Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja lokali jħeġġu azzjoni internazzjonali miftiehma biex jistabbilizzaw il-Mediterran  

Il-mexxejja lokali u reġjonali minn madwar il-Mediterran u l-Unjoni Ewropea ħeġġew lill-gvernijiet nazzjonali u lill-komunità internazzjonali biex jaħdmu aktar mill-qrib mas-sindki u l-gvernaturi biex jgħinu jistabbilizzaw l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.

Il-kunflitt fil-Libja u l-isfidi tal-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima kienu ta’ tħassib partikolari għas-sindki, l-gvernaturi u r-rappreżentanti reġjonali waqt l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), li ltaqgħet f’ Malta fit-23 ta’ Frar.

Waqt il-laqgħa prinċipali tas-sena, il-membri tal-ARLEM, li jagħmlu parti mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u minn pajjiżi mhux membri tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran, osservaw li l-kooperazzjoni reċenti ma’ bliet Libjani hija evidenza li, anke f’ċirkustanzi diffiċli, il-bliet jistgħu jiżviluppaw sħubijiet li jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni. F’riżoluzzjoni dwar is-Sirja, huma qalu wkoll li kienu “lesti li jappoġġaw lill-poplu Sirjan fl-isforzi tiegħu biex itemm il-gwerra ċivili u jiġġieled l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni” u nnotaw li “din l-għajnuna tibda fil-bliet ġirien li jilqgħu lir-refuġjati u jittrattaw l-emerġenza umanitarja”.

Il-kopresident tal-ARLEM, Markku Markkula , President tal-KtR, qal: “Ma nistgħux tassew ikollna Ewropa sikura u prosperuża jekk ikollna viċinat mhux stabbli. L- Inizjattiva ta’ Nikosija, li permezz tagħha l-imsieħba Ewropej u Mediterranji jaqsmu l-għarfien tagħhom u l-appoġġ prattiku mal-awtoritajiet Libjani, hija biss eżempju wieħed ta’ kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom valur miżjud reali, permezz ta’ għodod bħad-diplomazija tal-bliet u l-kooperazzjoni deċentralizzata. Huwa biss permezz ta’ ħidma flimkien fil-livell lokali li l-UE ser tkun tista’ ssib tweġibiet sostenibbli għall-kriżi tal-migrazzjoni, it-traffikar tal-bnedmin, il-gwerer eżistenti u t-theddida tat-terroriżmu”.

Il-kollega kopresident tiegħu, Hani Abdalmasih Al-Hayek , Sindku ta’ Beit Sahour fil-Pa lestina, qal f’isem il-membri tal-ARLEM li mhumiex parti mill-UE li: “L-amministraturi lokali ser jagħtu ħafna mis-servizzi bażiċi li ser iwasslu għat-tnissil mill-ġdid ekonomiku u soċjali ta’ bliet fil-Libja, iżda wkoll fis-Sirja. Kollha kemm aħna għandna responsabilità li ngħinu kif nistgħu. Għandna wkoll id-dmir li nindirizzaw theddid ieħor għall-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran, bħat-tibdil fil-klima”.

Carmelo Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà Soċjali ta’ Malta, li attwalment għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qal li “Huwa biss meta nkunu stabbilixxejna sitwazzjoni ta’ migrazzjoni ġestita mill-awtoritajiet iktar milli mill-kuntrabandisti tal-migranti li nkunu nisgħu ngħidu li qegħdin nindirizzaw il-mirazzjoni b’mod effiċjenti u effettiv.” Huwa żid jgħid li: “L-Unjoni Ewropea hija serjament impenjata li tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi sħab ta’ oriġini u ta’ transitu. Fil-kuntest tal-UE, Malta kontinwament saħqet dwar dan u dan jibqa’ prijorità għal pajjiżna, kemm jekk bħala stat membru tal-UE kif ukoll bħala pajjiż li għandu l-Presidenza attwali tal-Kunsill. Il-kooperazzjoni transkontinentali tagħna għandha tkun komprensiva kemm jista’ jkun, u tħaddan u tagħti l-istess importanza lill-ħames oqsma prijoritarji kollha miftiehma fil-Pjan Konġunt ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta.”

L-awtoritajiet lokali Sirjani ma kinux irrappreżentati fil-laqgħa tal-ARLEM, iżda waqt is-sessjoni plenarja tal-ARLEM u wkoll waqt il-konferenza li ffukat fuq il-migrazzjoni fit-22 ta’ Frar saru diskorsi minn delegazzjoni mil-Libja – immexxija minn Abdel Beitelmal, Sindku ta’ Tripli, u Mustafa al-Baroni , Sindku ta’ Zintan, u li inkludiet rappreżentanti minn Bengażi, Sebha, Sirte u Tobruk.

Is-Sur Beitelmal qal: “Il-mexxejja lokali rnexxielhom iżommu livell sinifikanti ta’ stabbiltà f’ħafna partijiet tal-Libja matul dawn l-aħħar ħames snin, iżda battiet il-kapaċità tagħna li nipprovdu s-servizzi. F’Jannar 2016, aħna staqsejna lill-membri tal-ARLEM għall-għajnuna f’sitt oqsma, mit-taħriġ fil-ġestjoni finanzjarja sal-appoġġ għall-ġestjoni tal-ilma. Irrispondew reġjuni bħal Flanders u Murcia, u bliet bħal Antwerp, Mechelen, Nikosija u Vila Real de Santo Antonio, u ġie mwiegħed aktar appoġġ. Nittamaw li l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali ser jaraw dan is-suċċess u jiżguraw kooperazzjoni fit-tul. Kulħadd jeħtieġ Libja li tiffunzjona u li tkun stabbli”.

