Dwar il-KtR  

​Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-leħen tar-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u jagħti pariri dwar liġijiet ġodda li jkollhom impatt fuq ir-reġjuni u l-bliet (70% tal-leġislazzjoni kollha tal-UE).

Il-KtR huwa assemblea politika magħmula minn 329 membru u 329 sostitut mill-pajjiżi kollha tal-UE (raggruppati skont il-partit politiku u mmexxija mill-President) li jkunu ġew eletti fil-livell lokali jew reġjonali (pereżempju bħala sindki jew presidenti ta' reġjun). Huma jmorru Brussell sitt darbiet fis-sena biex jiddiskutu l-opinjonijiet tagħhom dwar leġislazzjoni proposta u biex jilħqu qbil dwar riżoluzzjonijiet dwar azzjoni ulterjuri mill-UE.

Il-Membri tal-KtR huma assistiti minn amministrazzjoni mmexxija mis-Segretarju Ġenerali.


Taqsimiet

​​Prinċi​pji ewl​​​enin

Il-KtR jaħdem biex iqarreb liċ-ċittadini lejn l-UE. Billi jinvolvi lir-rappreżentanti lokali u reġjonali li ta' kuljum ikunu f'kuntatt mal-preokkupazzjonijiet tal-elettorat tagħhom, iżda wkoll billi jistieden liċ-ċittadini jipparteċipaw f'avvenimenti u dibattiti differenti, il-KtR jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk bejn il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tal-UE.

Dikjarazzjon​​i tal-missjoni

Il-missjoni tagħna hija li ninvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet u b'hekk inħeġġu parteċipazzjoni akbar min-naħa taċ-ċittadini.

Governanza f'di​​versi livelli

Il-ħidmija fi sħubija hija pilastru ieħor tal-ħidma tal-KtR. Fi kliem ieħor, il-KtR jemmen f'azzjoni kkoordinata bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

Sussidjarj​età

Il-proċess leġislattiv kollu tal-UE għandu jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jfisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell tal-gvern li l-aħjar jaqdi l-interess pubbliku – lokalment meta jkun possibbli.

Liema tip t​​​a' leġislazzjoni tiġi diskussa?

Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonsultaw lill-KtR kull darba li jitressqu proposti ġodda f'oqsma li jkollhom riperkussjonijiet fil-livell reġjonali jew lokali: il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; il-Fondi Strutturali; il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; il-Fond Soċjali Ewropew; l-impjieg u l-affarijiet soċjali; l-edukazzjoni; iż-żgħażagħ; it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura u l-isport, l-ambjent, l-enerġija u t-tibdil fil-klima; it-trasport; in-netwerks trans-Ewropej; u s-saħħa pubblika.

Lil hinn minn dawn l-oqsma, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom l-għażla li jikkonsultaw lill-KtR.

Il-KtR jadotta rakkomandazzjonijiet dwar abbozzi ta' liġijiet tal-UE u jipproponi wkoll politiki ġodda fuq il-bażi tal-esperjenza u l-għarfien fil-livell lokali u reġjonali. Jista' jipproponi wkoll liġijiet ġodda u jpoġġi kwistjonijiet ġodda fuq l-aġenda tal-UE.

Ir-rwol tal-KtR ġie rikonoxxut u msaħħaħ mit-Trattat ta' Lisbona fl-2009. Il-KtR għandu jiġi kkonsultat f'kull fażi tal-proċess leġislattiv tal-UE u jista' jressaq il-leġislazzjoni tal-UE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull meta jħoss li jkunu ġew injorati d-drittijiet istituzzjonali tiegħu jew il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Minħabba f'hekk, issaħħu r-relazzjonijiet tal-KtR mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u l-Kunsill.

Kif jaħdem​​​ il-KtR?

Il-KtR huwa magħmul minn 329 membru u 329 sostitut mill-pajjiżi kollha tal-UE. Kull gvern nazzjonali jipproponi r-rappreżentanti reġjonali u lokali tiegħu (membri u sostituti) – id-delegazzjonijiet nazzjonali. Il-membri tal-KtR għandhom mandat ta' ħames snin, li jibda mid-data tal-ħatra uffiċjali tagħhom mill-Kunsill.

Sitt kummissjonijiet (sottokumitati), magħmulin minn membri u raggruppati skont l-oqsma ta' politika, janalizzaw it-testi leġislattivi abbozzati mill-Kummissjoni Ewropea u jfasslu opinjonijiet, li mbagħad jiġu diskussi u adottati fis-sessjonijiet plenarji tal-KtR.

Kull sentejn u nofs, l-Assemblea Plenarja teleġġi l-President tal-KtR u l-ewwel Vi​ċi President. Il-President j(t)irrappreżenta l-Kumitat u j(t)idderieġi l-ħidma tiegħu. Fl-assenza jew l-indisponibbiltà tal-President, huwa għandu jkun rappreżentat/hija għandha tkun rappreżentata mill-ewwel Viċi President jew xi ħadd mill-Viċi Presidenti l-oħra.

Il-membri t​​​al-KtR huma affiljati ma' gruppi politiċi?

Il-membri tal-KtR huma raggruppati skont l-affiljazzjoni politika tagħhom:

​Il-gruppi ġeneralment jiltaqgħu qabel kull sessjoni plenarja. Kull sena jista' jkollhom ukoll żewġ laqgħat straordinarji (li jsiru barra minn Brussell).

X'inhu l-​​baġit annwali tal-KtR?

Il-baġit annwali tal-KtR huwa ta' madwar EUR 96 miljun, li jkopru l-ispejjeż għall-persunal kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-interpretazzjoni u l-attivitajiet tal-komunikazzjoni tal-membri.

Ara hawn għal informazzjoni dettaljata dwar il-baġits tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

X'impatt għa​​ndu l-KtR?

L-UE mhijiex obbligata tqis l-opinjonijiet tal-KtR, iżda fil-prattika tqishom, fi gradi differenti (ara r-rapporti annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-segwitu tal-opinjonijiet tal-KtR, flimkien mar-rapporti t a' impatt tal-KtR).

​​Kemm jitħallsu l-membri?

Il-membri jitħallsu biss l-ispejjeż marbuta mal-attendenza tagħhom fil-laqgħat u din l-attendenza tiġi rreġistrata fil-minuti tal-laqgħat kollha disponibbli fil-Portal tal-Membri flimkien mad-dettalji personali tagħhom u l-attività tagħhom fil-laqgħat.

Fatti ewlenin

  • 70% tal-leġislazzjoni tal-UE għandha impatt reġjonali u lokali dirett
  • 27 pajjiż tal-UE
  • 329 membru elett fil-livell lokali u reġjonali
  • 6 kummissjonijiet
  • 6 gruppi politiċi
  • sa 6 sessjonijiet plenarji fis-sena
  • aktar minn 50 opinjoni adottata kull sena​


Dokumenti

Multimedia

Ever wondered what is the European Committee of the Regions? Take a virtual tour!

 

Ara aktar

  • Ever wondered what is the European Committee of the Regions? Take a virtual tour!
    Ever wondered what is the European Committee of the Regions? Take a virtual tour!
Ikkondividi :
 
Back to top