Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE m’għandhiex tillimita l-appoġġ lokali u reġjonali  

L-impatt tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali kien it-tema ta’ Opinjoni adottata fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fis-sessjoni plenarja ta’ Diċembru. Matul dibattitu mal-Kummissarju tal-UE għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, il-membri tal-KtR saħqu li r-regoli jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u soċjali mingħajr ma titqies l-għajnuna mill-Istat.

Il-politika tal-kompetizzjoni hija l-għodda tal-UE biex jiġu protetti s-suq intern u l-konsumaturi tiegħu minn abbuż potenzjali minn negozji dominanti li kieku jitolbu prezzijiet eċċessivi jew jimponu termini inġusti li jkollhom effetti negattivi fuq iċ-ċittadini u fuq l-ekonomiji lokali u reġjonali. Din tillimita wkoll l-intervent mill-Istat, li jista’ joħloq problemi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jagħtu servizzi pubbliċi jew li jappoġġjaw lin-negozji u l-ekonomiji lokali tagħhom.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma sensittivi għad-deċiżjonijiet relatati mal-kompetizzjoni, inklużi d-deċiżjonijiet tat-taxxa, peress li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fil-livell lokali u reġjonali. Dawn jipprovdu Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ), missjoni importanti sabiex jiġu appoġġjati l-Ewropej fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-bliet u r-reġjuni għandhom jiġu appoġġjati f’dan il-kompitu, inkluż fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE ", qal Karl-Heinz Lambertz , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni meta fetaħ id-dibattitu.

Margrethe Vestager , Kummissarju tal-UE għall-Kompetizzjoni, qalet: "Naqblu mal-KtR li meta l-infiq pubbliku ma jolqotx il-kompetizzjoni fuq skala Ewropea, allura m’hemm l-ebda bżonn li l-Kummissjoni Ewropea tkun involuta. Ir-rwol tagħna huwa li niżguraw li s-suq Ewropew jinżamm miftuħ u ġust. U jeħtieġ li niżguraw li ċ-ċittadini u l-intraprendituri li għandhom ideat brillanti ma jinżammux barra mis-suq minn kumpaniji li jirċievu għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss jekk is-suq ma jkunx jista’ jwettaq proġett. Napprezzaw l-iskambju tal-lum ma’ rappreżentanti lokali u reġjonali li jelenkaw l-oqsma fejn għandna bżonn immexxu xogħolna ’l quddiem.”

L-Opinjoni tal-KtR tenfasizza l-impatt pożittiv li l-politika tal-kompetizzjoni Ewropea għandha fuq iċ-ċittadini u n-negozji, billi testendi l-għażla taċ-ċittadini u tħeġġeġ l-innovazzjoni, u tfaħħar lill-Kummissjoni Ewropea talli indirizzat il-kwistjoni tal-imblukkar ġeografiku u l-kummerċ elettroniku li huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi Ewropej.

Madankollu, Michael Murphy (IE/PPE), membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary fl-Irlanda u relatur tal-Opinjoni tal-KtR, qal li kien hemm bżonn ta’ approċċ bilanċjat fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni li jqis id-differenzi fil-pożizzjoni ġeografika kif ukoll is-sitwazzjoni soċjali u kulturali, “Neħtieġu aktar semplifikazzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali b’tali mod li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala fornituri tas-servizzi, jistgħu jirreaġixxu għall-isfidi ekonomiċi lokali, b’mod partikolari għar-reġjuni periferiċi fejn is-suq mhux dejjem jista’ jkun rotta vijabbli biex jiġi pprovdut servizz u jiġu megħjuna ċittadini vulnerabbli, kumpaniji żgħar li qed jitħabtu u dawk li jfaddlu”.

L-Opinjoni tenfasizza wkoll il-bżonn li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u trasparenza tal-prezzijiet fil-katina tal-provvista alimentari sabiex jiġu protetti l-bdiewa Ewropej. Meta wieħed iħares lejn l-isfidi tal-ġejjieni, il-KtR jirrakkomanda aktar flessibbiltà dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, li tippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jgħinu b’mod aktar proattiv lin-negozji Ewropea sabiex jinnavigaw l-inċertezzi ekonomiċi tal-Brexit mingħajr ma dan jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

F’Opinjoni separata tal-KtR tqajmet ukoll il-kwistjoni tal-akkomodazzjoni soċjali “ Lejn Aġenda Ewropea għall-akkomodazzjoni” minn Hicham Imane (BE/PSE), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Charleroi fil-Belġju, adottata fl-istess jum. Huwa jargumenta li l-politika tal-kompetizzjoni m’għandhiex tillimita l-akkomodazzjoni soċjali għall-ifqar jew għall-gruppi soċjali inqas vantaġġati. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom il-libertà fl-ippjanar, it-twettiq u l-finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali biex jgħinu wkoll lil dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni sottostandard jew b’wisq nies jgħixu fiha jew li jkollhom jonfqu l-biċċa l-kbira tad-dħul tagħhom biex jaffordjaw akkomodazzjoni deċenti.

Opinjonijiet relatati mal-kompetizzjoni:

• Opinjoni: Lejn Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni

• Opinjoni: Għajnuna mill-Istat u Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (Stqarrija għall-Istampa)

Opinjoni: Rieżami tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (Stqarrija għall-Istampa)

Punt ta’ kuntatt:
Carmen Schmidle
Tel. +32 (0)2 282 2366

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Ikkondividi :