Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 sena tat-Trattat ta’ Ruma: opportunità biex “nirriflettu”, nisimgħu u nwittu triq ġdida għall-Ewropa  

Qabel is-60 sena tat-Trattat ta’ Ruma u fil-kuntest ta’ skuntentizza dejjem tikber lejn il-proġett Ewropew, il-bliet u r-reġjuni tal-UE wiegħdu li jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom biex iċ-ċittadini jkunu involuti aktar fit-tfassil ta’ triq ġdida għall-Unjoni. Wara dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa b’delegazzjoni ta’ 200 żagħżugħ Ewropej, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) illum adottaw riżoluzzjoni li timmarka t-tnedija ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni maċ-ċittadini dwar “Nirriflettu dwar l-Ewropa” fl-UE kollha. Ir-riżultat ta’ din l-inizjattiva wiesgħa ser jitqies fil-kontribut tal-KtR għad-diskussjonijiet politiċi futuri dwar il-futur tal-Unjoni.

Waqt li fetaħ id-dibattitu fis-sessjoni plenarja, il- President tal-KtR , is-Sur Markkula, enfasizza li “ Fiż-żminijiet diffiċli tal-lum, anniversarji bħas-60 sena mit-Trattat ta’ Ruma u l-25 sena tat-Trattat ta’ Maastricht għandhom ikunu opportunità biex ikollna dibattitu onest dwar l-Ewropa. Iżda wasal iż-żmien li ma nibqgħux biss nitkellmu u nisimgħu: irridu naġixxu. Irridu l-azzjoni u rriduha issa. Dan huwa dak li n-nies, inklużi l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, iridu mill-Ewropa, u dak li ridna nuru bl-"emenda taż-żgħażagħ" tal-lum. Għandna bżonn Unjoni Ewropea li fiha ċ-ċittadini jħossu li leħinhom tabilħaqq jinstema’ u l-individwi jħossuhom sikuri jsegwu l-ħolm tagħhom. Irridu nerġgħu nibnu Unjoni Ewropea għal u maċ-ċittadini” .

Permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Mudell tal-Parlament Ewropew, id-dibattitu tal-lum dwar il-futur tal-Ewropa bbenefika ħafna mill-ideat u l-fehmiet ta’ madwar 200 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej li ħadu sehem b’mod attiv fil-ħidma plenarja. Il-parteċipazzjoni tagħhom tkompli mid-djalogu taċ-ċittadini żgħażagħ” dwar “kif terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-UE bl-għajnuna tar-reġjuni u l-bliet” li ġie organizzat matul il-Festival tal-Fehma taż-Żgħażagħ (YO!Fest) fis-7 ta’ Frar f’Maastricht ma’ rappreżentanti tal-KtR mill-partiti politiċi kollha.

Bħala parti mill-kontribut tiegħu għar-riflessjoni politika usa’ dwar il-futur tal-UE, il-membri tal-KtR adottaw riżoluzzjoni li tappoġġja l-idea li jitnieda proċess estensiv ta’ konsultazzjoni ta’ “Nirriflettu dwar l-Ewropa”, l-aktar fil-forma ta’ djalogi taċ-ċittadini u d-dibattiti fil-livell lokali (town hall debates), biex jiġbru t-tħassib taċ-ċittadini u jsemmgħu leħinhom fil-livell tal-UE. Dan l-approċċ “minn isfel għal fuq” sar saħansitra aktar rilevanti wara talba formali mingħand il-President tal-Kunsill Ewropew Tusk lill-KtR biex jibgħat il-pożizzjoni tiegħu dwar ir-“Riflessjonijiet dwar l-Ewropa” permezz ta’ leħen il-bliet u r-reġjuni. Il-pożizzjoni tal-KtR, li għandha tiġi adottata fl-2018, ser tislet mir-riżultat tal-konsultazzjoni u ser titħejja mill-President tal-KtR, is-Sur Markkula u l-ewwel Viċi President, is-Sur Lambertz.

Is-Sur Lambertz kien ħerqan li jenfasizza liStennijiet speċjali jimxu id f’id ma’ okkażjonijiet speċjali, bħall-anniversarji ta’ din is-sena mit-Trattati ta’ Ruma u ta’ Maastricht. L-Ewropa għaddejja minn żminijiet partikolarment iebsin, u qed tiffaċċja numru kbir ta’ kriżijiet. Għandna bżonn nibdlu x-xettiċiżmu attwali f’tama u din hija missjoni fejn aħna, bħala rappreżentanti lokali u reġjonali qrib iċ-ċittadini, nistgħu nagħtu kontribut siewi. Din ir-riżoluzzjoni m’għandhiex tkun dokument ieħor li jintilef f’fajls diġitali. Għandha tniedi proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-Ewropa li jwassal għal riżultati konkreti”.

Fir-riżoluzzjoni tagħhom, il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE jappellaw ukoll għal :

Ewropa li tista’ terġa’ tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew;

Unjoni li tipprovdi soluzzjonijiet effikaċi u f’waqthom għall-isfidi kbar komuni li l-bliet, ir-reġjuni u l-istati ma jistgħux jindirizzaw waħedhom, bħalma huma ż-żieda tal-kompetittività tal-UE, it-tisħiħ tal-koeżjoni, l-iżgurar ta’ spazju sikur għal kulħadd, l-indirizzar tal-kriżi tal-migranti u tar-refuġjati, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Ewropa li tirrikonoxxi l-importanza li jiġu żgurati l-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ u djalogu miftuħ bejn il-popli tal-ġenerazzjonijiet kollha.

Nota lill-edituri:

L-inizjattiva tal-KtR biex jikkonsulta liċ-ċittadini Ewropej direttament fil-livell lokali diġà tnediet, u fl-2016 ġew organizzati 27 avveniment lokali dwar “Ejjew nitkellmu dwar l-Ewropa” mill-KtR, il-membri tiegħu u l-imsieħba lokali u reġjonali, fi 13-il pajjiż tal-UE, b’parteċipazzjoni globali ta’ aktar minn 3 200 ċittadin.

Dan l-eżerċizzju ser ikun intensifikat matul l-2017 b’madwar 70 avveniment lokali li għandhom jiġu organizzati fl-Istati Membri kollha.

Il-Kumitat qiegħed iħeġġeġ ukoll lill-kunsilli lokali u reġjonali biex jorganizzaw id-dibattiti tagħhom, inkluż fil-korpi istituzzjonali tagħhom stess, biex ikomplu jiżguraw li ċ-ċittadini qegħdin jinstemgħu matul dan il-perjodu ta’ riflessjoni.

Aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva tal-KtR dwar “Nirriflettu dwar l-Ewropa”.

Ir-ritratti mis-sessjoni plenarja jistgħu jitniżżlu b’xejn mill-gallerija Flickr tagħna

Ir-ritratti taċ-Ċerimonja tal-iffirmar tat-“Trattat il-Ġdid taż-Żgħażagħ: l-Ewropa f’25 sena”

Punt ta’ kuntatt:
Nathalie Vandelle
Tel. +32 (0)2 282 24 99

nathalie.vandelle@cor.europa.eu

Ikkondividi :