Il-migrazzjoni mil-Libja kienet suġġett ċentrali fil-konferenza dwar il-migrazzjoni u fis-sessjoni plenarja. Fost il-kelliema kien hemm: Bettina Muscheidt , Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għal-Libja; Jose Carreira, Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil; Vincenzo Biano (IT/PSE), relatur tal-KtR dwar l-asil u Sindku ta’ Katanja, port li f’dawn l-aħħar snin irċieva ħafna eluf ta’ migranti salvati fil-Mediterran; u Peter Bossman (SI/PSE), relatur tal-KtR dwar is-sħubijiet ta’ migrazzjoni tal-UE.

Waqt il-laqgħa, l-ARLEM adottat rakkomandazzjonijiet dwar il-politika tal-enerġija u tal-klima – abbozzati minn Mohamed Sadiki , Sindku ta’ Rabat – u dwar kooperazzjoni transkonfinali fil-Mediterran, abbozzati minn Francesco Pigliaru , President tar-Reġjun ta’ Sardenja. Il-Marokk ilu jsegwi politika ambizzjuża għat-tranżizzjoni tal-enerġija għal kważi għaxar snin. Sardenja tospita l-awtorità ta’ ġestjoni ta’ programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali maħluq taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat tal-UE.

Fost deċiżjonijiet oħra meħuda f’Malta, l-ARLEM qablet li tibgħat membri fit-Tuneżija biex josservaw l-elezzjonijiet lokali din is-sena, bħala parti minn missjoni organizzata mill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Nota lill-edituri

Mill-2015 ’l hawn, il-Kumitat tar-Reġjuni żviluppa relazzjoni mill-qrib mal-bliet Libjani, bil-għan li jittejbu s-servizzi pubbliċi fil-Libja u l-bliet Libjani jiġu megħjuna jidħlu fil-komunità internazzjonali. F’Jannar 2016, fuq talba tal-bliet Libjani, il-KtR qabel li jimmobilizza u jiffaċilita sħubijiet bejn il-Libja u l-bliet u r-reġjuni tal-UE. Skont l-Inizjattiva ta’ Nikosija, li tissejjaħ hekk minħabba li l-idea ġiet miftiehma fil-belt kapitali ta’ Ċipru, il-bliet u r-reġjuni tal-UE sa issa pprovdew jew wegħdu appoġġ għall-awtoritajiet lokali tal-Libja fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, il-kura tas-saħħa primarja, l-amministrazzjoni pubblika, it-taħriġ fil-lingwi, l-ibbaġitjar, is-sajd, iż-żamma tal-ordni pubbliku mill-pulizija u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.

F’opinjoni mfassla mis-Sindku ta’ Rabat, Mohamed Sadiki, dwar L-enerġija u t-tibdil fil-klima fir-reġjun tal-Mediterran”, l-ARLEM tħeġġeġ lill-pajjiżi madwar il-Mediterran biex jitbiegħdu mill-karburanti fossili, u tistieden lill-pajjiżi membri tal-UE biex jagħmlu ħafna iktar milli indikat fil-Politika tal-Viċinat fl-għajnuna lir-reġjun biex jieħu azzjoni relatata mal-klima. Hija tappella lil dawk li jfasslu l-politika – fil-livelli kollha – biex iqisu l-klima fil-politiki kollha tagħhom, u tħeġġeġ lid-diplomatiċi biex jimpenjaw ruħhom f’aktar “djalogu reġjonali”, bil-għan li jiġi stabbilit “qafas robust ta’ kooperazzjoni fil-Mediterran fil-qasam tal-klima”. Fl-istess waqt, hija targumenta li – fis-settur tal-enerġija – l-UE għandha tieqaf bin-“negozjati politiċi bejn reġjuni sħaħ” u, minflok, tadotta approċċ bilaterali. Fost ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, tagħtihom il-parir li jissieħbu fil-Patt Dinji tas-Sindki, approċċ minn isfel għal fuq għall-azzjoni dwar il-klima fejn il-komunitajiet jagħmlu wegħdiet ambizzjużi bi skambju għal appoġġ tekniku u aċċess aktar faċli għall-fondi.

Il-programmi tal-Unjoni Ewropea relatati mal-kooperazzjoni transkonfinali fil-Mediterran kienu ta’ benefiċċju kemm għar-reġjuni tal-UE kif ukoll għar-reġjuni li mhumiex fl-UE, tiddikjara l-ARLEM f’Opinjoni mfassla minn Francesco Pigliaru, President tar-Reġjun ta’ Sardenja. Madankollu, hija tirrakkomanda approċċ “prudenti u gradwali” għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni transkonfinali fir-reġjun tal-Mediterran minħabba diversità politika, ekonomika, u amministrattiva u instabbiltà li għadha għaddejja. Hija tenfasizza li, filwaqt li l-programmi transkonfinali huma popolari mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-differenzi fil-kapaċità amministrattiva affettwaw l-użu tagħhom mill-awtoritajiet tan-Nofsinhar tal-Mediterran u dan jgħin jispjega għala l-awtoritajiet lokali jkunu l-imsieħba ewlenin biss b’mod infrekwenti. Hija tappella għal aktar sforzi sabiex tinbena l-kapaċità istituzzjonali tagħhom u sabiex jingħataw rwol aktar effettiv fl-iżvilupp tal-programmi.

Kuntatt:
Andrew Gardner
Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :