Aċċess għad-dokumenti  

​​​​​​​​​​

It-Trattat ta' Amsterdam daħħal Artikolu 255 ġdid, li jistabbilixxi d-dritt taċ-ċittadini li jaċċessaw id-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Dawn it-tliet istituzzjonijiet adottaw ir-Regolament (KE) 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u sussegwentement, fi stqarrija konġunta talbu lill-aġenziji u l-korpi l-oħra Ewropej biex jadottaw regoli simili dwar dan is-suġġett.

Fi ħdan il-Kumitat tagħna, din it-talba wasslet għal politika ġdida dwar l-aċċess għad-dokumenti, u b'hekk għall-ikbar trasparenza f'ħidmitna. M'hemm l-ebda dubju li din it-trasparenza tippermetti li ċ-ċittadini jieħdu sehem ikbar fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet Komunitarji u tgħin issaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali skont id-definizzjoni fl-Artikolu 6 tat-Trattat tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Permezz tat-Trattat ta' Lisbona (2009), id-dritt taċ-ċittadini li jaċċessaw id-dokumenti, issa stabbilit fl-Artikolu 15(3) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ġie estiż formalment għal kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija tal-Unjoni Ewropea.


Taqsimiet

​D​​eċiżjoni Nru 18/2020 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kumitat tar-Reġjuni

Id-​Deċ​iżjoni Nru 18/2020 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kumitat tar-Reġjuni tħaddan b'mod espliċitu l-prinċipji u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tistabbilixxi wkoll il-proċedura biex jintalab l-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat.

Id-dokumenti tal-Kumitat imsemmija fil-lista mehmuża mad-Deċiżjoni Nru 18/2020 huma direttament aċċessibbli għaċ-ċittadini f'reġistru elettroniku tad-dokumenti. Dokumenti oħra jistgħu jiġu inklużi wkoll f'dan ir-reġistru tad-dokumenti.

Iċ-ċittadini jistgħu jitolbu aċċess għal kwalunkwe dokument ieħor, soġġett għal-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

L-applikazzjonijiet iridu jsiru b'mod preċiż biżżejjed u għandhom jinkludu, b'mod partikolari, l-informazzjoni li tippermetti li d-dokument jew dokumenti mitluba jiġu identifikati, kif ukoll l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-applikant. Madankollu, l-applikant mhuwiex obbligat li jiddikjara r-raġunijiet għall-applikazzjoni (ħlief f'ċerti każijiet li jinvolvu aċċess għal data personali). Il-Kumitat irid jikkonferma li rċieva l-applikazzjoni hekk kif tiġi rreġistrata u jwieġeb fi żmien 15-il jum tax-xogħol mir-reġistrazzjoni (b'eċċezzjoni din l-iskadenza tista' tiġi estiża bi 15-il jum tax-xogħol).

Jekk il-Kumitat jirrifjuta totalment jew parzjalment l-aċċess għad-dokument mitlub, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għal tali rifjut. L-applikant għandu 15-il jum tax-xogħol biex iressaq applikazzjoni konfermatorja. Wara dan, il-Kumitat għal darb'oħra għandu 15-il jum tax-xogħol (b'estensjoni possibbli ta' 15-il jum tax-xogħol addizzjonali) biex iwieġeb.

Jekk il-Kumitat xorta jirrifjuta li jagħti aċċess sħiħ għad-dokument mitlub wara applikazzjoni konfermatorja, l-applikant għandu l-possibbiltà li jibda proċedimenti tal-qorti kontra l-Kumitat u/jew iressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew.

Jekk ma tistax issib dokument fir- ​reġistru elettroniku tad-dokumenti, tista' tressaq talba għal aċċess għal dak id-dokument permezz tal-link ta' hawn taħt.

​Itlob dokument

Sabiex titlob aċċess għal dokument, jekk jogħġbok imla din in- formola u agħżel Aċċess għad-dokumenti.

Kuntatti

Id-Dipartiment tat-Trasparenza u l-Aċċess għad-Dokumenti jinsab disponibbli biex iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek u jgħinek fir-riċerka tiegħek.

Ibgħatilna email jew ittra bil-posta:

​​​Committee of the Regions of the European Union
Archives service (office JDE 4253)
Rue Belliard/Belliardstraat 99
1040 Bruxelles/Brussel​

Ikkondividi :
 
Back to top