reġjonali.

X’jirrakkomanda l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni?

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jappella għal politika komprensiva dwar il-migrazzjoni fil-livell tal-UE, li tinkludi l-esperjenzi u l-fehmiet tar-reġjuni u l-bliet fit-tfassil u t-twettiq tagħha. Għandha tqis il-kontribut reġjonali u lokali, u tinkludi l-integrazzjoni, proċeduri ta’ ritorn ġust u politiki dwar l-ażil li jkunu kapaċi jirreaġixxu b’mod adegwat għax-xejriet attwali u futuri tal-migrazzjoni. Jeħtieġ ukoll li tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, għal dawk li jeħtieġu protezzjoni umanitarja, filwaqt li tipproteġi l-fruntieri esterni tal-UE.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: https://futureu.europa.eu/processes/Migration?locale=mt

Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport

Għaliex huma importanti għar-reġjuni u l-bliet tal-UE?

L-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tas-soċjetajiet tagħna, kemm jekk billi jinkoraġġixxu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali permezz tal-edukazzjoni, il-fehim reċiproku permezz tal-kultura u l-isport, jew ħajja demokratika aktar inklużiva permezz tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet f’dawn l-oqsma huwa kruċjali u, f’ħafna Stati Membri, huma responsabbli għall-infrastrutturi u s-servizzi rilevanti. Id-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni u l-kultura, il-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f’xi reġjuni u l-aggravazzjoni tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali huma wħud mill-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċjaw il-gvernijiet lokali u reġjonali. Uħud minn dawn l-isfidi u d-dimensjonijiet reġjonali tagħhom jistgħu saħansitra jsiru aktar viżibbli u urġenti minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19.

X’jirrakkomanda l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni?

B’mod ġenerali, il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni u l-politiki permezz ta’ Opinjonijiet li jqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet partikolari tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali. Il-kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport huma ttrattati mill- Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC). Fost it-tliet temi ewlenin tal- prijoritajiet politiċi tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni 2020-2025 hemm il-prijoritajiet “Inressqu lill-Ewropa eqreb iċ-ċittadini tagħha” u “Nibnu komunitajiet reġjonali u lokali reżiljenti”. Fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar “Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni” , il-KtR jappella għal rikonoxximent aħjar tal-ħtiġijiet reġjonali u jirrakkomanda li jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali fil-qasam tal-edukazzjoni.

X’qed tagħmel l-UE?

Sir af aktar: Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport – Konferenza dwar il-Futura tal-Ewropa (europa.eu)

Avvenimenti

Avvenimenti futuri

Avvenimenti li saru fil-passat

L-aħħar aħbarijiet

Multimedia

The future is in your hands

 

Ara aktar

  • The future is in your hands
    The future is in your hands
  • #TheFutureIsYours: "We need systemic changes to strengthen our health system"
    #TheFutureIsYours: "We need systemic changes to strengthen our health system"
  • #TheFutureIsYours: "I hope my son will harvest the fruits of digitalization"
    #TheFutureIsYours: "I hope my son will harvest the fruits of digitalization"
  • #TheFutureIsYours: "From climate change to migration, we want to make a change"
    #TheFutureIsYours: "From climate change to migration, we want to make a change"
  • #TheFutureIsYours: "Next generations will be even more European"
    #TheFutureIsYours: "Next generations will be even more European"
  • #TheFutureIsYours: "Europe was founded on the values of respect for freedom & equality"
    #TheFutureIsYours: "Europe was founded on the values of respect for freedom & equality"
  • #TheFutureIsYours: "The future of our planet concerns each & every one of us"
    #TheFutureIsYours: "The future of our planet concerns each & every one of us"
  • #TheFutureIsYours: "Today, so many people see their jobs become uncertain"
    #TheFutureIsYours: "Today, so many people see their jobs become uncertain"
  • #TheFutureIsYours: "I want Europe to be a welcoming place"
    #TheFutureIsYours: "I want Europe to be a welcoming place"
  • #TheFutureIsYours: "Today we take peace & justice for granted in Europe"
    #TheFutureIsYours: "Today we take peace & justice for granted in Europe"


Segwina

Kuntatt

Direttorat għall-Komunikazzjoni – Tim tad-Djalogi Lokali
Ikkondividi:
 
Back to top