National Delegation 

Delegazzjoni nazzjonali ta’ Malta

​Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni jinħatru mill-Ministru responsabbli għall-Gvern Lokali fuq il-parir tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Maltin, u jiġu eletti minn fost is-sindki u l-kunsillieri kollha eletti f'Malta u Għawdex.

Taqsimiet

​Ħatra tad-de​​legazzjoni

Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni jinħatru mill-Ministru responsabbli għall-Gvern Lokali fuq il-parir tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Maltin, u jiġu eletti minn fost is-sindki u l-kunsillieri eletti kollha f'Malta u Għawdex. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ta' Malta ġiet stabbilita fl-1994 permezz ta' liġi. L-għanijiet u l-interessi tal-Assoċjazzjoni huma marbuta mar-rappreżentanza tal-kunsilli lokali kollha bil-għan li tipproteġi u tippromovi l-interessi komuni tagħhom, u li tirrappreżenta l-kunsilli lokali kollha f'Malta u barra, kif ukoll f'assoċjazzjonijiet internazzjonali tal-awtoritajiet tal-gvern lokali.

L-Assoċjazzjoni hija korp ġuridiku li għandu personalità ġuridika distinta.

L-Assoċjazzjoni hija magħmula minn 6 kunsillieri fil-kariga (attwalment tnejn minnhom huma sindki), u dawn jiffurmaw il-Kumitat Eżekuttiv. Il-Kumitat Eżekuttiv huwa assistit amministrattivament minn segretarju eżekuttiv jew segretarja eżekuttiva full-time tal-Assoċjazzjoni.

Is-sitt membri tal-Assoċjazzjoni huma eletti fuq il-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali permezz ta' vot wieħed trasferibbli, u ssir elezzjoni kull sentejn. In-numru ta' membri tal-Kumitat Eżekuttiv għandu jiżdied bin-numru ta' membri li jkunu meħtieġa sabiex il-partit li jikseb aktar minn ħamsin fil-mija, jew l-akbar perċentwal, tal-voti validi kollha, kif ikun il-każ, ikollu membru wieħed aktar mit-total tal-kandidati l-oħra. Il-kunsillieri kollha fil-kariga jistgħu jiġu nominati biex jikkontestaw bħala kandidati fl-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv. Ladarba eletti, il-membri tal-Kumitat huma obbligati jattendu l-laqgħat kollha tal-Kumitat.

Il-Kummissjoni Elettorali ta' Malta hija responsabbli għall-proċess tal-elezzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Il-president u l-viċi presidenti tal-Kumitat Eżekuttiv jinħatru mill-Kumitat minn fost il-membri tiegħu. Il-membru li jkun kiseb il-maġġoranza tal-voti tal-membri tal-Kumitat jinħatar; l-istess proċedura tgħodd għall-ħatra tal-viċi presidenti – affarijiet nazzjonali u internazzjonali.

Il-president, bħala r-rappreżentant tal-Assoċjazzjoni, jippresiedi jew tippresiedi l-laqgħat kollha tal-Kumitat. Is-superviżjoni tal-funzjonijiet kollha tal-Assoċjazzjoni hija wkoll ir-responsabbiltà tal-president. Barra minn hekk, ir-rappreżentazzjoni legali u ġudizzjarja tal-Assoċjazzjoni tingħata lill-president flimkien mas-segretarju eżekuttiv jew is-segretarja eżekuttiva tal-Assoċjazzjoni.

F'Malta hemm 54 kunsill lokali, u 14 oħra jinstabu fil-gżira ta' Għawdex, li jtellgħu t-total tal-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex għal 68. Mill-2019 'il quddiem, l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali bdew isiru kull ħames snin fil-lokalitajiet kollha, fl-istess ġurnata tal-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew, u l-għadd ta' kunsilliera eletti huwa proporzjonat għall-għadd ta' residenti li jgħixu f'lokalità partikolari. In-numru ta' persuni eletti huwa dejjem fard, u l-persuna li tikseb l-ogħla numru ta' voti mill-partit li jikseb l-ogħla numru ta' voti tiġi awtomatikament eletta bħala sindku.

President

Coordinators

Ikkondividi :
 
Back to top