Vasco Alves Cordeiro ġie elett President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’Ġunju 2022.
Imwieled fit-28 ta’ Marzu 1973 fl-Azores, reġjun awtonomu tal-Portugall u reġjun ultraperiferiku tal-UE, Vasco Alves Cordeiro, avukat, miżżewweġ u b’żewġt itfal, huwa membru tal-Assemblea Leġiżlattiva tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores.
Wara li gradwa fil-liġi mill-Università ta’ Coimbra u kiseb lawrja postgradwatorja fil-liġi reġjonali mill-Università ta’ Lisbona u l-Università tal-Azores, fl-1995 Vasco Alves Cordeiro beda l-karriera professjonali tiegħu bħala avukat fl-Azores, fejn ipprattika l-professjoni tiegħu sal-2003.
Fl-1996, ġie elett għall-ewwel darba bħala membru tal-Assemblea Leġiżlattiva tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores għall-Partit Soċjalista, u mexxa l-grupp soċjalista fil-parlament reġjonali bejn l-2000 u l-2003.
Minn dakinhar ’il hawn, huwa okkupa diversi karigi fl-eżekuttiv reġjonali, inklużi l-karigi ta’ Segretarju Reġjonali għall-Ekonomija (2008-2012), Segretarju Reġjonali għall-Presidenza (2004-2008), responsabbli għall-Affarijiet Ewropej u Esterni, u Segretarju Reġjonali għall-Agrikoltura u s-Sajd (2003-2004).
Fl-2012, ġie elett President tal-Gvern Reġjonali tal-Azores għall-ewwel darba, pożizzjoni li għaliha reġa’ ġie elett fl-2016, u, f’din il-kapaċità, irrappreżenta r-reġjun fil-livell Ewropew u internazzjonali bħala membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u bħala membru ta’ organizzazzjonijiet bħall-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa, il-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, l-Assemblea tar-Reġjuni tal-Ewropa, R20 – Reġjuni għall-Azzjoni Klimatika, u fil-qafas tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li jospitaw komunitajiet mill-Azores, inklużi l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u l-Brażil. Mill-2014 sal-2020, huwa kien il-President tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa.
Cordeiro ilu l-mexxej tal-Partit Soċjalista tal-Azores minn Jannar 2013.Vasco Alves Cordeiro jappoġja bil-qawwa l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-appoġġ taċ-ċittadini għall-proġett Ewropew, u ddedika ruħu wkoll għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-Unjoni Ewropea. Huwa jippromovi politiki Ewropej li ġenwinament jirriflettu l-interessi u l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini u jsaħħu r-rwol tar-reġjuni bħala swar tad-demokrazija interna tal-Unjoni u l-progress ekonomiku u soċjali tagħha.
Vasco Alves Cordeiro, li ilu membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mill-2013, u sostitut bejn l-2004 u l-2008, kien l-Ewwel Viċi President tal-istituzzjoni minn Frar 2020 sa Ġunju 2022.