Alleanza Ewropea taċ-Ċittadini Transkonfinali 

L-Alleanza Ewropea taċ-Ċittadini Transkonfinali tnediet fl-2020. Hija inizjattiva li għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE.

Diversi organizzazzjonijiet huma partijiet interessati tal-Alleanza Ewropea taċ-Ċittadini Transkonfinali:​

  • il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
  • l-Assoċjazzjoni ta' Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej
  • il-Missjoni Operazzjonali Transkonfinali
  • is-Servizz tal-Ewropa Ċentrali għall-Inizjattivi Transkonfinali.

Taqsimiet

Ir-reġjuni tal-fruntiera fl-UE​

Ir-reġjuni tal-fruntieri interni jkopru 40 % tat-territorju tal-UE, u jammontaw għal 30 % tal-popolazzjoni tagħha (150 miljun persuna) u jospitaw kważi 2 miljun ħaddiem transkonfinali. Sa minn meta ġew stabbiliti s-suq uniku u ż-żona Schengen, inħolqu ħafna opportunitajiet ġodda fir-reġjuni tal-fruntiera, u dawn ir-reġjuni f'ħafna każijiet waqfu milli jkunu periferiji, u nbidlu f'postijiet ta' tkabbir.

Sfidi għar-residenti fir-reġjuni tal-fruntiera

Madankollu, għad fadal ħafna ostakli. Iċ-ċittadini li jgħixu f'reġjuni tal-fruntiera għadhom jiltaqgħu ma' diffikultajiet fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, kemm jekk biex isibu impjieg, jaċċessaw il-kura tas-saħħa, jivvjaġġaw kuljum għax-xogħol jew jegħlbu problemi amministrattivi. Bl-istess mod, in-negozji jiffaċċjaw ostakli li jxekklu t-tkabbir tagħhom u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jibqgħu jiffaċċjaw sfidi biex jistabbilixxu kooperazzjoni transkonfinali aktar profonda, bħalma huma s-servizzi pubbliċi transkonfinali.

Dawn l-isfidi saru aktar evidenti matul il-kriżi tal-COVID-19, fejn wara għexieren ta' snin ta' moviment liberu, il-fruntieri ngħalqu mil-lum għall-għada u b'hekk iċ-ċittadini u n-negozji fir-reġjuni tal-fruntiera spiċċaw f'diffikultà kbira u dan wassal għal impatti ekonomiċi u soċjali negattivi enormi. Għalhekk huwa kruċjali li jingħelbu dawn l-ostakli sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li l-fruntieri miftuħa joffru liċ-ċittadini u lin-negozji u biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dan jinkiseb u jinżamm anke f'sitwazzjoni ta' kriżi.

Żieda fil-kooperazzjoni

Min-naħa l-oħra, ta' min jinnota li l-kriżi wasslet ukoll għal diversi forom ta' kooperazzjoni, u żvelat interdipendenzi u solidarjetà transkonfinali, li issa għandhom jiġu organizzati u msaħħa permezz ta' politiki pubbliċi Ewropej u nazzjonali, waqt li jitqiesu kompletament l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transkonfinali.

​Dikjarazzjoni u Riżoluzzjoni dwar il-kooperazzjoni transfruntiera​

​Fuq in-naħa tal-lemin, ser tkun tista' taqra d-Dikjarazzjoni dwar l-Alleanza Ewropea taċ-Ċittadini Transkonfinali “Ir-reġjuni transkonfinali fil-qalba tal-Ewropa ta' għada" li wasslet biex fl-1 ta' Lulju 2021, il-Plenarja tal-KtR tadotta r-Riżoluzzjoni “Viżjoni għall-Ewropa: il-futur tal-kooperazzjoni transkonfinali"

Din ir-Riżoluzzjoni hija riżultat ta' bosta diskussjonijiet, konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u konsultazzjonijiet pubbliċi li saru minn Lulju 2020 sa Lulju 2021, u tiddeskrivi proposti konkreti tal-Alleanza u l-KtR għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.


Dokumenti

Ikkondividi:
 
Back to top